Language of document :

Appell ippreżentat fil-11 ta’ Ġunju 2020 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-2 ta’ April 2020 fil-Kawża T-383/17, Hansol Paper vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-260/20 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J.-F. Brakeland, u A. Demeneix, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Hansol Paper Co. Ltd, European Thermal Paper Association (ETPA)

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza kkontestata, tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza u tikkundanna lil Hansol Paper Co. Ltd għall-ispejjeż;

jew, sussidjarjament,

tibgħat il-kawża lura għal eżami mill-ġdid quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż tal-proċeduri fl-ewwel istanza u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fis-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/763 tat-2 ta’ Mejju 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li toriġina mir-Repubblika tal-Korea 1 , sa fejn jikkonċerna lil Hansol Paper Co. Ltd.

Il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha.

Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali:

żnaturat il-provi u interpretat b’mod żbaljat il-kuntest ġuridiku applikabbli għad-data li l-Kummissjoni hija awtorizzata tibbaża ruħha fuqha sabiex tistabbilixxi l-prezz għall-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku 2 ;

interpretat b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) u (3) tar-Regolament bażiku sabiex tiddetermina l-valur normali fil-każ ta’ assenza ta’ bejgħ intern; u

interpretat b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku meta hija ddefinixxiet l-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz fil-każ ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni permezz ta’ entitajiet relatati.

____________

1     ĠU 2017, L 114, p. 3.

2     Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21).