Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Korneuburg (l-Awstrija) fil-15 ta’ Ġunju 2020 – Airhelp Limited vs Laudamotion GmbH

(Kawża C-263/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesgericht Korneuburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Airhelp Limited

Konvenuta: Laudamotion GmbH

Domandi preliminari

L-Artikolu 5(1)(ċ) u l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li passiġġier ikollu dritt għal kumpens meta l-ħin tat-tluq jiġi antiċipat mill-ħin oriġinali tat-14.40 għat-8.25 fl-istess jum?

L-Artikolu 5(1)(ċ)(i) sa (iii) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-punt dwar jekk il-passiġġier huwiex informat bil-kanċellazzjoni għandu jiġi evalwat esklużivament fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni u fis-sens li huwa jipprekludi l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali dwar in-notifika tal-komunikazzjonijiet adottat għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/31/KE 2 u li jinkludi finzjoni ta’ notifika?

L-Artikolu 5(1)(ċ)(i) sa (iii) tar-Regolament Nru 261/2004 u l-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku għandhom jiġu interpretati fis-sens li fil-każ ta’ reżervazzjoni tat-titjira mill-passiġġier permezz ta’ pjattaforma ta’ reżervazzjoni, fejn il-passiġġier ikun ikkomunika n-numru tat-telefon tiegħu u l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu, iżda l-pjattaforma ta’ reżervazzjoni tkun ittrażmettiet lit-trasportatur tal-ajru n-numru tat-telefon u indirizz ta’ posta elettronika ġġenerat awtomatikament mill-pjattaforma ta’ reżervazzjoni, in-notifika tal-informazzjoni dwar l-antiċipazzjoni tat-tluq tat-titjira fuq l-indirizz ta’ posta elettronika ġġenerat awtomatikament għandha titqies bħala komunikazzjoni jew notifika tal-informazzjoni dwar l-antiċipazzjoni [tat-tluq] anki meta l-pjattaforma ta’ reżervazzjoni ma tittrażmettix lill-passiġġier, jew tittrażmettilu b’dewmien, l-informazzjoni tat-trasportatur tal-ajru?

____________

1     Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2     Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).