Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fit-23 ta’ Settembru 2019 – Sisal SpA vs Agenzia delle Dogane e dei Monopoli, Ministero dell’Economia e delle Finanze

(Kawża C-721/19)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Sisal SpA

Konvenuti: Agenzia delle Dogane e dei Monopoli, Ministero dell’Economia e delle Finanze

Domandi preliminari

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-dritt ta’ stabbiliment u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikoli 49 et seq u 56 et seq TFUE), kif ukoll il-prinċipji [tad-dritt tal-Unjoni Ewropea] ta’ ċertezza legali, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ imparzjalità, ta’ kompetizzjoni ħielsa, ta’ proporzjonalità, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ koerenza, kif ukoll – jekk jitqies li huma applikabbli – l-Artikoli 3 u 43 tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni, bħal dik prevista fl-Artikolu 20(1) tad-Digriet Liġi Nru 148 tas-16 ta’ Ottubru 2017, u fl-atti ta’ implimentazzjoni sussegwenti tiegħu, li jipprevedi li “1. B’applikazzjoni tal-Artikolu 21(3) u (4) tad-Digriet Liġi Nru 78 tal-1 ta’ Lulju 2009, ikkonvertit, b’emendi, bil-Liġi Nru 102 tat-3 ta’ Awwissu 2009, l-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji għandha tawtorizza t-tkomplija tar-relazzjoni ta’ konċessjoni eżistenti, relatata mal-ġbir, anki mill-bogħod, tal-lotteriji nazzjonali bi tlugħ instantanju, sal-aħħar terminu previst fl-Artikolu 4(1) tal-att ta’ konċessjoni, b’tali mod li jiġi żgurat dħul ġdid u ikbar fil-baġit tal-Istat fl-ammont ta’ Eur 50 miljun għas-sena 2017 u EUR 750 miljun għas-sena 2018”, f’sitwazzjoni fejn:

l-Artikolu 21(1) tad-Digriet Liġi Nru 78 tal-1 ta’ Lulju 2009, ikkonvertit, b’emendi, bil-Liġi Nru 102 tat-3 ta’ Awwissu 2009, ippreveda li normalment il-konċessjonijiet inkwistjoni jingħataw lil diversi persuni magħżula permezz ta’ proċeduri miftuħa, kompetittivi u mhux diskriminatorji;

l-Artikolu 21(4) tal-imsemmi digriet, ippreveda li l-konċessjonijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 21(1) jistgħu eventwalment jiġġeddu, għal darba biss;

il-kumpanniji rikorrenti ma ħadux sehem fis-sejħa għal offerti maħruġa fl-2010;

ir-relazzjoni speċifika eżistenti ġiet stabbilita, ab origine, ma konċessjonarju wieħed, insegwitu għal sejħa għal offerti pubblika, li fil-kuntest tagħha ġiet ippreżentata offerta waħda;

it-tkomplija tar-relazzjoni ta’ konċessjoni eżistenti, tkun tinvolvi – konkretament – li l-imsemmija relazzjoni titkompla ma dan il-konċessjonarju wieħed, minflok permezz ta’ tiġdid ma diversi persuni, mingħajr sejħa għal offerti ġdida?

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-dritt ta’ stabbiliment u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikoli 49 et seq u 56 et seq TFUE), kif ukoll il-prinċipji [tad-dritt tal-Unjoni Ewropea] ta’ ċertezza legali, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ imparzjalità, ta’ kompetizzjoni ħielsa, ta’ proporzjonalità, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ koerenza, kif ukoll – jekk jitqies li huma applikabbli – l-Artikoli 3 u 43 tad-Direttiva 2014/23/UE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni, bħal dik prevista fl-Artikolu 20(1) tad-Digriet Liġi Nru 148 tas-16 ta’ Ottubru 2017, li, bl-għan iddikjarat li tapplika l-Artikolu 21(3) u (4) tad-Digriet Liġi Nru 78 tal-1 ta’ Lulju 2009, ikkonvertit, b’emendi, bil-Liġi Nru 102 tat-3 ta’ Awwissu 2009, tipprevedi li “l-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji għandha tawtorizza t-tkomplija tar-relazzjoni ta’ konċessjoni eżistenti, relatata mal-ġbir, anki mill-bogħod, tal-lotteriji nazzjonali bi tlugħ instantanju, sal-aħħar terminu previst fl-Artikolu 4(1) tal-att ta’ konċessjoni, b’tali mod li jiġi żgurat dħul ġdid u ikbar fil-baġit tal-Istat fl-ammont ta’ Eur 50 miljun għas-sena 2017 u EUR 750 miljun għas-sena 2018”, sa fejn tipprevedi dan:

permezz tat-tkomplija ratione temporis tal-unika relazzjoni ta’ konċessjoni eżistenti, minflok l-eventwali tiġdid tad-diversi konċessjonijiet previsti fl-Artikolu 21(4) tad-Digriet Liġi Nru 78 tal-1 ta’ Lulju 2009, ikkonvertit b’emendi bil-Liġi Nru 102 tat-3 ta’ Awwissu 2009, u mingħajr ma tinħareġ sejħa għal offerti ġdida;

