Language of document : ECLI:EU:T:2019:296

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

6 ta’ Mejju 2019 (*)

“Rikors għal annullament – Unjoni Ekonomika u Bankarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment (SRM) – Proċedura ta’ riżoluzzjoni applikabbli f’każ ta’ entità li qiegħda tfalli jew li x’aktarx ser tfalli – Kumpannija omm u sussidjarja – Dikjarazzjoni mill-BĊE ta’ sitwazzjoni ta’ falliment li qed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ – Regolament (UE) Nru 806/2014 – Atti preparatorji – Atti li ma jistgħux jiġu kkontestati – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑281/18,

ABLV Bank AS, stabbilita f’Riga (il-Latvja), irrappreżentata minn O. Behrends, M. Kirchner u L. Feddern, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn G. Marafioti u E. Koupepidou, bħala aġenti, assistiti minn J. Rodríguez Cárcamo, avukat,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-BĊE tat-23 ta’ Frar 2018 li permezz tagħhom dan iddikjara li r-rikorrenti u s-sussidjarja tagħha, ABLV Bank Luxembourg SA, kienu qed ifallu jew x’aktarx kienu ser ifallu fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1)

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, R. Barents u J. Passer (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Fatti preċedenti

1        Ir-rikorrenti, ABLV Bank AS, hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fil-Latvja u l-kumpannija omm tal-grupp ABLV. ABLV Bank Luxembourg SA (iktar ’il quddiem “ABLV Luxembourg”) hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fil-Lussemburgu, li tikkostitwixxi waħda mis-sussidjarji tal-grupp ABLV, li tiegħu r-rikorrenti hija l-uniku azzjonist.

2        Ir-rikorrenti hija kklassifikata bħala “entità importanti” u bħala tali hija suġġetta għas-superviżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) introdott bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63).

3        Fit-22 ta’ Frar 2018, il-BĊE bagħat lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (il-Bord) l-abbozz ta’ evalwazzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni tar-rikorrenti u ta’ ABLV Luxembourg li kienu qed ifallu jew li x’aktarx kienu ser ifallu, bil-għan li jikkonsulta lil dan f’dan ir-rigward skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).

4        Fit-23 ta’ Frar 2018, il-BĊE ikkonkluda li r-rikorrenti u ABLV Luxembourg kienu qed ifallu jew x’aktarx kienu ser ifallu fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014. L-evalwazzjoni tar-rikorrenti u dik ta’ ABLV Luxembourg ġew ikkomunikati lill-Bord fl-istess jum. Dawn jikkostitwixxu rispettivament l-ewwel u t-tieni atti kkontestati (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kkontestati”).

5        Azzjonisti diretti u indiretti tar-rikorrenti ppreżentaw rikors kontra dawn l-atti, irreġistrat bin-Numru T‑283/18.

6        Fit-23 ta’ Frar 2018, il-Bord ħareġ żewġ deċiżjonijiet (SRB/EES/2018/09 u SRB/EES/2018/10) fir-rigward tar-rikorrenti u ta’ ABLV Luxembourg rispettivament, li fihom huwa appoġġja l-evalwazzjonijiet tal-falliment li kien qed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ fis-sens tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, iżda qies li, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tar-rikorrenti u ta’ ABLV Luxembourg kif ukoll tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja, azzjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tagħhom ma kinitx meħtieġa fl-interess pubbliku.

7        Fl-istess jum, l-imsemmija deċiżjonijiet tal-Bord kienu nnotifikati lid-destinatarji rispettivi tagħhom, lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali (ARN) tal-Latvja u tal-Lussemburgu, lill-Finanšu un kapitāla tirgus komisija (il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital, il-Latvja, iktar ’il quddiem il-“KSFK”) u lill-Commission de surveillance du secteur financier, (il-Kummissjoni ta’ Sorveljanza tas-Settur Finanzjarju, il-Lussemburgu, iktar ’il quddiem il-“KSSF”).

