Language of document : ECLI:EU:F:2008:65

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

22 ta’ Mejju 2008 (*)

“Servizz pubbliku – Kompetizzjoni ġenerali – Kundizzjonijiet għall-ammissjoni – Esperjenza professjonali mitluba – Rifjut li jiġi rreklutat kandidat inkluż fil-lista ta’ riżerva – Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla u tal-Awtorità tal-Ħatra”

Fil-Kawża F‑145/06,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA,

César Pascual García, residenti f’Madrid (Spanja), irrappreżentat minn B. Cortese u C. Cortese, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Currall u M. Velardo, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla),

kompost minn S. Van Raepenbusch (Relatur), President, I. Boruta u H. Kanninen, Imħallfin,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Marzu 2008,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-22 ta’ Diċembru 2006 permezz ta’ faks (l-oriġinal ġie ppreżentat fit-2 ta’ Jannar 2007), C. Pascual García, kandidat li għadda mill-kompetizzjoni ġenerali EPSO/B/23/04 (ĠU C 81 A tal-31 ta’ Marzu 2004, p. 17), qiegħed jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali taċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka (ĊKR) tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li jinsab f’Ispra (l-Italja), tas-7 ta’ April 2006, li ma titteħidx inkunsiderazzjoni l-kandidatura tiegħu għall-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/2005/2969 u li jiġi inkluż kumment fil-lista ta’ riżerva tal-imsemmija kompetizzjoni li jinforma lid-dipartimenti li r-rikorrent ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni għall-kompetizzjoni inkwistjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        F’Awwissu 1998, ir-rikorrent kiseb mill-Università awtonoma ta’ Madrid (Spanja) (Universidad autonoma de Madrid, iktar ’il quddiem l-“UAM”) lawrja fix-xjenzi fiżiċi u, fl-2000, lawrja fix-xjenzi tal-materjali.

3        Bejn l-1 ta’ Frar 2001 u l-31 ta’ Jannar 2004, huwa ħadem mal-Iskola Normali Superjuri ta’ Piża (l-Italja) (Scuola Normale Superiore, iktar ’il quddiem l-“SNS”) u mal-Istitut Nazzjonali tal-Fiżika tal-Materja (Istituto Nazionale per la Fisica della Materia, iktar ’il quddiem l-“INFM”), f’pożizzjoni ta’ perfezzjonament fil-fiżika tal-materja kondensata (posto di perfezionamento triennale in fisica della materia condensata, iktar ’il quddiem id-“dottorat ta’ riċerka”). Matul dan il-perijodu, huwa wettaq riċerki fis-setturi tas-semikondutturi u tan-nanoxjenza fi ħdan in-“Natioanl enterprise for nanoScience and nanoTechnology”, impriża konġunta ta’ riċerka stabbilita mill-SNS u mill-INFM (iktar ’il quddiem in-“NEST”), filwaqt li segwa 150 siegħa ta’ korsijiet.

4        Għandu jiġi osservat li, wara li fl-Italja ġew stabbiliti d-dottorati ta’ riċerka permezz tad-Decreto del Presidente della Repubblica 11 luglio 1980, n. 382, Riordinamento della docenza universitaria, relativa fascia di formazione nonché sperimentazione organizzativa e didattica (Digriet tal-President tar-Repubblika tal-11 ta’ Lulju 1980, Nru 382, dwar ir-riforma fl-edukazzjoni akkademika, formazzjoni, esperimentazzjoni tal-organizzazzjoni u tad-didattika, GURI Nru 209, tal-31 ta’ Lulju 1980), il-Legge 18 giugno 1986, n. 308, Equipollenza del Diploma di Perfezionamento della Scuola Normale Superiore di Pisa con il titolo di Dottore di Ricerca (Liġi tat-18 ta’ Ġunju 1986, Nru 308, GURI Nru 149, tat-30 ta’ Ġunju 1986), stabbilixxiet livell ta’ ekwivalenza bejn id-diploma ta’ perfezzjonament (diploma di perfezionamento) maħruġa mill-SNS u d-diploma ta’ dottorat ta’ riċerka (dottore di ricerca) maħruġa mill-universitajiet Taljani l-oħra.

5        Mit-2 ta’ Frar 2004 sal-1 ta’ Frar 2005, ir-rikorrent kompla jaħdem għall-SNS, din id-darba taħt kuntratt ta’ kollaborazzjoni f’attivitajiet ta’ riċerka (contratto di collaborazione ad attività di ricerca, iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ riċerka”).

 Il-kompetizzjoni ġenerali EPSO/B/23/04

6        Fil-31 ta’ Marzu 2004 ġie ppubblikat l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/B/23/04 li l-għan tagħha kien li tiġi stabbilita lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ aġenti tekniċi (B 5/ B 4) fl-oqsma tar-riċerka u tat-teknika (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kompetizzjoni”). Din il-kompetizzjoni kienet tkopri diversi oqsma, b’mod partikolari dak tal-“fiżika [tax-]xjenzja ta’ materjali, [tal-]mekkanika u [tal-]elettronika”, li fir-rigward tiegħu r-rikorrent ippreżenta l-kandidatura tiegħu. Id-data finali għar-reġistrazzjoni kienet it-30 ta’ April 2004.

7        Fir-rigward tal-qasam “fiżika, xjenza ta’ materjali, mekkanika u elettronika”, il-funzjonijiet kienu deskritti fil-punt I tat-Titolu A tal-avviż ta’ kompetizzjoni bil-mod segwenti:

“Il-funzjonijiet jikkonsistu essenzjalment:

–        fl-użu u fid-disinn fuq bażi ta’ istruzzjonijiet, ta’ installazzjonijiet sperimentali, implementazzjoni ta’ miżuri sperimentali,

–        fl-iżvilupp u fl-użu ta’ tekniki analitiċi,

–        fil-verifika u fil-validazzjoni tar-riżultati,

–        fl-implementazzjoni ta’ metodi li jiggarantixxu l-kwalità fl-oqsma msemmija iktar ’l isfel.

