Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (ir-Renju Unit) fil-5 ta’ Novembru 2018 – Amoena Ltd v Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

(Kawża C-677/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

First-tier Tribunal (Tax Chamber)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Amoena Ltd

Konvenuta: Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

Domandi preliminari

Il-KKD 1 u/jew il-Kummissjoni Ewropea wettqu żball manifest meta kklassifikaw ir-riċipettijiet għal wara mastektomija:

taħt il-Kapitolu 62 tan-Nomenklatura Magħuqda 2 tal-Unjoni Ewropea taħt l-intestatura tariffarja 6212, li speċifikament tinkludi “Riċipettijiet” u l-Kodiċi NM 6212 10 90;

minflok

il-Kapitolu 90 taħt l-intestatura tariffarja 9021 u l-Kodiċi NM 9021 10 10 bħala aċċessorji għal partijiet artifiċjali tal-ġisem skont it-tifsira tan-Nota 2(b) tal-Kapitolu 90 tan-NM?

Ir-RIK 3 jirrestrinġi illegalment il-portata tal-klassifikazzjoni għal aċċessorji għal partijiet artiċifjali tal-ġisem taħt l-intestatura tariffarja 9021 u n-Nota 2(b) tal-Kapitolu 90 tan-NM, u għalhekk il-Kummissjoni Ewropea marret lil hinn mis-setgħat tagħha meta adottat dan ir-regolament?

Ir-RIK jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fiċ-ċirkustanzi fejn:

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tosserva d-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali, iżda għandha wkoll tippromwovi l-applikazzjoni uniformi (u korretta) tal-Kodiċi Doganali u tan-NM;

Il-Qorti Suprema tar-Renju Unit waslet għall-konklużjoni unanima li riċipettijiet għal wara mastektomija għandhom jiġu kklassifikati korrettament taħt il-Kapitolu 90 tan-NM bl-intestatura tariffarja 9021; u

Id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tressqet quddiem il-Kummissjoni Ewropea u din ikkomunikatha lill-Istati Membri kollha tal-Unjoni flimkien ma’ sommarju tar-raġunament tal-Qorti Suprema?

____________

1 Kumitat tal-Kodiċi Doganali.

2 NM.

3 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1167 tas-26 ta’ Ġunju 2017 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU 2017, L 170, p. 50).