8        Fis-26 ta’ Frar 2018, l-azzjonisti tar-rikorrenti bdew proċedura li tippermetti lil din tal-aħħar li tikkonkludi l-likwidazzjoni tagħha u ressqu quddiem il-KSFK it-talba għall-approvazzjoni tal-pjan tagħhom ta’ likwidazzjoni volontarja.

9        Fil-11 ta’ Lulju 2018, il-BĊE adotta deċiżjoni dwar l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti, wara l-proposta tal-KSFK.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Mejju 2018, ir-rikorrenti ressqet din l-azzjoni għal annullament.

11      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistu tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Awwissu 2018, il-BĊE qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

12      Fit-18 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

13      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà;

–        tikkonstata l-ammissibbiltà tar-rikors;

–        tannulla l-atti kkontestati;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

14      Il-BĊE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż kollha.

 Fuq id-dritt

15      Skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-konvenut jista’ jitlob lill-Qorti Ġenerali tieħu deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. B’applikazzjoni tal-Artikolu 130(6) ta’ dawn ir-regoli, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

16      F’dan il-każ, billi l-BĊE talab li tingħata deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà, il-Qorti Ġenerali, peress li qieset li tinsab suffiċjentement informata mill-atti tal-proċess, iddeċidiet li tagħti deċiżjoni fuq din it-talba mingħajr ma tkompli l-proċedura.

17      Il-BĊE jqajjem żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà fir-rigward tar-rikors. Fil-kuntest tal-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, huwa jqis li l-atti kkontestati huma miżuri preparatorji li jipprovdu evalwazzjoni ta’ fatti mingħajr effett obbligatorju, li dawn l-atti ma humiex ikkomunikati lill-istituzzjoni kkonċernata iżda lill-Bord, li dawn ma jistgħux ikunu suġġetti għal rikors għal annullament, li iżda dawn jikkostitwixxu l-bażi tal-adozzjoni, mill-Bord, ta’ skema ta’ riżoluzzjoni jew ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi li riżoluzzjoni ma hijiex fl-interess pubbliku. Il-klassifikazzjoni tal-evalwazzjonijiet ta’ falliment li kien qed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ mir-rikorrenti bħala deċiżjonijiet hija żbaljata, peress li l-BĊE ma għandu ebda setgħa li jagħti deċiżjoni fil-qafas previst għall-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni. Evalwazzjoni tal-falliment li qed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ hija kundizzjoni meħtieġa għall-adozzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ riżoluzzjoni. Madankollu, skema ta’ riżoluzzjoni ma hijiex konsegwenza neċessarja ta’ evalwazzjoni tal-falliment li qed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ.

18      Il-BĊE jfakkar ukoll li r-Regolament Nru 806/2014 ma jipprevedix il-possibbiltà tal-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra evalwazzjoni tal-falliment li qed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ. Mill-banda l-oħra, l-Artikolu 86(2) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi espressament li d-deċiżjonijiet tal-Bord jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali rikors.

19      Barra minn hekk, il-BĊE jsostni li, sa fejn ir-rikorrenti kkontestat id-deċiżjonijiet tal-Bord billi ppreżentat ir-rikors għal annullament irreġistrat bin-Numru T-280/18, l-allegati vizzji ta’ liġi li jivvizzjaw l-evalwazzjonijiet tal-falliment li kien qed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ jistgħu għalhekk jiġu invokati f’dan ir-rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-Bord, u dan jista’ jiżgura protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti għar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, il-BĊE jindika li huwa għandu l-ħsieb li jintervjeni fil-kawża rreġistrata bin-Numru T-280/18 insostenn tat-talbiet tal-Bord sabiex jiddefendi l-legalità tal-evalwazzjonijiet tal-falliment li kien qed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ.