[…]

B’mod partikolari:

–        strumentazzjoni, sistemi ta’ sorveljanza, sistemi ta’ kejl u ta’ skoperta fl-oqsma tal-ambjent, tas-saħħa, tal-enerġiji li jistgħu jiġġeddu u tal-emissjonijiet,

–        analiżi u pproċessar ta’ materjali għat-teknoloġiji bijomedikali,

–        disinn u ħolqien ta’ installazzjonijiet sperimentali,

–        installazzjonijiet u manteniment ta’ sistemi idrawliċi, bi pressjoni għolja, bi pressjoni baxxa u krijoġeniċi,

–        metroloġija,

–        responsabbiltà għal laboratorju tal-elettronika u tal-elettroteknika,

–        responsabbiltà għal u manteniment ta’ installazzjonijiet elettroniċi,

–        kisba ta’ data u ħolqien ta’ mudelli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        Il-punt II tat-Titolu A tal-avviż ta’ kompetizzjoni kien jispeċifika l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni fir-rigward tal-kwalifiki jew diplomi, tal-esperjenza professjonali u tal-konoxxenzi lingwisitiċi, kundizzjonijiet li l-kandidati kellhom jissodisfaw fid-data finali għar-reġistrazzjoni. B’mod partikolari, fir-rigward tal-esperjenza professjonali mitluba, l-intestatura 2 kienet ifformulata kif ġej:

“Il-kandidati għandhom ikunu kisbu, wara d-diploma jew iċ-ċertifikat miksuba wara t-tkomplija tal-istudji sekondarji superjuri, esperjenza professjonali ta’ mill-inqas erba’ snin full-time, li sentejn minnhom ikunu rilevanti għall-funzjonijiet ikkonċernati.

Se jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala esperjenza professjonali u sa massimu ta’ sentejn:

–        kull perijodu ta’ prattika f’pożizzjoni ta’ speċjalizzazzjoni jew ta’ perfezzjonament professjonali bi tħejjija għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet iddefiniti fil-punt I tat-Titolu A, liema perijodi għandhom ikunu debitament attestati,

–        kull perijodu addizzjonali ta’ formazzjoni, ta’ studju jew ta’ riċerka bi tħejjija għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet iddefiniti fil-punt I tat-Titolu A, u kkonfermati b’diploma ta’ livell mill-inqas ekwivalenti għal-livell li jagħti aċċess għall-kompetizzjoni.

Jekk il-perijodu ta’ prattika f’pożizzjoni ta’ speċjalizzazzjoni jew ta’ perfezzjonament professjonali jikkoinċidi ma’ perijodu ta’ attività professjonali, il-Bord tal-Għażla se jieħu inkunsiderazzjoni biss il-perijodu ta’ attività professjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        Fit-Titolu C, l-intestatura 3 “Kandidatura kompleta” kienet tipprovdi li ċ-ċittadinanza, l-istudji, il-formazzjoni, il-prattika, ir-riċerki u l-esperjenza professjonali kellhom jiġu speċifikati fid-dettall fl-applikazzjoni, li magħha kellhom jiġu annessi dokumenti ta’ sostenn, u li fuq il-bażi tagħha l-Bord tal-Għażla kellu jivverifika jekk il-kandidati kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet indikati fil-punt II tat-Titolu A tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

10      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Marzu 2005, l-Uffiċċju Ewropew għall-Għażla tal-Personal (EPSO) informa lir-rikorrent li huwa kien jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti fl-avviż ta’ kompetizzjoni u mbagħad, permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Ottubru 2005, l-EPSO indikalu li ismu kien tniżżel fil-lista ta’ riżerva, li kienet tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2007, mingħajr madankollu ma tah garanzija dwar l-eventwali reklutaġġ tiegħu.

 L-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/2005/2969

11      Iċ-ĊKR ippubblika l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/2005/2969 – B*3/B*11 (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ pożizzjoni vakanti”). Fil-21 ta’ Novembru 2005, ir-rikorrent ġie mistieden għal intervista bl-iskop ta’ reklutaġġ mal-Istitut għas-Saħħa u l-Protezzjoni tal-Konsumaturi f’Ispra (iktar ’il quddiem l-“ISPK”). Din l-intervista nżammet fis-6 ta’ Diċembru ta’ wara.

12      Fl-14 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrent ġie mistieden ukoll għal intervista bl-iskop ta’ reklutaġġ mal-Istitut Transuraniku taċ-ĊKR, f’Karlsruhe (il-Ġermanja). Id-data għal din l-intervista ġiet stabbilita għas-17 ta’ Jannar 2006.

13      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Diċembru 2005, il-Kap tal-Unità tar-Riżorsi Umani taċ-ĊKR ta’ Ispra informa lir-rikorrent li huwa kien se jiġi rreklutat għall-pożizzjoni msemmija fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u li r-reklutaġġ tiegħu kien għadu jiddependi mir-riżultati tal-eżami mediku u tal-kontroll ta’ sigurtà.

14      Fil-ġranet ta’ wara, sensiela ta’ komunikazzjonijiet telefoniċi u ittra elettronika kkonfermaw il-fatt li r-rikorrent kien fil-fatt intgħażel sabiex jimla l-pożizzjoni vakanti. Minn dawn il-kuntatti rriżulta wkoll li, jekk jaċċetta din il-pożizzjoni, ir-rikorrent kellu jirrifjuta l-istedina tal-Istitut Transuraniku f’Karlsruhe għall-intervista bl-iskop ta’ reklutaġġ.

15      Fit-23 ta’ Jannar 2006, ir-rikorrent għadda mill-eżami mediku. Fl-istess jum, huwa ltaqa’ mal-persuna responsabbli mid-dipartiment xjentifiku tal-ISPK, dipartiment li fih huwa kellu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu. Id-data li fiha kellu jibda jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fiċ-ĊKR ġiet stabbilita għall-1 ta’ April 2006.

16      Ir-rikorrent ippreżenta wkoll lill-Unità tar-Riżorsi Umani taċ-ĊKR d-dokumenti kollha fil-fajl tiegħu kif kienu ntbagħtu lill-EPSO. Wara dan huwa ddeċieda li jtemm ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu mal-SNS u li ma jkomplix juri interess f’offerti ta’ impjieg oħra.

