Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-hof van beroep Antwerpen (il-Belġju) fil-15 ta’ Ġunju 2020 – FN vs Universiteit Antwerpen, Vlaamse Autonome Hogeschool Hogere Zeevaartschool, PB, ZK, NG, ZN, UM

(Kawża C-265/20)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hof van beroep Antwerpen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: FN

Konvenuti: Universiteit Antwerpen, Vlaamse Autonome Hogeschool Hogere Zeevaartschool, PB, ZK, NG, ZN, UM

Domandi preliminari

Il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li huwa anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP 1 , u l-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas dwar Xogħol Part-Time, li huwa anness mad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC 2 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-ammissjoni f’università, abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 91 tad-Digriet dwar l-Universitajiet) li tipprovdi li persunal akkademiku indipendenti b’pożizzjoni full-time jinħatar fuq bażi permanenti, u persunal b’pożizzjoni part-time jista’ jew jinħatar, jew jiġi impjegat fuq bażi temporanja għal perijodi li jistgħu jiġġeddu għal massimu ta’ sitt snin,

1. tal-impjieg ta’ professur, abbażi tal-libertà politika għal perijodu ta’ għoxrin sena abbażi ta’ għoxrin kuntratt ta’ xogħol konsekuttivi, ta’ żmien qasir u part-time u ta’ ħatriet statutorji ta’ bejn sena u tliet snin, mingħajr l-ebda limitu fin-numru totali ta’ tiġdid, filwaqt li kollegi oħra b’assenjazzjoni simili bbenefikaw minn ħatra permanenti u full-time?

2. li fir-regolamenti tal-persunal tagħha tistabbilixxi biss limitu minimu ġenerali ta’ perċentwali ta’ impjieg ta’ 50 fil-mija għall-eliġibbiltà għal ħatra fuq bażi permanenti, iżda ma tistabbilixxi l-ebda kriterju li abbażi tiegħu l-persunal part-time impjegat f’50 fil-mija jew iktar jinħatar fuq bażi permanenti jew temporanja?

3. li tagħti rati ta’ ħatra lil professur part-time abbażi ta’ “libertà politika”, mingħajr ma tistabbilixxi kriterji oġġettivi u mingħajr ma tapplika kejl oġġettiv tal-piż ta’ xogħol?

4. li din l-università tirrifjuta lil professur temporanju u part-time, meta l-impjieg tiegħu ma jerġax jiġġedded abbażi tal-“libertà politika” tal-università, id-dritt li jinvoka n-natura allegatament abbużiva tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-passat, għaliex huwa aċċetta dawn il-kundizzjonijiet f’kull każ billi wettaq ix-xogħol allokat, bil-konsegwenza li huwa jitlef il-protezzjoni mogħtija mid-dritt tal-Unjoni Ewropea?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368.

2 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267.