Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado Contencioso-Administrativo nº 17 de Barcelona (Spanja) fit-2 ta’ Lulju 2019 – UQ vs Subdelegación del Gobierno en Barcelona

(Kawża C-503/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado Contencioso-Administrativo nº 17 de Barcelona

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: UQ

Konvenuta: Subdelegación del Gobierno en Barcelona

Domandi preliminari

Interpretazzjoni mill-qrati nazzjonali li abbażi tagħha fedina penali, irrispettivament mill-forma tagħha, tikkostitwixxi raġuni suffiċjenti sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għall-istatus ta’ resident għat-tul hija konformi mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/109 1 ?

Il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni, [minbarra] l-eżistenza ta’ fedini penali, fatturi oħra bħas-serjetà u t-tul tal-piena, il-perikolu li l-applikant jirrappreżenta għas-soċjetà, it-tul tar-residenza legali preċedenti tiegħu u r-rabtiet li huwa fforma mal-pajjiż, u twettaq evalwazzjoni globali ta’ dawn l-elementi kollha?

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti li jiġi rrifjutat, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, l-istatus ta’ resident għat-tul abbażi tal-Artikolu 4 mingħajr ma tistabbilixxi l-kriterji ta’ evalwazzjoni inkluż[i] fl-Artikol[i] 6(1) u 17?

L-Artikoli 6(1) u 17 tad-Direttiva 2003/109 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li d-direttivi għandhom effett vertikali dixxendenti, il-qorti nazzjonali għandha s-setgħa u tista’ tapplika direttament id-dispożizzjonijiet tal-Artikol[i] 6(1) u 17 sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ fedini penali fid-dawl tas-serjetà tagħhom, tat-tul tal-piena u tal-perikolu li l-applikant jirrappreżenta?

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt ta’ aċċess għall-istatus ta’ resident għat-tul, kif ukoll il-prinċipji ta’ ċarezza, ta’ trasparenza u ta’ intelliġibbiltà għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni, mill-qrati Spanjoli, tal-Artikoli 147 sa 149 [tad-][Digriet Irjali] 557/2011 u tal-Artikolu 32 [tal-][Liġi Organika] 4/2000 li abbażi tagħha r-raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika jistgħu jikkostitwixxu raġuni għar-rifjut tal-istatus ta’ resident għat-tul, minkejja li dawn id-dispożizzjonijiet ma jistabbilixxux b’mod ċar u trasparenti li dawn jikkostitwixxu raġuni għal rifjut?

Regola nazzjonali u l-interpretazzjoni tagħha mogħtija mill-qrati, li abbażi tagħha l-aċċess għall-istatus ta’ resident għat-tul isir iktar diffiċli u jsir iktar faċli dak ta’ resident temporanju, huma konformi mal-prinċipju ta’ effett utli tad-Direttiva 2003/108 u b’mod partikolari mal-Artikolu 6(1) tagħha?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272).