17      Permezz ta’ ittra elettronika tat-3 ta’ Marzu 2006 li ntbagħtet mill-Unità tar-Riżorsi Umani taċ-ĊKR, ir-rikorrent ġie mistieden jipproduċi kull dokument addizzjonali dwar l-esperjenza professjonali tiegħu bil-għan, b’mod partikolari, li jiġi ddeterminat il-perijodu ta’ żmien iddedikat għall-istudju u dak iddedikat għar-riċerka fil-kuntest tad-dottorat ta’ riċerka tiegħu. Ir-rikorrent għamel kif mitlub.

18      Fl-20 ta’ Marzu 2006, peress li kien għadu ma rċieva ebda offerta ta’ impjieg uffiċjali, ir-rikorrent ikkuntattja, permezz ta’ ittra elettronika, lill-persuna responsabbli mid-dipartiment xjentifiku tal-ISPK, imsemmija iktar ’il fuq, li assiguratu li kienet se tistaqsi lid-dipartiment kompetenti.

19      Fil-21 ta’ Marzu 2006, wara intervista telefonika mal-Unità tar-Riżorsi Umani taċ-ĊKR, ir-rikorrent irċieva, mingħand din l-Unità, ittra elettronika fejn ġie informat li, wara li ntbagħtu d-dokumenti addizzjonali mitluba, kien għad hemm dubju dwar jekk, fit-30 ta’ April 2004, huwa kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jitħalla jipparteċipa fil-kompetizzjoni EPSO/B/23/04.

20      Fil-25 ta’ Marzu 2006, ir-rikorrent bagħat liċ-ĊKR ittra miktuba mid-Direttur tan-NEST li kienet tattesta l-attivitajiet ta’ riċerka li huwa kien wettaq matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Frar 2001 u t-30 ta’ April 2004.

21      Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ April 2006, id-Direttur Ġenerali taċ-ĊKR ikkunsidra li l-kandidatura tar-rikorrent ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-fatt li dan tal-aħħar ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni għall-kompetizzjoni inkwistjoni. Fl-istess ħin, l-imsemmi direttur iddeċieda li kumment f’dan is-sens kellu jiġi inkluż fil-lista ta’ riżerva tal-imsemmija kompetizzjoni sabiex id-dipartimenti tal-Kummissjoni jkunu informati b’dan. Din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lir-rikorrent permezz ta’ ittra tas-17 ta’ April 2006.

22      Fid-19 ta’ Ġunju 2006, ir-rikorrent ressaq, taħt l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata fejn sostna li din id-deċiżjoni ma kinitx tieħu inkunsiderazzjoni t-tul tal-esperjenza professjonali tiegħu, li kien ta’ ħames snin u tmien xhur.

23      Ir-rikorrent bagħat ukoll dokument ta’ spjega, bid-data tal-21 ta’ Awwissu 2006, li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala amplifikazzjoni tal-ilment imressqa tardivament u li, fil-fehma tagħha, ma setgħetx tikkompleta b’mod validu l-ilment tad-19 ta’ Ġunju 2006.

24      Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2006, innotifikata lir-rikorrent fit-13 ta’ Novembru 2006, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment.

25      Fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, l-Awtorità tal-Ħatra kkunsidrat bħala esperjenza professjonali, fis-sens tal-avviż ta’ kompetizzjoni, is-snin ta’ studju mwettqa mir-rikorrent, bejn Settembru 1993 u Awwissu 1998, sabiex kiseb il-lawrja fil-fiżika, u dan inkonformità mat-tieni paragrafu tal-punt II 2 tat-Titolu A ta’ dan l-avviż, bħala massimu ta’ sentejn, kif ukoll il-perijodu ta’ sena u seba’ xhur, bejn Awwissu 1998 u Marzu 2000, li matulu r-rikorrent ħadem bħala impjegat mal-UAM. Għall-kuntrarju, l-Awtorità tal-Ħatra rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni għal dan il-għan perijodi ta’ attività oħra tar-rikorrent. Dawn il-perijodi jinkludu:

–        36 xahar, bejn l-1 ta’ Frar 2001 u t-30 ta’ Jannar 2004, li matulhom ir-rikorrent ikkollabora man-NEST fil-kuntest tad-dottorat ta’ riċerka tiegħu mal-SNS;

–        3 xhur, bejn it-2 ta’ Frar 2004 u t-30 ta’ April ta’ wara, id-data finali għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet skont l-avviż ta’ kompetizzjoni, li matulhom ir-rikorrent kien marbut mal-SNS bil-kuntratt ta’ riċerka.

26      Għalhekk, l-Awtorità tal-Ħatra rrikonoxxiet biss tliet snin u seba’ xhur ta’ esperjenza professjonali u kkonkludiet li r-rikorrent ma kienx laħaq il-minimu ta’ erba’ snin esperjenza meħtieġa mill-avviż ta’ kompetizzjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

27      Ir-rikorrent jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        jekk ikun meħtieġ, jannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-22 ta’ Settembru 2006, li tiċħad l-ilment tiegħu;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28      Il-Kummissjoni titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jiddeċiedi fuq l-ispejjeż skont il-liġi.

 Id-dritt

29      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi. Tliet motivi huma bbażati, l-ewwel nett, fuq abbuż ta’ proċedura, it-tieni nett, fuq ksur tal-qafas legali impost mill-avviż ta’ kompetizzjoni kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, it-tielet nett, fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Ir-raba’ motiv, invokat b’mod sussidjarju, huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

 Fuq l-ewwel żewġ motivi, ibbażati, minn naħa, fuq abbuż ta’ proċedura u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tal-qafas legali impost mill-avviż ta’ kompetizzjoni kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

30      Fir-rigward tal-ewwel motiv, ir-rikorrent, wara li fakkar il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju fejn tidħol il-ħidma tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, sa fejn il-qorti Komunitarja tista’ tissanzjona biss żball manifest ta’ evalwazzjoni, sostna li l-istess limiti japplikaw għall-istħarriġ eżerċitat mill-Awtorità tal-Ħatra fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla dwar, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni għall-kompetizzjoni inkwistjoni.