20      Fil-kuntest tat-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-BĊE jsostni li r-rikorrenti ma hijiex direttament ikkonċernata mill-evalwazzjonijiet tal-falliment li kien qed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ, peress li, minn naħa, tali evalwazzjonijiet ma pproduċewx direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha u, min-naħa l-oħra, huma ħallew diskrezzjoni wiesgħa lill-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom.

21      Fid-dawl tal-proċedura quddiem il-qrati Lussemburgiżi, il-BĊE jirrileva, b’mod partikolari, li r-rikorrenti setgħet tinvoka li l-evalwazzjoni tal-falliment li kien qed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ kienet illegali u tfittex protezzjoni ġudizzjarja f’dan ir-rigward, ladarba hemm il-possibbiltà li l-qrati nazzjonali jintalbu jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari. Madankollu, ir-rikorrenti ma ppreżentat ebda argument ta’ din in-natura quddiem it-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu, il-Lussemburgu), iżda hija sostniet li l-evalwazzjoni tal-falliment li kien qed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ ma kinitx tipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward ta’ dik il-qorti, peress li din kienet biss sempliċi evalwazzjoni fattwali.

22      Barra minn hekk, il-BĊE jikkunsidra li l-interess ġuridiku allegat mir-rikorrenti fil-kuntest tar-rikors tagħha juri li dan tal-aħħar huwa infondat.

23      Bi tweġiba għall-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-BĊE, ir-rikorrenti tressaq diversi argumenti sabiex issostni li l-atti kkontestati biddlu s-sitwazzjoni ġuridika tagħha. Fl-ewwel lok, dawn l-atti jikkostitwixxu konstatazzjonijiet formali ta’ nuqqasijiet fil-kuntest ta’ obbligi leġiżlattivi, li għandhom ikunu jistgħu jiġu mistħarrġa ġudizzjarjament. Fit-tieni lok, l-atti kkontestati jikkostitwixxu evalwazzjonijiet formali negattivi ta’ kull wieħed mill-banek li għandhom ikunu jistgħu jiġu mistħarrġa ġudizzjarjament. Fit-tielet lok, l-atti kkontestati jesponu lill-banek għal miżuri ta’ riżoluzzjoni li ma jistgħux jiġu adottati fl-assenza tagħhom. In-natura vinkolanti ta’ dawn l-evalwazzjonijiet għall-Bord, li, skont ir-rikorrenti, il-BĊE jidher li jirrikonoxxi, tfisser li kull bank ma jistax jevita l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tiegħu minħabba li huwa ma jkunx f’sitwazzjoni ta’ falliment li qed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, u dan anki jekk il-Bord ikun ta’ din il-fehma. Fir-raba’ lok, l-atti kkontestati wasslu għal trasferiment kbir ta’ responsabbiltajiet lill-Bord, u dan biddel is-sitwazzjoni ġuridika tal-istituzzjoni kkonċernata. Fil-ħames lok, l-atti kkontestati wasslu għal bidla fl-istatus legali tal-banek li għandha tkun tista’ tiġi mistħarrġa ġudizzjarjament. Finalment, fis-sitt lok, bil-pubblikazzjoni tagħhom, l-atti kkontestati wasslu fil-fatt għall-għeluq tal-banek u għalhekk ippreġudikaw id-drittijiet ta’ kull wieħed minn dawn il-banek u l-azzjonisti tagħhom.

24      Ir-rikorrenti tafferma wkoll li dikjarazzjoni ta’ falliment li qed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ hija funzjonalment ekwivalenti għal irtirar ta’ awtorizzazzjoni u għandha għalhekk tkun tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju.

25      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-formulazzjoni tal-atti kkontestati bħala dikjarazzjoni mħabbra pubblikament ma tikkorrispondix għall-affermazzjoni tal-BĊE li skontha l-evalwazzjoni tal-falliment li kien qed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ kienet biss sempliċi komunikazzjoni ta’ elementi fattwali, sa fejn din l-evalwazzjoni tħabbret pubblikament bħala li kienet estremament teknika u legali.

