Language of document :

Appell ippreżentat fil-4 ta’ Settembru 2019 minn NRW.Bank mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) fis-26 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-466/16, NRW.Bank vs Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

(Kawża C-662/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: NRW.Bank (rappreżentanti: J. Seitz, J. Witte u D. Flore, Rechtsanwälte)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-466/16 u d-deċiżjoni tal-konvenut fl-ewwel istanza u tal-appellat dwar il-kontribuzzjoni annwali tal-appellanti għall-fond ta’ ristrutturazzjoni fir-rigward tas-sena ta’ kontribuzzjoni 2016;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza msemmija fil-punt 1 u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

L-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali, ir-rikors għal annullament tal-appellanti ma ġiex ippreżentat tardivament fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, id-deċiżjoni tal-appellat dwar il-kontribuzzjoni annwali tar-appellanti għall-fond tar-ristrutturazzjoni għas-sena 2016 hija bbażata fuq żewġ deċiżjonijiet suċċessivi tal-appellat, jiġifieri l-“ewwel deċiżjoni tal-BUR” u t-“tieni deċiżjoni tal-BUR”. Iż-żewġ deċiżjonijiet tal-BUR kienu indirizzati esklużivament lin-Nationale Abwicklungsbehörde (l-Awtorità Nazzjonali tar-Riżoluzzjoni, iktar ’il quddiem il-“FMSA”) u l-appellanti ma kinitx ġiet direttament informata dwarhom u lanqas ma kienu ġew trażmessi lilha. L-appellanti saret taf bl-allegata eżistenza ta’ dawn id-deċiżjonijiet tal-BUR (iżda mhux bil-kontenut tagħhom) permezz tal-avviż ta’ rkupru tal-FMSA, jiġifieri permezz tal-“ewwel deċiżjoni tal-FMSA” u tat-“tieni deċiżjoni tal-FMSA”.

Kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali, l-avveniment deċiżiv għall-finijiet tal-kalkolu tat-terminu għall-preżentata tar-rikors għall-annullament huwa biss l-aċċess tal-appellanti għat-tieni deċiżjoni tal-FMSA. Dan għaliex it-tieni deċiżjoni tal-BUR issostitwixxiet l-ewwel deċiżjoni tal-BUR.

Anki jekk jitqies li t-tieni deċiżjoni tal-BUR ma ssostitwixxietx b’mod komplet l-ewwel deċiżjoni tal-BUR, iżda sempliċement immodifikatha, il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għal preżentata ta’ rikors, skont il-ġurisprudenza, huwa esklużivament id-data li fiha ġiet trażmessa t-tieni deċiżjoni tal-FMSA.

Barra minn hekk, l-appellanti ssostni, kuntrarjament għal dak li tqis il-Qorti Ġenerali, li hija ma kinitx marbuta, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża ineżami, titlob l-ewwel deċiżjoni tal-BUR, u b’dan il-mod, tkun taf bil-kontenut u bil-motivazzjoni tagħha. Fi kwalunkwe każ, tali obbligu ma jqumx jekk, bħal fil-każ ineżami, kemm il-persuna kkonċernata kif ukoll is-suġġett tal-allegat rekwiżit huma inċerti.

Fl-aħħar nett, it-terminu tar-rikors għandu jitqies li ġie osservat abbażi ta’ raġunijiet ta’ aspettattivi leġittimi, iżda wkoll, fi kwalunkwe każ, abbażi ta’ żball skużabbli.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonstatat li l-appellanti ma kienet ippreżentat ebda motivi jew argumenti fir-rigward tat-tieni deċiżjoni tal-BUR. Din il-konstatazzjoni tikser id-dritt ta’ smigħ tal-appellanti skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti Ġenerali injorat diversi dikjarazzjonijiet tal-appellanti u ma ħadithomx inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni tagħha, u għalhekk ċaħditha minn smigħ xieraq.

____________