31      Issa, f’dan il-każ, il-Bord tal-Għażla kkunsidra, mingħajr ma wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li r-rikorrent kien jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jitħalla jipparteċipa fil-kompetizzjoni, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet dwar it-tul tal-esperjenza professjonali.

32      Ir-rikorrent jikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’abbuż ta’ proċedura sa fejn l-Awtorità tal-Ħatra, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Bord tal-Għażla, issostitwixxiet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Għażla dwar il-kwalifiki u l-esperjenza professjonali tiegħu bl-evalwazzjoni tagħha.

33      Il-Kummissjoni twieġeb li, għalkemm huwa minnu li l-Bord tal-Għażla f’kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-evalwazzjoni tad-diplomi ppreżentati mill-kandidati jew tal-esperjenza professjonali tagħhom, l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax, madankollu, tkun marbuta b’deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla vvizzjata b’illegalità meta tiġi biex tieħu deċiżjoni distinta min-naħa tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 2005, Luxem vs Il-Kummissjoni, T-306/04, Ġabra SP p. I-A-263 u II-1209, punt 23). Għalhekk, l-Awtorità tal-Ħatra ma wettqet ebda abbuż ta’ proċedura meta adottat id-deċiżjoni kkontestata.

34      Fir-rigward tat-tieni motiv, ir-rikorrent isostni, prinċipalment, li l-Awtorità tal-Ħatra kisret il-qafas legali impost mill-avviż ta’ kompetizzjoni, fir-rigward tal-kunċett ta’ “esperjenza professjonali”, u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

35      Skont ir-rikorrent, l-esperjenza professjonali mitluba mill-kandidati f’kompetizzjoni għandha, inkonformità mal-ġurisprudenza, tiġi interpretata esklużivament fid-dawl tal-għanijiet tal-kompetizzjoni inkwistjoni, kif jirriżultaw mid-deskrizzjoni ġenerali tal-kompiti li għandhom jitwettqu (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Mejju 1990, Sparr vs Il-Kummissjoni, T-50/89, Ġabra p. II-207, punt 18; tas-6 ta’ Novembru 1997, Wolf vs Il-Kummissjoni, T-101/96, ĠabraSP p. I-A-351 u II-949, punt 74, u tas-16 ta’ Marzu 2005, Ricci vs Il-Kummissjoni, T-329/03, ĠabraSP p. I-A-69 u II-315, punt 52).

36      F’dan il-każ, l-għan tal-kompetizzjoni kien li tiġi stabbilita lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ aġenti tekniċi fil-“qasam 2: fiżika, xjenza ta’ materjali, mekkanika u elettronika”, li kellhom jeżerċitaw il-funzjonijiet speċifikati fil-punt I tat-Titolu A tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

37      Ir-rikorrent ifakkar li, skont il-punt II 1 “Kwalifiki jew diplomi” tat-Titolu A tal-avviż ta’ kompetizzjoni, “[i]l-kandidati għandhom ikunu temmew studji kompleti fil-livell tal-edukazzjoni sekondarja superjuri attestati b’diploma li tingħata mat-tlestija tal-istudji”. Dwar l-esperjenza professjonali, skont il-punt II 2 tal-istess titolu, “[i]l-kandidati għandhom ikunu kisbu, wara d-diploma tal-istudji sekondarji superjuri, esperjenza professjonali ta’ mill-inqas erba’ snin, li sentejn minnhom ikunu rilevanti għall-funzjonijiet ikkonċernati”. L-avviż ta’ kompetizzjoni kien jispeċifika wkoll, fit-tieni inċiż tal-istess punt, li “se jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala esperjenza professjonali u sa massimu ta’ sentejn”, “kull perijodu addizzjonali ta’ formazzjoni, ta’ studju jew ta’ riċerka bi tħejjija għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet iddefiniti fil-punt I tat-Titolu A [f’dan il-każ, funzjonijiet ta’ aġenti tekniċi fil-qasam tal-fiżika, eċċ], u kkonfermati b’diploma ta’ livell mill-inqas ekwivalenti għal-livell li jagħti aċċess għall-kompetizzjoni”.

38      Għall-kuntrarju, it-tieni inċiż tal-punt II 2 tat-Titolu A tal-avviż ta’ kompetizzjoni ma jkoprix l-attivitajiet ta’ studju, ta’ riċerka, ta’ perfezzjonament u ta’ speċjalizzazzjoni bi tħejjija għall-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ta’ livell superjuri għal dawk tal-impjiegi kkonċernati mill-avviż ta’ kompetizzjoni, bħall-funzjonijiet ta’ professur universitarju, ta’ riċerkatur prinċipali jew ta’ riċerkatur fi grupp, kif ukoll l-attivitajiet kollha ta’ studju, ta’ riċerka, ta’ perfezzjonament u ta’ speċjalizzazzjoni bi tħejjija għall-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ta’ tmexxija, ta’ disinn u ta’ studju li jeħtieġu konoxxenzi ta’ livell universitarju jew esperjenza professjonali ta’ livell ekwivalenti. Tali attivitajiet għandhom jiġi kkunsidrati kompletament bħala esperjenza professjonali “rilevanti għall-funzjonijiet ikkonċernati” fis-sens tal-avviż ta’ kompetizzjoni sa fejn dawn huma attivitajiet ekonomiċi fis-sens tat-Trattat KE u tal-ġurisprudenza Komunitarja dwar il-libertajiet tas-suq intern.

39      Issa, f’dan il-każ, fil-kuntest tal-kollaborazzjoni tiegħu mal-SNS u, b’mod partikolari man-NEST, matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Frar 2001 u t-30 ta’ April 2004, ir-rikorrent wettaq attivitajiet ta’ riċerka fejn uża b’mod kostanti t-tekniki sperimentali msemmija fl-avviż ta’ kompetizzjoni b’tali mod li kien qed iħejji ruħu għall-eżerċizzju ta’ funzjonijiet u ta’ responsabbiltajiet differenti minn dawk ta’ aġent tekniku.

