Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Awwissu 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Irlanda

(Kawża C-550/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Flynn, T. Scharf, G. von Rintelen, aġenti)

Konvenuta: L-Irlanda

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, f’dak li jikkonċerna d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73), l-Irlanda naqset milli, sa mhux iktar tard mis-26 ta’ Ġunju 2017, tadotta d-dispożizzjonijiet kollha li jittrasponu din id-Direttiva jew, fi kwalunkwe każ, naqset milli tinnotifika lill-Kummissjoni b’tali miżuri, u dan b’tali mod li l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 67(1) ta’ din id-direttiva;

timponi pagamenti ta’ penalità fuq l-Irlanda skont l-Artikolu 260(3) TFUE li jammontaw għas-somma ta’ EUR 17 190.60 għal kull jum, b’effett mid-data tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u dan għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tagħha li tinnotifika miżuri li jittrasponu d-Direttiva (UE) 2015/849;

timponi l-ħlas ta’ somma f’daqqa fuq l-Irlanda skont l-Artikolu 260(3) TFUE li tikkorrispondi għal somma ta’ kuljum ta’ EUR 4 701.20 immultiplikata bin-numru ta’ jiem li fihom jibqa’ għaddej il-ksur, bis-somma f’daqqa minima tkun ta’ EUR 1 685 000; u

tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 67(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849 l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas-26 ta’ Ġunju 2017, u għandhom immedjatament jikkomunikaw it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni. B’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li din id-direttiva għadha ma ġietx trasposta, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

____________