26      Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-atti kkontestati huma vinkolanti u jikkostitwixxu evalwazzjonijiet definittivi. Insostenn ta’ din il-pożizzjoni, hija ssemmi b’mod partikolari estratt mill-atti kkontestati, kif ippubblikati fuq is-sit tal-internet tal-BĊE, li jipprovdi li “[w]ara l-evalwazzjoni tal-falliment li kien qed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ, il-BĊE debitament informa lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (il-Bord), li kkonstata li ebda miżura ta’ riżoluzzjoni ma kienet meħtieġa, peress li din ma kinitx fl-interess pubbliku għal dawn il-banek” u, “[k]onsegwentement, ser issir il-likwidazzjoni ta’ dawn il-banek skont il-liġijiet tar-Repubblika tal-Latvja u tal-Lussemburgu rispettivament”. Permezz ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, il-BĊE qata’ definittivament il-kwistjoni ta’ falliment li x’aktarx kien ser iseħħ jew li kien qed iseħħ.

27      L-awtorizzazzjoni ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ evalwazzjoni tal-falliment li qed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ biss fil-kuntest tad-deċiżjonijiet tal-Bord tmur, skont ir-rikorrenti, kontra d-dritt għal rimedju effettiv, b’mod partikolari f’każijiet fejn l-evalwazzjoni tal-BĊE ma tkunx segwita b’deċiżjoni tal-Bord. Barra minn hekk, kull istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea għandha tkun responsabbli għall-azzjonijiet tagħha.

28      Fir-rigward tat-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE, ir-rikorrenti tikkunsidra li din hija bbażata fuq premessa żbaljata.

29      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, jistgħu jiġu kkontestati minn persuna fiżika jew ġuridika, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, biss l-atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni ġuridika tiegħu (sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9; digrieti tat-30 ta’ April 2003, Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke vs Il-Kummissjoni, T-167/01, EU:T:2003:121, punt 46, u tal-31 ta’ Jannar 2006, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, T-48/03, EU:T:2006:34, punt 44).

30      Fil-każ ta’ atti li t-tfassil tagħhom isir f’diversi fażijiet ta’ proċedura interna, jikkostitwixxu, bħala prinċipju, atti li jistgħu jiġu kkontestati biss il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem il-proċedura, bl-esklużjoni ta’ miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 10, u tas-27 ta’ Ġunju 1995, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, T-186/94, EU:T:1995:114, punt 39) u li l-illegalità tagħhom tista’ titqajjem fil-kuntest ta’ appell minnha (digriet tal-31 ta’ Jannar 2006, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, T-48/03, EU:T:2006:34, punt 45).

31      Dan ma japplikax biss jekk atti jew deċiżjonijiet adottati matul il-proċedura preparatorja jikkostitwixxu, huma stess, l-aħħar stadju ta’ proċedura speċjali li hija distinta minn dik li għandha tippermetti lill-istituzzjoni li tiddeċiedi fuq il-mertu (sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 11, u digriet tad-9 ta’ Ġunju 2004, Camós Grau vs Il-Kummissjoni, T-96/03, EU:T:2004:172, punt 30).

32      Barra minn hekk, att intermedjarju lanqas ma jista’ jkun ikkontestat jekk jiġi stabbilit li l-illegalità li huwa vvizzjat biha dan l-att tista’ tiġi invokata insostenn ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali li għaliha jikkostitwixxi att ta’ tfassil. F’tali ċirkustanzi, ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li ttemm il-proċedura jiżgura protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti (sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑463/10 P u C-475/10 P, EU:C:2011:656, punt 53; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 12, u tal-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il-Kummissjoni, 53/85, EU:C:1986:256, punt 19).