40      Fil-fatt, ir-riċerki magħmula u ċ-ċiklu ta’ perfezzjonament segwit mir-rikorrent mal-SNS kienu jippreżumu konoxxenza perfetta tat-tekniki sperimentali msemmija fl-avviż ta’ kompetizzjoni u ma jikkostitwixxux attività ta’ formazzjoni, ta’ studju jew ta’ riċerka “bi tħejjija” għall-użu ta’ dawn it-tekniki. Skont ir-rikorrent, dan jgħodd kemm għall-perijodu li matulu huwa kien qed jagħmel id-dottorat ta’ riċerka tiegħu mal-SNS u man-NEST u kif ukoll għall-perijodu sussegwenti, kopert mill-kuntratt ta’ riċerka tiegħu.

41      Għaldaqstant, meta kkunsidrat l-attivitajiet inkwistjoni bħala “perijodu addizzjonali ta’ formazzjoni, ta’ studju jew ta’ riċerka” bi tħejjija għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet iddefiniti fl-avviż ta’ kompetizzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra allegatament kisret il-qafas legali stabbilit mill-avviż ta’ kompetizzjoni u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

42      Fir-rigward tan-natura eknomika tal-attivitajiet imwettqa mir-rikorrent, dan tal-aħħar ibbenefika, matul id-dottorat ta’ riċerka tiegħu, minn ħlas annwali ta’ madwar EUR 8,000 (“contributo didattico”), jiġifieri EUR 690 fix-xahar, bħala ħlas għall-attività ta’ riċerka, filwaqt li l-ispejjeż tal-għajxien, bħall-ispejjeż tal-ikel u tal-abitazzjoni, kienu s-suġġett ta’ ħlas separat kif ukoll ta’ eżami speċifiku mill-SNS u filwaqt li l-attendenza għall-korsijiet u l-użu tal-installazzjonijiet sperimentali kienu bla ħlas. F’dan ir-rigward ir-rikorrent ifakkar li, skont il-ġurisprudenza, la n-natura ġuridika sui generis tar-relazzjoni tal-impjieg u lanqas l-oriġini tar-riżorsi għar-remunerazzjoni jew inkella l-livell limitat ta’ din tal-aħħar ma għandhom xi impatt fuq l-istatus ta’ ħaddiem fid-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Marzu 1982, Levin, 53/81, Ġabra p. 1035, punt 16, u tas-7 ta’ Settembru 2004, Trojani, C-456/02, Ġabra p. I-7573, punt 16).

43      Barra minn hekk, il-kuntratt ta’ riċerka kien jipprevedi borża ta’ riċerka (“assegno di ricerca”) ta’ EUR 15,493.71 fis-sena, jiġifieri EUR 1,291.15 fix-xahar, somma li tikkorrispondi għar-remunerazzjoni normali ta’ riċerkatur universitarju fl-Italja. Kien jeżisti obbligu reċiproku bejn is-servizzi ta’ riċerka u r-remunerazzjoni mħallsa bħala korrispettiv.

44      Ir-rikorrent iżid li l-leġiżlazzjoni Taljana, li għaliha jagħmel riferiment l-Artikolu 2 tal-kuntratt ta’ riċerka, tipprevedi l-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet soċjali għal kull attività ta’ xogħol imwettqa b’kollaborazzjoni kontinwa u koordinata, iżda mingħajr subordinazzjoni, bħal ma kien il-każ hawnhekk. Skont din il-leġiżlazzjoni, li tapplika b’mod partikolari għall-borżi ta’ dottorat, min ikollu kuntratt ta’ riċerka, l-istess bħal min ikun qiegħed jagħmel dottorat, ma għandux jiġi kkunsidrat bħala student iżda bħala ħaddiem indipendenti li mhuwiex subordinat għat-tmexxija ta’ min iħaddmu.

45      Sussidjarjament, ir-rikorrent isostni li, anki jekk jitqiesu l-klassifikazzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli, l-attività eżerċitata fil-kuntest ta’ dottorat ta’ riċerka hija kkunsidrata, skont id-dritt Taljan, bħala attività professjonali indipendenti ta’ natura intellettwali.

46      Ir-rikorrent jikkonkludi li l-ħidma li huwa pprovda kemm fil-kuntest tad-dottorat ta’ riċerka u kemm fil-kuntest tal-kuntratt ta’ riċerka għandha tiġi kkunsidrata bħala esperjenza professjonali fis-sens tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

47      Bi tweġiba għall-argumenti mressqa b’mod prinċipali mir-rikorrent, il-Kummissjoni tqis li l-attestazzjonijiet imressqa minnu jikkonfermaw li l-attivitajiet imwettqa kemm bħala parti mid-dottorat ta’ riċerka u kemm bħala parti mill-kuntratt ta’ riċerka jikkostitwixxu attivitajiet ta’ studju u ta’ riċerka u mhux esperjenza professjonali fis-sens tal-avviż ta’ kompetizzjoni. Il-Bord tal-Għażla għalhekk wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali tar-rikorrent għall-finijiet tal-ammissjoni għall-kompetizzjoni inkwistjoni. Skont is-sentenza Luxem vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq, punt 23), l-Awtorità tal-Ħatra kienet marbuta, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha, li ma ssegwix id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla.

48      B’mod partikolari, ebda waħda mill-attestazzjonijiet imressqa mir-rikorrent ma tindika li huwa effettivament eżerċita attività bħala impjegat matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Frar 2001 u l-31 ta’ Jannar 2004. Barra minn hekk, l-ittra tad-Direttur tal-SNS, tad-29 ta’ Jannar 2001, prodotta mir-rikorrent, tuża terminoloġija partikolari (“studenti”, “borża ta’ studju”, “studju”, “pjan ta’ studju”) li hija marbuta mat-tkomplija ta’ studji superjuri.

