Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour du travail de Liège (il-Belġju) fl-24 ta’ Ġunju 2019 – Ville de Verviers vs J

(Kawża C-483/19)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour du travail de Liège

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellanti: Ville de Verviers

Konvenut: J

Domandi preliminari

Il-fatt li l-imsieħba soċjali, tramite l-Opinjoni Nru 1342 tal-Conseil national du travail (il-Kunsill Nazzjonali tax-Xogħol), iddeċidew li jagħmlu użu mill-fakultà ta’ esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi ftehim qafas, imsemmija fil-klawżola 2(a) u (b) tiegħu, għaldaqstant jillibera lil-leġiżlatur Belġjan milli, fir-rigward tal-kuntratti ta’ xogħol konklużi fil-kuntest ta’ programm ta’ taħriġ, integrazzjoni u taħriġ professjonali mill-ġdid pubbliku speċifiku jew bl-appoġġ tas-setgħat pubbliċi, jadotta dispożizzjonijiet preċiżi, oġġettivi u konkreti intiżi li jiggarantixxu lill-ħaddiema rreklutati f’dawn l-impjiegi ssussidjati l-għanijiet tal-imsemmi ftehim qafas?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din l-ewwel domanda, jiġifieri fil-każ ta’ żamma tal-obbligi li l-Istat Belġjan daħal għalihom b’eżekuzzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar ix-xogħol għal żmien determinat 1 , il-klawżola 5(1)(a) tal-imsemmi ftehim qafas tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li, bħall-Artikolu 10 tal-Liġi tat-3 ta’ Lulju 1978 dwar il-kuntratti ta’ xogħol, tawtorizza l-użu suċċessiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat mingħajr ma jiġu osservati l-kundizzjonijiet stretti ta’ tul massimu u ta’ tiġdid stabbiliti bl-Artikolu 10a ta’ din l-istess liġi, jekk kemm-il darba l-persuna li timpjega pubblika tistabbilixxi “raġunijiet leġittimiˮ li ma jkunux ġew ippreċiżati b’xi mod ieħor mill-imsemmija liġi, iżda li jiġġustifikaw dan l-użu tas-suċċessjoni illimitata ratione temporis ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat?

Dejjem fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas iċċitat hawn fuq timplika l-obbligu, għall-qorti nazzjonali adita b’tilwima bejn persuna li timpjega pubblika u ħaddiem li ġie rreklutat minnha b’kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi konklużi fil-kuntest ta’ diversi programmi ta’ taħriġ, integrazzjoni u taħriġ professjonali mill-ġdid, li tevalwa l-validità tal-użu suċċessiv tagħhom fid-dawl tar-“raġunijiet oġġettiviˮ ddefiniti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni?

F’każ bħal dan, ir-“raġunijiet leġittimiˮ invokati minn din il-persuna li timpjega pubblika jistgħu jitqiesu bħala “raġunijiet oġġettiviˮ li jiġġustifikaw l-użu suċċessiv ta’ dawn il-kuntratti għal żmien determinat mingħajr ma jiġu osservati l-kundizzjonijiet stabbiliti bl-Artikolu 10a, iċċitat iktar ’il fuq, għall-finijiet, minn naħa, li ssir prevenzjoni u li jiġu miġġielda l-abbużi ta’ użu ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat f’sitwazzjonijiet fejn dawn jintużaw sabiex jiġu koperti mhux bżonnijiet temporanji, iżda tabilħaqq bżonnijiet permanenti u sostenibbli ta’ koeżjoni soċjali fi ħdan popolazzjoni f’sitwazzjoni prekarja u, min-naħa l-oħra, li jittieħdu inkunsiderazzjoni għanijiet speċifiċi segwiti minn dawn il-kuntratti ta’ integrazzjoni professjonali konklużi fil-kuntest ta’ din il-politika soċjali ta’ għoti ta’ impjiegi żviluppata mill-Istat Belġjan u mir-Région wallonne u li tiddependi ħafna minn sussidji pubbliċi?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368)