33      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi vverifikat, fid-dawl tas-sustanza tal-atti, jekk l-atti kkontestati jikkostitwixxux, kif isostni l-BĊE, komunikazzjoni lill-Bord għall-bażi tal-adozzjoni, minnu, ta’ dispożittiv ta’ riżoluzzjoni jew ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi li riżoluzzjoni ma hijiex fl-interess pubbliku, iżda li ma tbiddilx is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti bħala tali.

34      L-atti kkontestati jinkludu evalwazzjoni ta’ falliment li kien qed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ maħruġa mill-BĊE. Dan ma għandu l-ebda setgħa deċiżjonali fil-qafas previst għall-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni. Fil-fatt, skont il-premessa 26 tar-Regolament Nru 806/2014, għalkemm il-BĊE u l-Bord għandhom ikunu f’pożizzjoni li jevalwaw jekk istituzzjoni ta’ kreditu hijiex qed tfalli jew x’aktarx ser tfalli, huwa biss il-Bord li għandu jevalwa l-kundizzjonijiet meħtieġa għal riżoluzzjoni u jadotta skema ta’ riżoluzzjoni jekk iqis li l-kundizzjonijiet kollha jkunu ssodisfatti. Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 li huwa l-Bord li għandu jqis jekk it-tliet kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni humiex issodisfatti. Ċertament, il-BĊE għandu l-kompetenza li jikkomunika evalwazzjoni dwar l-ewwel kundizzjoni, jiġifieri l-falliment li qed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, imma din hija biss sempliċi evalwazzjoni, li bl-ebda mod ma torbot lill-Bord.

35      Huwa stabbilit li l-evalwazzjonijiet tal-falliment li kien qed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ tar-rikorrenti u ta’ ABLV Luxembourg saru mill-BĊE wara konsultazzjoni mal-Bord.

36      Għaldaqstant, l-atti kkontestati għandhom jiġu kkunsidrati bħala miżuri preparatorji fil-proċedura intiża sabiex tippermetti lill-Bord jieħu deċiżjoni dwar ir-riżoluzzjoni tal-banek inkwistjoni u għaldaqstant ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament.

37      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ressqet ukoll rikors kontra d-deċiżjonijiet adottati mill-Bord wara l-komunikazzjoni mill-BĊE tal-atti kkontestati, fuq il-bażi tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014, irreġistrat bin-Numru T‑280/18.

38      Għalhekk, u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-atti kkontestati ma humiex atti kontestabbli fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

39      Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-argumenti mqajma mir-rikorrenti.

40      L-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti tallega, l-atti kkontestati ma humiex deċiżjonijiet formali dwar in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi regolatorji tagħha u ta’ dawk tal-kumpannija sussidjarja tagħha, iżda evalwazzjonijiet maħruġa mill-BĊE fir-rigward tal-falliment li kien qed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

41      It-tieni nett, l-argument li evalwazzjoni formali negattiva għandha tkun tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju huwa ineffettiv fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punt 37 iktar ’il fuq.

42      It-tielet nett, hija żbaljata l-kunsiderazzjoni li l-atti kkontestati jesponu lill-banek għal miżuri ta’ riżoluzzjoni li ma jistgħux jiġu adottati fl-assenza tagħhom. Fil-fatt, id-deċiżjoni li jiġu adottati tali miżuri taqa’ kompletament taħt il-kompetenza tal-Bord, kif imfakkar fil-punt 34 iktar ’il fuq.

43      Ir-raba’ nett, l-argument li l-atti kkontestati wasslu għal trasferiment kbir ta’ responsabbiltajiet lill-Bord huwa nieqes minn kull rilevanza.

44      Il-ħames nett, f’dak li jirrigwarda l-allegata neċessità li jsir stħarriġ ġudizzjarju ta’ bidla fl-istatus legali tal-banek permezz tal-atti kkontestati, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-istatus legali tal-banek ma ġiex mibdul bl-atti kkontestati u, min-naħa l-oħra, li dan l-argument huwa fi kwalunkwe każ ineffettiv fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punt 37 iktar ’il fuq.