49      Fir-rigward tan-natura tar-“remunerazzjoni” li kien jirċievi r-rikorrent matul il-perijodi inkwistjoni, il-Kummissjoni tqis li din tikkostitwixxi borża ta’ studju u għalhekk teskludi li r-rabtiet bejn ir-rikorrent u l-SNS jistgħu jiġu kkunsidrati bħala relazzjonijiet ta’ xogħol.

50      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kuntratt ta’ riċerka, il-Kummissjoni ssostni li, skont it-termini stess ta’ dan il-kuntratt, ir-relazzjoni ta’ kollaborazzjoni stabbilita b’dan il-kuntratt b’ebda mod ma għandha natura ta’ xogħol subordinat. Ir-rikorrent isemmi biss l-Artikolu 2 tal-kuntratt li jikkonċerna l-obbligi fiskali u ta’ sigurtà soċjali filwaqt li jinjora l-Artikolu 1 tiegħu li jeskludi espressament li l-kuntratt jista’ jistabbilixxi relazzjoni ta’ xogħol.

51      Bi tweġiba għall-argumenti mressqa sussidjarjament mir-rikorrent, il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżiti fformulati f’avviż ta’ kompetizzjoni, kemm dwar it-tul u kif ukoll dwar in-natura tal-esperjenza professjonali, jagħmlu parti mill-għażla magħmula mill-Awtorità tal-Ħatra u, fil-kuntest stabbilit mill-imsemmi avviż, mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Bord tal-Għażla. Id-dritt nazzjonali huwa rilevanti biss sa fejn isir riferiment espress għalih fl-avviż ta’ kompetizzjoni, li mhuwiex il-każ hawnhekk.

52      Fi kwalunkwe każ, anki fid-dawl tal-leġiżlazzjoni Taljana, l-istudji ta’ dottorat ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala esperjenza professjonali fil-veru sens tal-kelma peress li l-għan iddikjarat ta’ dawn l-istudji huwa li jwessgħu l-bażi tal-konoxxenzi tal-istudenti permezz ta’ attivitajiet ta’ studju u ta’ riċerka. Fil-fatt, mill-ittra tal-SNS tas-16 ta’ Ġunju 2006 jirriżulta li, “[d]uring this whole period [the applicant] has carried out experimental research work […] [d]uring his first and second year at [SNS], [the applicant] also attended about 150 hours of formal courses and successfully passed the subsequent examinations[; t]his together with his technical and scientific achievements allow him to be entitled to apply for the ‘Diploma di Perfezionamento’ of [SNS]” (“Matul dan il-perijodu kollu, [ir-rikorrent] wettaq ħidma ta’ riċerka sperimentali […] Matul l-ewwel sentejn mal-[SNS], [ir-rikorrent] segwa wkoll madwar 150 siegħa ta’ korsijiet formali u għadda mill-eżamijiet sussegwenti. Minħabba dan, flimkien mal-progress tekniku u xjentifiku li huwa għamel, [ir-rikorrent] huwa intitolat japplika għad-diploma ta’ perfezzjonament tal-[SNS]”).

53      Anki li kieku seta’ jargumenta abbażi tad-dritt nazzjonali biss, dan ma kien ikun ta’ ebda sostenn għar-rikorrent peress li l-leġiżlazzjoni Taljana ma tikkunsidrax lill-persuna li tkun qiegħda tagħmel dottorat ta’ riċerka bħala ħaddiem indipendenti. Il-fatt li din il-persuna tista’ tagħmel parti mis-sistema ta’ sigurtà soċjali ma jipprovax li din il-persuna tkun effettivament kisbet, minħabba din l-attività universitarja, esperjenza professjonali sa fejn il-funzjonijiet tagħha jkunu prinċipalment baqgħu funzjonijiet ta’ studju u ta’ riċerka li jippermettulha tikseb kwalifika akkademika wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tliet snin tad-dottorat ta’ riċerka.

54      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kuntratt ta’ riċerka, dan ukoll kien ikopri biss attivitajiet ta’ riċerka u mhux relazzjoni ta’ xogħol.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

55      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Bordijiet tal-Għażla ta’ kompetizzjoni għandhom, bħala prinċipju, setgħa diskrezzjonali fl-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali preċedenti tal-kandidati bħala kundizzjoni għall-ammissjoni għal kompetizzjoni, kemm fir-rigward tan-natura u t-tul tagħha u kif ukoll fir-rigward tar-rilevanza li hija jista’ jkollha għar-rekwiżiti tal-pożizzjoni li għandha timtela (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Novembru 2000, Carrasco Benítez vs Il-Kummissjoni, T-214/99, Ġabra SP p. I-A-257 u II-1169, punt 70; tal-25 ta’ Marzu 2004, Petrich vs Il-Kummissjoni, T-145/02, ĠabraSP p. I-A-101 u II-447, punt 34, u Ricci vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45). Fil-kuntest tal-istħarriġ ta’ legalità tagħha, il-qorti Komunitarja għandha sempliċement tivverifika li l-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni ma jkunx ivvizzjat minn żball manifest (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Frar 1987, Maurissen vs Il-Qorti tal-Awdituri, 417/85, Ġabra p. 551, punti 14 u 15; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 1990, González Holguera vs Il-Parlament, T-115/89, Ġabra p. II-831, pubblikazzjoni ta’ siltiet, punt 54; Wolf vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68; tal-11 ta’ Frar 1999, Mertens vs Il-Kummissjoni, T-244/97, ĠabraSP p. I-A-23 u II-91, punt 44; Carrasco Benítez vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71; tat-28 ta’ Novembru 2002, Pujals Gomis vs Il-Kummissjoni, T-332/01, Ġabra SP p. I-A-233 u II-1155, punt 41, u Ricci vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

56      L-istess prinċipji jirregolaw l-istħarriġ eżerċitat mill-Awtorità tal-Ħatra fil-konfront tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla dwar il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni għall-kompetizzjoni (sentenza Ricci vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46). Għalhekk, l-Awtorità tal-Ħatra hija obbligata, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha, li ma timxix skont deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni meta din tkun ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali mitluba. Għaldaqstant, meta l-Bord tal-Għażla, b’mod żbaljat, jaċċetta li kandidat jipparteċipa u mbagħad jinkludih fil-lista ta’ kandidati xierqa, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tirrifjuta milli taħtar lil dan il-kandidat permezz ta’ deċiżjoni mmotivata b’tali mod li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun jista’ jevalwa l-fondatezza tagħha (sentenzi Ricci vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35, u Luxem vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

