Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Mejju 2019 – Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-401/19)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentanti: B. Majczyna, aġent, W. Gonatarski, adwocat)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-Artikolu 17(4)(b) u l-Artikolu 17(4)(c), in fine (jiġifieri fil-parti li fiha l-frażi “u għamlu l-aħjar sforzi biex jipprevjenu kwalunkwe upload futur tagħhom skont il-punt (b)”) tad-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE 1 ;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-Repubblika tal-Polonja titlob l-annullament tal-Artikolu 17(4)(b) u l-Artikolu 17 (4)(c) in fine (jiġifieri fil-parti li fiha l-frażi “u għamlu l-aħjar sforzi biex jipprevjenu kwalunkwe upload futur tagħhom skont il-punt (b)”) tad-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU 2019, L 130, p. 92) kif ukoll il-kundanna għall-ispejjeż tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jistgħux jiġu ddisassoċjati mid-dispożizzjonijiet l-oħra li jinsabu fl-Artikolu 17 tad-Direttiva (UE) 2019/790 mingħajr ma tinbidel is-sustanza tar-regoli li jinsabu f’dak l-artikolu, ir-Repubblika tal-Polonja titlob l-annullament tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 fl-intier tiegħu.

Ir-Repubblika tal-Polonja tressaq, kontra d-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Direttiva 2019/790, motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni ggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

B’mod partikolari, ir-Repubblika tal-Polonja tafferma li l-obbligu għall-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online li jagħmlu l-aħjar sforzi sabiex jiżgura l-indisponibbiltà ta’ xogħlijiet u oġġetti oħra protetti speċifiċi li għalihom id-detenturi tad-drittijiet li pprovdew lill-fornituri tas-servizzi l-informazzjoni relevanti u meħtieġa (Artikolu 17(4)(b) tad-Direttiva 2019/790) kif ukoll l-obbligu magħmul għall-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni tal-kontenut online sabiex jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom sabiex jipprevjenu li x-xogħlijiet u l-oġġetti l-oħra protetti, li għalihom id-detenturi tad-drittijiet issottomettew notifika suffiċjentement motivata, isirulhom uploads fil-futur (l-Artikolu 17(4)(c), in fine, tad-Direttiva 2019/790) għandu l-konsegwenza – sabiex jevitaw ir-responsabbiltà – li l-fornituri tas-servizzi għandhom iwettqu verifika awtomatika minn qabel (filtrazzjoni) tal-kontenut kondiviż online mill-utenti, li jimplika konsegwentement li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ kontroll preventiv. Tali mekkaniżmi jimminaw l-essenza stess tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u ma josservawx ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità u ta’ neċessità ta’ kwalunkwe ksur ta’ dak id-dritt.

____________

1 ĠU 2019, L 130, p. 92.