45      Fl-aħħar nett, bi tweġiba għas-sitt argument tar-rikorrenti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-atti kkontestati ma kinux is-suġġett ta’ pubblikazzjoni, iżda l-BĊE ppubblika żewġ komunikazzjonijiet li bl-ebda mod ma jikkostitwixxu l-atti kkontestati. Għalhekk, dan l-argument huwa ineffettiv.

46      Fir-rigward tal-allegata ekwivalenza funzjonali bejn evalwazzjoni tal-falliment li qed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ u rtirar ta’ awtorizzazzjoni invokata mir-rikorrenti, għandu jiġi osservat li, għalkemm huwa veru li tali evalwazzjoni tista’ tkun ibbażata fuq l-evalwazzjoni tal-fatt li l-kundizzjonijiet għaż-żamma tal-awtorizzazzjoni ma għadhomx issodisfatti skont l-Artikolu 18(4)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, dawn iż-żewġ atti ma huma bl-ebda mod ekwivalenti. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet tal-irtirar tal-approvazzjoni elenkati fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338), huma manifestament differenti mill-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata l-evalwazzjoni tal-falliment li qed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, kif ipprovduti fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 806/2014.

47      Fir-rigward tal-allegata differenza bejn id-diċitura tal-pubblikazzjoni fuq is-sit tal-internet tal-BĊE u dik tal-atti kkontestati, hemm lok li jitfakkar li, sabiex jiġi ddeterminat jekk att jikkostitwixxix deċiżjoni, għandu jiġi vverifikat jekk, meta jitqiesu s-sustanza tiegħu u l-intenzjoni tal-istituzzjoni li adottatu, din tal-aħħar kinitx iffissat b’mod definittiv permezz tal-att eżaminat, fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari, il-pożizzjoni tagħha fuq il-miżura li fil-konfront tagħha tqajjem ilment (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 46). F’dan il-każ, għar-raġunijiet indikati fil-punti 32 sa 36 iktar ’il fuq, mis-sustanza tal-atti kkontestati jirriżulta li ma’ dawn ma jikkostitwixxux deċiżjonijiet, iżda miżuri preparatorji.

48      Il-konstatazzjoni li dawn l-evalwazzjonijiet tal-falliment li kien qed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ jikkostitwixxu biss sempliċi evalwazzjoni fattwali li ma tipproduċix effett legali ġiet barra minn hekk aċċettata mir-rikorrenti nnifisha. Fil-fatt, is-sentenza tal-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu tad-9 ta’ Marzu 2018 issemmi b’mod espliċitu li “l-partijiet jaqblu li l-evalwazzjonijiet u l-konstatazzjonijiet li saru mill-BĊE u mill-Bord fl-ambitu tar-Regolament ma jorbtux lill-qorti adita b’din it-talba”.

49      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, hemm lok li jiġi konkluż li l-atti kkontestati huma atti preparatorji li ma jibdlux il-pożizzjoni ġuridika tar-rikorrenti. Fil-fatt, dawn jipprovdu evalwazzjoni tal-fatti mill-BĊE dwar il-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti u s-sussidjarja tagħha kinux qed ifallu jew x’aktarx ser ifallu, li bl-ebda mod ma hija obbligatorja, iżda tikkostitwixxi l-bażi għall-adozzjoni, mill-Bord, ta’ skemi ta’ riżoluzzjoni jew ta’ deċiżjonijiet li jistabbilixxu li riżoluzzjoni ma tkunx fl-interess pubbliku.

50      Fid-dawl ta’ dan kollu premess, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala inammissibbli, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata t-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-BĊE.

 Fuq l-ispejjeż

51      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-BĊE.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      ABLV Bank AS hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha stess u kif ukoll għal dawk tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

Magħmul fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Mejju 2019.

Reġistratur

 

Il-President

E. Coulon

 

A. M. Collins


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.