57      Għalhekk, f’dan il-każ, huwa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu jivverifika, billi jqabbel ir-rekwiżiti tal-avviż ta’ kompetizzjoni mal-indikazzjonijiet li joħorġu mid-dokumenti ta’ sostenn ippreżentati mir-rikorrent, jekk il-Bord tal-Għażla wettaqx żball manifest fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali ta’ dan tal-aħħar. Fl-istess ħin din il-verifika tikkonċerna l-evalwazzjoni tal-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, li ma taqbilx mal-pożizzjoni tal-Bord tal-Għażla.

58      Mill-punt II 2 tat-Titolu A tal-avviż ta’ kompetizzjoni jirriżulta li, sabiex ikunu aċċettati, il-kandidati għandhom ikunu kisbu, wara d-diploma jew iċ-ċertifikat nazzjonali ta’ studji sekondarji superjuri, esperjenza professjonali ta’ mill-inqas erba’ snin full-time, li sentejn minnhom għandhom ikunu rilevanti għall-funzjonijiet ikkonċernati, jiġifieri l-funzjonijiet speċifikati fil-punt I tat-Titolu A ta’ dan l-avviż.

59      Għandu jiġi mfakkar li, f’dan il-każ, l-Awtorità tal-Ħatra rrikonoxxiet bħala esperjenza professjonali miskuba mir-rikorrent perijodu ta’ tliet snin u seba’ xhur, jiġifieri sentejn ta’ studji universitarji, inkonformità mat-tieni paragrafu tal-punt II 2 tat-Titolu A tal-avviż ta’ kompetizzjoni, fid-dawl tal-istudji ta’ fiżika li r-rikorrent għamel bejn Settembru 1993 u Awwissu 1998, u sena u seba’ xhur, fid-dawl tal-attivitajiet bħala impjegat eżerċitati minn dan tal-aħħar, bejn Awwissu 1998 u Marzu 2000, fi ħdan l-UAM.

60      Il-kwistjoni tikkonċerna, b’mod partikolari, żewġ perijodi ta’ attività oħra mwettqa mir-rikorrent:

–        minn naħa, il-perijodu ta’ attività fi ħdan in-NEST, fil-kuntest tad-dottorat ta’ riċerka, mill-1 ta’ Frar 2001 sat-30 ta’ Jannar 2004, u

–        min-naħa l-oħra, il-perijodu mwettaq taħt il-kuntratt ta’ riċerka mal-SNS, mit-2 ta’ Frar 2004 sat-30 ta’ April 2004, id-data finali għar-reġistrazzjoni għall-kompetizzjoni.

61      Qabel ma tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk il-perijodi inkwistjoni jaqgħux taħt il-kunċett ta’ esperjenza professjonali fis-sens tal-avviż ta’ kompetizzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk dawn il-perijodi jistgħux jiġu kkunsidrati bħala perijodi “ta’ prattika f’pożizzjoni ta’ speċjalizzazzjoni jew ta’ perfezzjonament professjonali” jew bħala perijodi addizzjonali “ta’ formazzjoni, ta’ studju jew ta’ riċerka” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-punt II 2 tat-Titolu A tal-avviż ta’ kompetizzjoni, perijodi li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala esperjenza professjonali għal massimu ta’ sentejn biss. Issa, f’dan il-każ, l-Awtorità tal-Ħatra diġà ħadet inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward, sal-massimu ta’ sentejn, is-snin ta’ studji ta’ fiżika mwettqa mir-rikorrent bejn Settembru 1993 u Awwissu 1998.

62      Fid-dawl ta’ dan, il-perijodi inkwistjoni ma jistgħux jaqgħu taħt it-tieni paragrafu tal-punt II 2 tat-Titolu A tal-avviż ta’ kompetizzjoni peress li, kif josserva ġustament ir-rikorrent, dawn il-perijodi ma setgħux, bħala tali, jkunu ta’ tħejjija għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet iddefiniti fil-punt I tal-istess titolu. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-kompetizzjoni EPSO/B/23/04 kienet intiża għar-reklutaġġ ta’ aġenti tekniċi fil-gradi B 5/B 4 (li saru, skont l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, B*3 u mbagħad AST 3). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jingħad li studji ta’ dottorat jew riċerki postuniversitarji jkunu “bi tħejjija” għall-eżerċizzju ta’ funzjonijiet li jaqgħu fil-grupp ta’ funzjonijiet AST 3, li jkopri, skont it-termini tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal, il-funzjonijiet, per eżempju, ta’ “tekniku żagħżugħ [b’esperjenza limitata]”.

63      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk l-attivitajiet imwettqa mir-rikorrent matul il-perijodi inkwistjoni jistgħux, mingħajr żball manifest, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ esperjenza professjonali fil-veru sens tal-kelma, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-punt II 2 tat-Titolu A tal-avviż ta’ kompetizzjoni. Skont il-Kummissjoni, dawn mhumiex perijodi ta’ attività bħala impjegat jew bħala persuna li taħdem għal rasha iżda huma manifestament perijodi ta’ studji; skont ir-rikorrent, il-perijodi inkwistjoni jikkostitwixxu manifestament perijodi ta’ attività bħala persuna li taħdem għal rasha.

64      Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett tal-esperjenza professjonali mitluba għandu jiġi interpretat esklużivament fid-dawl tal-għanijiet tal-kompetizzjoni inkwistjoni, kif jirriżultaw mid-deskrizzjoni ġenerali tal-kompiti li għandhom jitwettqu (sentenzi Ricci vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52). Interpretazzjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-liġijiet nazzjonali twassal inevitabbilment għal differenzi fil-mod kif jiġu trattati kandidati ta’ nazzjonalitajiet differenti minħabba preċiżament id-differenzi nazzjonali bejn is-sistemi postuniversitarji (ara, b’analoġija, is-sentenzi Sparr vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18, u Wolf vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74).

