Appell ippreżentat fl-20 ta’ Novembru 2020 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fid-9 ta’ Settembru 2020 fil-Kawża T-401/16, Spanja vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-635/20 P)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol u t-Taljan
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Gattinara, D. Milanowska, T. Lilamand, N. Ruiz García, aġenti)
Partijiet oħra fil-proċedura: Ir-Repubblika Taljana, ir-Renju ta’ Spanja
Talbiet
tannulla s-sentenza appellata;
ġaladarba l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-istat tal-kawża jippermetti dan, tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza bħala infondat;
tikkundanna lir-Repubblika Taljana u lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż tal-kawża odjerna u għall-dawk tal-ewwel istanza.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell, il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji.
L-ewwel aggravju huwa marbut ma’ żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal u fl-interpretazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll ma’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali.
Dan huwa diviż fi tliet partijiet. Permezz tal-ewwel parti qiegħed jiġi invokat żball ta’ liġi u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali inkonnessjoni mal-finijiet tal-operabbiltà immedjata tal-kandidati. Din l-ewwel parti tirrigwarda l-punti 157 u 181-183 tas-sentenza appellata.
It-tieni parti hija marbuta mad-definizzjoni ta’ oneru tal-prova sproporzjonat fil-konfront tal-Kummissjoni u ma’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-avviż tal-kompetizzjoni. Din it-tieni parti hija marbuta mal-punti 113, l-aħħar sentenza, 158, 164, 167, l-aħħar sentenza, 180-183, u 205 tas-sentenza appellata.
It-tielet parti hija marbuta ma’ żball ta’ liġi fit-tfittxija ta’ att legalment vinkolanti fir-regoli interni prodotti fil-kawża mill-Kummissjoni; din il-parti tirrigwarda l-punti 152-155 tas-sentenza appellata.
Permezz tat-tieni aggravju qegħdin jiġu invokati żnaturamenti differenti mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tal-provi kif ukoll ma’ żball ta’ liġi.
L-ewwel żnaturament huwa marbut mal-evalwazzjoni tal-komunikazzjoni tal-President tal-Kummissjoni u mal-evalwazzjoni tal-approvazzjoni tiegħu għan-nom tal-kulleġġ, imwettqa fil-punti 132 sa 137, 158 tas-sentenza appellata.
It-tieni żnaturament huwa marbut mal-evalwazzjoni tar-regolament intern tal-Kummissjoni u tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tiegħu li tinsab fil-punti 139-140 tas-sentenza appellata.
It-tielet żnaturament huwa marbut mal-evalwazzjoni tat-taqsima dwar l-eżiġenzi lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni inklużi fil-Manwal tal-proċedura operattiva; din hija inkluża fil-punti 165-169 tas-sentenza appellata.
Ir-raba’ żnaturament huwa marbut man-nuqqas ta’ evalwazzjoni globali tad-dokumenti imsemmija fil-punti i) sa iii), iktar ’il fuq u jirrigwarda l-punti 152-157, 159, tas-sentenza appellata.
Il-ħames żnaturament huwa marbut mal-evalwazzjoni tal-komunikazzjoni SEC(2006)1489 final u tinsab fil-punti 160-163 tas-sentenza appellata.
Is-sitt żnaturament huwa marbut mal-evalwazzjoni tad-dokumenti dwar il-lingwi użati mid-dipartimenti ta’ destinazzjoni tal-kandidati kif ukoll ma’ żball ta’ liġi; dawn huma inklużi fil-punti 180-185 u 188-196 tas-sentenza appellata.
Fl-aħħar, it-tielet aggravju huwa marbut mal-illeġittimità tal-analiżi tal-Qorti Ġenerali dwar il-lingwi ta’ komunikazzjoni tal-kandidati; dan jirrigwarda l-punti 231 sa 236 tas-sentenza appellata.
____________