Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Ireland (l-Irlanda) fil-5 ta’ Mejju 2014 – Kuldip Singh, Denzel Nnjume, Khaled Aly vs Minister for Justice and Equality

(Kawża C-218/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Ireland

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Kuldip Singh, Denzel Nnjume, Khaled Aly

Konvenut: Minister for Justice and Equality

Parti intervenjenti: Immigrant Council of Ireland

Domandi preliminari

Meta żwieġ li jinvolvi ċittadin tal-Unjoni ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz jintemm b’divorzju miskub wara t-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni minn Stat Membru ospitanti fejn dan iċ-ċittadin tal-Unjoni kien qed igawdi minn drittijiet tal-Unjoni, u meta japplikaw l-Artikoli 7 u 13(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/38/KE 1 , iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz iżomm dritt li jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti wara dan? Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu bejn tluq iċ-ċittadin tal-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti u l-għoti tad-deċiżjoni ta’ divorzju?

Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38/KE huma sodisfatti meta konjuġi ċittadin tal-Unjoni jsostni li għandu biżżejjed riżorsi fis-sens tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva parzjalment abbażi tar-riżorsi tal-konjuġi taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, persuni bħar-rikorrenti għandhom drittijiet taħt id-dritt tal-Unjoni (minbarra taħt id-Direttiva) biex jaħdmu fl-Istat Membru ospitanti sabiex jipprovdu jew jikkontribwixxu “biżżejjed riżorsi” skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva?

____________

1 Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46)