Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja) fis-6 ta’ Marzu 2020 – ExxonMobil Production Deutschland GmbH vs Bundesrepublik Deutschland irrappreżentat mill-Umweltbundesamt

(Kawża C-126/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Berlin

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: ExxonMobil Production Deutschland GmbH

Konvenuta: Bundesrepublik Deutschland irrappreżentata mill-Umweltbundesamt

Domandi preliminari

Iċ-CO2 li huwa rrilaxxat fl-atmosfera, fil-kuntest tal-ipproċessar tal-gass naturali (fil-forma ta’ gass aċiduż) bħala parti mill-hekk imsejjaħ proċess Claus, permezz tas-separazzjoni taċ-CO2 inerenti fil-gass naturali, jikkostitwixxi emissjoni li tirriżulta, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(h) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE 1 , mill-proċess imsemmi fl-Artikolu 3(h)(v)?

Jistgħu “jirriżultaw” emissjonijiet, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(h) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278, minn proċess li fih iċ-CO2 inerenti fil-materja prima jiġi rrilaxxat fl-atmosfera mingħajr ma l-proċess jiġġenera CO2 addizzjonali, jew huwa neċessarjament meħtieġ li ċ-CO2 irrilaxxat fl-atmosfera jiġi prodott għall-ewwel darba bħala riżultat tal-proċess?

Ikun hemm “użu” ta’ materja prima li fiha karbonju fis-sens tal-Artikolu 3(h)(v) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278 meta, matul il-proċess Claus, il-gass naturali, li jseħħ b’mod naturali, jintuża għall-produzzjoni tal-kubrit u ċ-CO2 inerenti fil-gass naturali jiġi rrilaxxat fl-atmosfera mingħajr ma ċ-CO2 inerenti fil-gass naturali jipparteċipa fir-reazzjoni kimika li sseħħ matul il-proċess, jew it-terminu “użu” neċessarjament ifisser li l-karbonju jipparteċipa fir-reazzjoni kimika li sseħħ jew li huwa saħansitra meħtieġ għal dan il-għan?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel sat-tielet domanda:

Jekk installazzjoni suġġetta għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni tissodisfa kemm il-kriterji għall-ħolqien ta’ parti ta’ installazzjoni b’livell ta’ riferiment termali kif ukoll il-kriterji għall-ħolqien ta’ parti ta’ installazzjoni b’emissjonijiet tal-proċess, liema huwa l-punt ta’ riferiment għall-allokazzjoni tal-kwoti ta’ emissjoni b’xejn? Id-dritt għal allokazzjoni abbażi ta’ livell ta’ riferiment termali jipprevali fuq id-dritt għal allokazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess jew id-dritt ta’ allokazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess jipprevali fuq livell ta’ riferiment termali u livell ta’ riferiment ta’ kombustibbli minħabba li huwa iktar speċifiku?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel sar-raba’ domanda:

Id-drittijiet għal allokazzjoni addizzjonali ta’ kwoti ta’ emissjoni b’xejn għat-tielet perijodu ta’ skambju jistgħu jiġu ssodisfatti wara t-tmiem tat-tielet perijodu ta’ skambju permezz ta’ allokazzjonijiet għar-raba’ perijodu ta’ skambju, meta jkun biss wara t-tmiem tat-tielet perijodu ta’ skambju li l-qorti tkun stabbilixxiet l-eżistenza ta’ tali dritt, jew drittijiet għal allokazzjoni li għadhom ma ġewx issodisfatti fi tmiem it-tielet perijodu ta’ skambju ma jibqgħux jeżistu?

____________

1     Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 130, p. 1).