DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA
(Imħallef uniku)
27 ta’ Ġunju 2013
Kawża F‑73/08 DEP
Luigi Marcuccio
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Servizz pubbliku — Proċedura — Intaxxar tal-ispejjeż”
Suġġett: Talba għall-intaxxar tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru skont l-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura, li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea adixxiet lit-Tribunal b’din it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż tal-Kawża F-73/08, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura.
Deċiżjoni: L-ammont totali tal-ispejjeż li għandhom jiġu rrimborsati minn L. Marcuccio lill-Kummissjoni Ewropea bħala spejjeż li jistgħu jinġabru fil-Kawża F-73/08, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, huwa stabbilit fl-ammont ta’ EUR 4 820.
Sommarju
1. Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Tressiq tat-talba — Obbligu li jiġu pprovduti provi li jsostnu t-talba fl-istadju inizjali ta’ kuntatt qabel it-tressiq tagħha — Assenza
(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 92(1))
2. Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet — Kunċett — Onorarji mħallsa minn istituzzjoni lill-avukat tagħha — Inklużjoni
(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 u l-Artikolu 7(1) tal-Anness I; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))
3. Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni — Spejjeż tal-avukati marbuta max-xogħol li sar qabel ma l-qorti tal-Unjoni ġiet adita — Inklużjoni
(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))
4. Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Spejjeż sostnuti fil-proċedura għall-intaxxar tal-ispejjeż — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni
(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 86, 91 u 92)
1. Fir-rigward ta’ kontestazzjoni fuq l-ispejjeż, fis-sens tal-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ebda dispożizzjoni ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura ma tobbliga parti li tipproduċi dokumenti dwar il-pretensjonijiet tagħha fl-istadju inizjali ta’ kuntatt li jippreċedi t-tressiq ta’ talba għal-intaxxar tal-ispejjeż.
(ara l-punt 21)
2. Mill-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirriżulta li l-ispejjeż li jistgħu jinġabru huma biss, minn naħa, dawk sostnuti għall-finijiet tal-proċedura quddiem it-Tribunal u, min-naħa l-oħra, dawk li kienu indispensabbli għal dawn il-finijiet.
F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli quddiem it-Tribunal skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-imsemmi statut, l-istituzzjonijiet huma liberi li jużaw l-assistenza ta’ avukat. Ir-remunerazzjoni ta’ dan tal-aħħar tidħol għalhekk fil-kunċett ta’ spejjeż indispensabbli sostnuti għall-finijiet tal-proċedura, mingħajr ma l-istituzzjoni hija marbuta turi li tali assistenza kienet oġġettivament iġġustifikata.
Għalhekk, filwaqt li l-fatt li istituzzjoni tkun qabdet avukat estern ma għandu ebda konsegwenza fuq in-natura potenzjalment rekuperabbli tal-ispejjeż, peress li bħala prinċipju xejn ma jippermetti li dawn jiġu esklużi, dan jista’ jkollu impatt fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura li għandhom finalment jiġu rkuprati.
(ara l-punti 26 u 27)
Referenza:
It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 26 ta’ April 2010, Schönberger vs Il-Parlament, F-7/08 DEP, punt 23
Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 23 ta’ Marzu 2012, Kerstens vs Il-Kummissjoni, T-498/09 P-DEP, punt 13; 28 ta’ Mejju 2013, Marcuccio vs Il-Kummissjoni T-278/07 P-DEP, punt 14
3. Il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex il-kompetenza li tintaxxa l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati tagħhom, imma li tiddetermina l-ammont sa liema dawn ir-remunerazzjonijiet jistgħu jinġabru mingħand il-parti kkundannata għall-ispejjeż. Meta tiddeċiedi fuq it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni tariffa nazzjonali li tistabbilixxi l-onorarji tal-avukati u lanqas ftehim possibbilment konkluż bejn il-parti kkonċernata u l-aġenti jew il-konsulenti tagħha.
Barra minn hekk, fin-nuqqas taʼ dispożizzjonijiet taʼ natura tariffarja fid-dritt tal-Unjoni, hija l-qorti li għandha tevalwa liberament id-data tal-kawża, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett u n-natura tat-tilwima, l-importanza tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont taʼ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet teħtieġ min-naħa tal-membri tal-persunal jew tal-konsulenti li intervjenew u l-interessi ekonomiċi li t-tilwima rrappreżentat għall-partijiet.
Fl-aħħar nett, l-ammont tal-onorarji li jistgħu jinġabru tal-avukat tal-istituzzjoni kkonċernata ma jistax jiġi evalwat billi jitnaqqas ix-xogħol imwettaq, anki qabel ma tressqet il-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, mid-dipartimenti tagħha. Fil-fatt, peress li l-ammissibbiltà taʼ rikors hija suġġetta għat-tressiq taʼ lment u għaċ-ċaħda tiegħu mill-Awtorità tal-Ħatra, id-dipartimenti tal-istituzzjoni huma, fil-prinċipju, involuti fit-trattament tat-tilwim anki qabel ma dawn ma jitressqu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.
(ara l-punti 28 sa 30)
Referenza:
It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Novembru 2009, X vs Il-Parlament, F-14/08 DEP, punt 22; Schönberger vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24; 27 ta’ Settembru 2001, De Nicola vs BEI, F-55/08 DEP, punt 41
4. L-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar il-proċedura ta’ kontestazzjoni fuq l-ispejjeż ma jipprovdix, b’differenza mill-Artikolu 86 tal-imsemmija regoli, li jkun hemm deċiżjoni fuq l-ispejjeż fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlaq il-kawża. Fil-fatt, jekk it-Tribunal, meta jiddeċiedi fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura fuq il-kontestazzjoni tal-ispejjeż ta’ istanza prinċipali, jiddeċiedi fuq l-ispejjeż suġġett tal-kontestazzjoni u, separatament, fuq l-ispejjeż il-ġodda sostnuti fil-kuntest tar-rikors għal kontestazzjoni tal-ispejjeż, huwa jista’, fi kwalunkwe każ, jiġi sussegwentement adit b’kontestazzjoni ġdida fuq spejjeż ġodda.
Madankollu, huwa t-Tribunal li għandu, meta huwa jiffissa l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sal-mument tal-adozzjoni tad-digriet tal-intaxxar tal-ispejjeż. Barra minn hekk, it-Tribunal jista’ jiddetermina l-ammont tal-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-intaxxar tal-ispejjeż u li kienu indispensabbli fis-sens tal-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura sabiex jevita li jiġi sussegwentement adit mill-ġdid b’kontestazzjoni ġdida fuq spejjeż ġodda.
(ara l-punti 39 u 40)
Referenza:
It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Schönbergervs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45; 22 ta’ Marzu 2012, Brune vs Il-Kummissjoni, F-5/08 DEP, punt 41