Language of document :

Appell ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2020 minn Yieh United Steel Corp. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-3 ta’ Diċembru 2019 fil-Kawża T-607/15, Yieh United Steel vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-79/20 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Yieh United Steel Corp. (rappreżentant: D. Luff, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Eurofer, Association Européenne de l'Acier, AISBL

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara dan l-appell ammissibbli u fondat;

tħassar is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-3 ta’ Diċembru 2019 fil-Każ Yieh United Steel Corporation Ltd (Yusco) vs Il-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea, T-607/15;

skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, tagħti sentenza finali, li tilqa’ t-talbiet ta’ Yusco invokati quddiem il-Qorti Ġenerali u, għaldaqstant, tannulla d-dazju antidumpling impost fuq l-appellanti permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1429 1 tas-26 ta’ Awwissu 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan (ir-“regolament ikkontestat” jew id-“regolament tad-dazju definittiv”), safejn dan japplika għall-appellanti;

tordna li l-Kummissjoni u l-intervenjenti għandhom jħallsu kemm l-ispejjeż tagħhom kif ukoll l-ispejjeż kollha li kellha ġarrab l-appellanti matul il-proċedura odejrna u l-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti ssostni li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata abbażi tat-tliet aggravji li qiegħed jingħata sunt tagħhom hawn isfel.

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2016/1036 2 tat-8 ta’ Ġunju 2016 (ir-“regolament bażiku”) billi warrbet b’mod żbaljat l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 2(5) tar-regolament bażiku billi ma bbilanċjatx b’mod adegwat l-interessi tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha u d-dritt tal-appellanti li jkollu r-rekords tiegħu meqjusa.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 2(2) tar-regolament bażiku billi ddeċidiet b’mod żbaljat li ċ-ċaħda tal-bejgħ domestiku taħt l-Artikolu 2(2) tar-regolament bażiku ma tirrikjedix il-kisba ta’ intenzjoni speċifika jew konsapevolezza min-naħa tal-bejjiegħ dwar l-esportazzjoni finali tal-prodotti kkonċernati.

____________

1  ĠU 2015, L 224, p. 10.

2  Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea.