Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Baden-Württemberg (il-Ġermanja) fis-27 ta’ Ġunju 2018 – Südzucker AG vs Hauptzollamt Karlsruhe

(Kawża C-423/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Finanzgericht Baden-Württemberg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Südzucker AG

Konvenut: Hauptzollamt Karlsruhe

Domandi preliminari

1    L-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 967/2006 1 għandha tiġi interpretata fis-sens li t-terminu previst fiha japplika wkoll għar-rettifika ta’ komunikazzjoni magħmula fi żmien xieraq tal-imposta fuq l-ammont żejjed, li tirriżulta mir-rettifika tad-determinazzjoni tal-kwantità ta’ zokkor żejjed li għandu jiġi suġġett għal imposta li saret wara l-iskadenza tat-terminu wara kontroll imwettaq skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 952/2006 2 ?

2.    Fil-każ li l-ewwel domanda titlob risposta fl-affermattiv:

    Meta komunikazzjoni magħmula fi żmien xieraq hija rrettifikata wara konstatazzjonijiet magħmula f’kontrolli, il-kundizzjonijiet li taħthom is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2002, British Sugar (C-101/99, EU:C:2002:7) tippermetti qbiż tat-terminu previst fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2670/81, fil-verżjoni emendata bir-Regolament Nru 3559/91 3 , jgħoddu wkoll għal qbiż tat-terminu previst mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 967/2006?

3.    Jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 967/2006 ma tapplikax għar-rettifiki kkomunikati wara kontrolli (ara l-ewwel domanda) jew meta l-kundizzjonijiet ta’ qbiż tat-terminu jkunu ssodisfatti (ara t-tieni domanda), it-terminu li fih għandha tiġi kkomunikata r-rettifika tal-imposta fuq l-ammont żejjed għandu jiġi stabbilit għall-1 ta’ Mejju jew għandhom jiġu applikati r-regoli tad-dritt intern?

4.    Jekk, skont ir-risposta għat-tielet domanda, it-terminu ma għandux jiġi stabbilit għall-1 ta’ Mejju u r-regoli tad-dritt intern ma għandhomx jiġu applikati:

    Huwa konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, inkużi wkoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li, f’każ bħal dan il-każ ineżami, minħabba t-tul tal-kontroll, iż-żmien sabiex jiġi stabbilit ir-rapport ta’ kontroll, u l-analiżi tiegħu, l-imposta għas-sena 2007/2008 tiġi kkomunikata fl-20 ta’ Ottubru 2010 u fis-27 ta’ Ottubru 2011? Il-fatt li l-manifattur taz-zokkor ikkontesta jew ma kkontestax id-determinazzjoni tal-kwantitajiet żejda huwa rilevanti f’dan ir-rigward?

____________

1     Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 967/2006 tad-29 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 rigward produzzjoni taz-zokkor li taqbeż il-kwota (ĠU 2006, L 176, p. 22).

2     Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 952/2006 tad-29 ta’ Ġunju 2006 li jipprovdi regoli dettaljati għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 dwar il-ġestjoni tas-suq intern taz-zokkor u l-iskema tal-kwoti (ĠU 2006, L 178, p. 39).

3     Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3559/91 tas-6 ta’ Diċembru 1991 li jemenda Regolament (KEE) Nru 2670/81 li jistabbilixxi regolamenti implimentati dettaljati għall-produzzjoni taz-zokkor li taqbeż il-kwota (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 12, p. 131).