f’data li tiġi qabel l-iskadenza tal-konċessjoni: id-Digriet Liġi Nru 148 tal-2017 daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Ottubru 2017, jiġifieri l-istess ġurnata tal-pubblikazzjoni fil-Gazzatta tal-Gvern Taljan, filwaqt li l-konċessjoni kellha tiskadi fit-30 ta’ Settembru 2019;

b’tali mod li jiġi żgurat dħul ġdid u ikbar fil-baġit tal-Istat fl-ammont ta’ Eur 50 miljun għas-sena 2017 u EUR 750 miljun għas-sena 2018, filwaqt li tibdel, b’dan il-mod, uħud mill-aspetti relatati mal-metodi u mat-termini ta’ ħlas tal-korrispettiv għall-konċessjoni, kif ukoll, potenzjalment, l-ammont totali tal-ħlas dovut mill-perspettiva tal-ispiża tiegħu, b’mod partikolari bil-bdil tat-termini għall-ħlas, li ġew antiċipati meta mqabbla ma dawk li hemm previsti fil-konċessjoni oriġinali, fid-dawl – skont ir-rikorrenti – tal-fatt oġġettiv u magħruf li l-ħin għandu valur finanzjarju?

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-dritt ta’ stabbiliment u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikoli 49 et seq u 56 et seq TFUE), kif ukoll il-prinċipji [tad-dritt tal-Unjoni Ewropea] ta’ ċertezza legali, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ imparzjalità, ta’ kompetizzjoni ħielsa, ta’ proporzjonalità, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ koerenza, kif ukoll – jekk jitqies li huma applikabbli – l-Artikoli 3 u 43 tad-Direttiva 2014/23/UE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni, bħal dik prevista fl-atti ta’ implimentazzjoni tad-digriet imsemmi iktar ’il fuq, u b’mod partikolari fil-Komunikazzjoni Nru 0133677 tal-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji tal-1 ta’ Diċembru 2017, li, bl-għan iddikjarat li tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(1) tad-Digriet Liġi Nru 148 tas-16 ta’ Ottubru 2017, u abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-ftehim ta’ konċessjoni għall-amministrazzjoni tal-lotteriji bi tlugħ instantanju, li jipprevedi li dan il-ftehim jista’ jiġġedded għal darba biss, ibiddel it-terminu aħħari tar-relazzjoni ta’ konċessjoni għat-30 ta’ Settembru 2028; bla ħsara, f’kull każ, għad-dispożizzjonijiet tal-istess Artikolu 4 fir-rigward tat-tqassim tat-tul tal-konċessjoni f’żewġ perijodi rispettivament ta’ ħames u ta’ erba’ snin (għaldaqstant, wara li jgħaddi l-ewwel perijodu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Ottubru 2019, it-tkomplija b’erba’ snin oħra sal-iskadenza tat-30 ta’ Settembru 2028 hija suġġetta għall-evalwazzjoni pożittiva, min-naħa tal-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji, tal-andament tal-amministrazzjoni li għandha ssir sat-30 ta’ Marzu 2024); tipprevedi li l-kumpannija għandha tħallas ammont ta’ Eur 50 miljun sal-15 ta’ Diċembru 2017; ammont ta’ EUR 300 miljun sat-30 ta’ April 2018; u ammont ta’ EUR 450 miljun sal-31 ta’ Ottubru 2018;

sa fejn tipprevedi dan qabel l-iskadenza tat-terminu oriġinali ta’ skadenza tal-konċessjoni nnifisha (il-Komunikazzjoni Nru 0133677 tal-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji, ġiet adottata fl-1 ta’ Diċembru 2017, filwaqt li l-kuntratt ta’ konċessjoni kellu jiskadi fit-30 ta’ Settembru 2019);

jiġi ggarantit, b’dan il-mod, il-ħlas minn qabel ta’ EUR 800 miljun (EUR 50 miljun sal-15 ta’ Diċembru 2017; EUR 300 miljun sat-30 ta’ April 2018; EUR 450 miljun sal-31 ta’ Ottubru 2018) f’dati li jiġu qabel tali skadenza (it-30 ta’ Settembru 2019);

fatt li jwassal għall-bdil potenzjali tal-ammont totali tal-ħlas dovut, mill-perspettiva tal-ispiża tiegħu, fid-dawl – skont ir-rikorrenti – tal-fatt oġġettiv u magħruf li l-ħin għandu valur finanzjarju?

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-dritt ta’ stabbiliment u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikoli 49 et seq u 56 et seq TFUE), kif ukoll il-prinċipji [tad-dritt tal-Unjoni Ewropea] ta’ ċertezza legali, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ imparzjalità, ta’ kompetizzjoni ħielsa, ta’ proporzjonalità, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ koerenza, kif ukoll – jekk jitqies li huma applikabbli – l-Artikoli 3 u 43 tad-Direttiva 2014/23/UE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi tali leġiżlazzjoni, anki fil-każ li l-operaturi fis-settur li attwalment huma interessati li jidħlu fis-suq ma ħadux sehem fis-sejħa għal offerti oriġinali maħruġa għall-għoti tal-konċessjoni li skadiet u li tkompliet mal-konċessjonarju preċedenti, taħt il-kundizzjonijiet kuntrattwali l-ġodda diġà deskritti, jew inkella l-eventwali restrizzjoni tal-aċċess għas-suq isseħħ biss fil-każ li dawn ikunu effettivament ħadu sehem fis-sejħa għal offerti oriġinali?

____________

1     ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24 u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17.