65      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-perijodu ta’ 36 xahar imwettaq fil-kuntest tad-dottorat ta’ riċerka, huwa paċifiku li, minkejja li r-rikorrent segwa, matul dan il-perijodu, 150 siegħa ta’ korsijiet, kif jirriżulta mill-proċess, huwa wettaq attivitajiet ta’ riċerka ta’ livell għoli fi ħdan in-NEST, bħala lawrjat fil-fiżika u fix-xjenza tal-materjali, fl-oqsma tas-semikondutturi u tan-nanoxjenza, attivitajiet li huma preċiżament rilevanti għall-funzjonijiet imsemmija fil-punt I tat-Titolu A tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

66      Tali attivitajiet, li kif ammettiet il-Kummissjoni waqt is-seduta huma komparabbli għal dawk li jistgħu jiġu eżerċitati fi ħdan iċ-ĊKR, għandhom jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet li jagħmlu parti mill-esperjenza professjonali mitluba, fis-sens tal-avviż ta’ kompetizzjoni:

–        jekk, minn naħa, huma reali u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet ta’ riċerka mwettqa fil-kuntest tal-istudji, li jkunu tant limitati li jistgħu jitqiesu bħala purament marġinali u sekondarji, u jekk,

–        min-naħa l-oħra, tingħata remunerazzjoni għal dawn l-attivitajiet, bil-kundizzjoni li l-livell tar-remunerazzjoni, anki jekk inqas mir-remunerazzjoni minima ggarantita, ma jista’ jkollu ebda konsegwenzi fuq il-klassifikazzjoni tal-esperjenza professjonali (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi reali u effettivi fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema, is-sentenza Trojani, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

67      In-natura ġuridika sui generis tar-relazzjoni ta’ xogħol, bħala impjegat jew bħala persuna li taħdem għal rasha, fid-dawl tad-dritt nazzjonali, l-istess bħall-oriġini jew id-deskrizzjoni tar-riżorsi użati għar-remunerazzjoni, lanqas ma jistgħu jkunu determinanti għall-kwalifikazzjoni bħala esperjenza professjonali mitluba fis-sens tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

68      Issa, mhuwiex ikkontestat li r-rikorrent effettivament eżerċita, fi ħdan impriża konġunta ta’ riċerka, attivitajiet ta’ riċerka ta’ livell għoli għal 36 xahar, li bħala korrispettiv tagħhom irċieva kontribuzzjoni, limitata iżda reali, li kienet tammonta għal EUR 690 fix-xahar, filwaqt li l-ispejjeż għall-għajxien tiegħu kienu jitħallsu direttament mill-SNS.

69      Anki jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-ħin iddedikat għall-150 siegħa ta’ korsijiet segwiti mir-rikorrent, tali perijodu ta’ attività seta’ b’mod validu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Għażla mingħajr żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-għadd tal-esperjenza professjonali bħala mill-inqas perijodu ta’ ħames xhur full-time, jiġifieri l-perijodu li kien jonqsu r-rikorrent sabiex jilħaq l-erba’ snin ta’ esperjenza professjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Jannar 2006, Guilietti vs Il-Kummissjoni, T-293/03, ĠabraSP p. II-A-2-19, punt 72).

70      Il-fatt li l-attivitajiet ta’ riċerka inkwistjoni setgħu kienu ta’ natura li jiżviluppaw il-formazzjoni tar-rikorrent u ta’ natura li jippermettulu jikseb, sussegwentament, it-titolu ta’ duttur, ma jistax, bħala tali, jipprekludi l-klassifikazzjoni tagħhom bħala esperjenza professjonali fis-sens tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

71      Fit-tieni lok, l-istess konklużjoni għandha ssir iktar u iktar fir-rigward tat-tliet xhur, minn Frar sa April 2004, li matulhom ir-rikorrent kien marbut mal-SNS b’kuntratt ta’ riċerka u rċieva ħlas ta’ madwar EUR 1,290 fix-xahar.

72      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha u fid-dawl taċ-ċirkustanzi f’din il-kawża, għandu jiġi kkunsidrat li l-Awtorità tal-Ħatra żbaljat meta kkunsidrat li l-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fid-dawl kemm tat-termini tal-avviż ta’ kompetizzjoni u tan-natura tal-attivitajiet inkwistjoni, meta ħa inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-għadd tal-esperjenza professjonali tar-rikorrent, il-perijodi ta’ attività mwettqa minn dan tal-aħħar, fil-kuntest tad-dottorat ta’ riċerka tiegħu u fil-kuntest tal-kuntratt ta’ riċerka, bejn Frar 2001 u April 2004. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati ż-żewġ motivi l-oħra invokati insostenn tar-rikors.

 Fuq l-ispejjeż

73      Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, id-dispożizzjonijiet tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu tal-istess Regoli, dwar l-ispejjeż ġudizzjarji, japplikaw biss għall-kawżi mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mid-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, jiġifieri mill-1 ta’ Novembru 2007. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej jibqgħu japplikaw mutatis mutandis għall-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qabel dik id-data.

74      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kollha kif mitlub mir-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali taċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka (ĊKR) tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tas-7 ta’ April 2006, li ma titteħidx inkunsiderazzjoni l-kandidatura ta’ C. Pascual García għall-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/2005/2969 u li jiġi inkluż kumment fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/B/23/04 li jinforma lid-dipartimenti li r-rikorrent ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni għall-kompetizzjoni ġenerali msemmija, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata għall-ispejjeż.

Van Raepenbusch

Boruta

Kanninen

Mogħtija f’qorti bil-miftuġ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Mejju 2008.

W. Hakenberg

 

      S. Van Raepenbusch

Reġistratur

 

       President

It-testi ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati Komunitarji ċċitati fiha li għadhom mhux ippubblikati fil-Ġabra, huma disponibbli fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja www.curia.europa.eu


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.