Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Areios Pagos (il-Greċja) fl-4 ta’ Lulju 2019 – AB vs Olympiako Athlitiko Kentro Athinon - Spyros Louis

(Kawża C-511/19)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Areios Pagos

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: AB

Konvenuta: Olympiako Athlitiko Kentro Athinon - Spyros Louis

Domandi preliminari

A)    Tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età, fis-sens tal-Artikoli 2(1) u (2)(b) u 3(1)(c) tad-Direttiva 2000/78 1 , l-adozzjoni mill-Istat Membru tal-leġiżlazzjoni applikabbli mill-Istat, mill-awtoritajiet lokali u mill-persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku u b’mod ġenerali mill-entitajiet pubbliċi kollha tas-settur pubbliku estiż (korpi tad-dritt privat) bħala persuni li joffru x-xogħol, bħal dik inkluża fl-Artikolu 34(1)(c), l-ewwel inċiż tal-paragrafu 3 u l-paragrafu 4 tal-Liġi Nru 4024/2011, li abbażi tagħha l-persunal bil-kuntratt tax-xogħol tad-dritt privat tal-imsemmija entitajiet huwa suġġett għal skema ta’ riżerva ta’ ħaddiema għal perijodu ta’ mhux itwal minn erbgħa u għoxrin (24) xahar li hija bbażata biss fuq il-kriterju sostanzjali tal-prossimità għall-maturazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-pensjoni tax-xjuħija, korrispondenti għal ħamsa u tletin (35) sena ta’ kontribuzzjonijiet fil-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2012 u l-31 ta’ Diċembru 2013, b’kont meħud ukoll tal-fatt li fis-sens tal-leġiżlazzjoni rilevanti fil-qasam tal-assigurazzjoni fis-seħħ f’dak iż-żmien, minbarra każijiet oħra li ma jaqgħux taħta dan il-każ, sabiex jimmatura d-dritt għal pensjoni tax-xjuħija permezz ta’ relazzjoni ta’ xogħol subordinat, kienu meħtieġa (tal-inqas) 10 500 jum ta’ xogħol (35 sena) ta’ assigurazzjoni fl-Istitut ta’ Assigurazzjoni Soċjali (IKA) jew f’fond ta’ assigurazzjoni ieħor tal-ħaddiema dipendenti u l-kisba (tal-inqas) ta’ 58 sena ta’ età tal-ħaddiem, mingħajr ma huwa ċertament eskluż, skont il-każ konkret, li l-perijodu ta’ assigurazzjoni (35 sena) jitwettqu f’età differenti.

B)    F’każ ta’ risposta affermativa għad-domanda A), l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżerva ta’ ħaddiema tista’ tiġi oġġettivament u raġjonevolment iġġustifikata, fis-sens tal-Artikoli 2(2)(b(i), u 6(1)(a) tad-direttiva, mill-ħtieġa immedjata li jiġu garantiti riżultati organizzattivi, operattivi u ta’ bilanċ u b’mod partikolari mill-ħtieġa urġenti li titnaqqas l-ispiża pubblika bil-ħsieb li jintlaħqu għanijiet kwantitattivi speċifiċi sal-aħħar tal-2011, imsemmija fil-memorandum ta’ spjegattiv tal-liġi, kif speċifikat fil-qafas ta’ strateġija fiskali għal terminu medju ta’ żmien, bl-iskop li jiġu osservati l-impenji assunti mill-Istat favur is-sħab-kredituri tiegħu sabiex tiġi indirizzata l-kriżi ekonomika u finanzjara akuta u dejjiema li taffettwa lill-pajjiż u fl-istess ħin tiġi ristutturata u mnaqqas l-espansjoni tas-settur pubbliku.

Ċ)    F’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda (B),

1)    l-adozzjoni ta’ miżura, bħal dik tal-Artikolu 34(1)(c) tal-liġi Nru 4024/2011, li tipprovdi għal tnaqqis drastiku tas-salarju tal-persunal suġġett għal skema ta’ riżerva ta’ ħaddiema għal 60% tas-salarju bażiku tiegħu riċevut fil-mument tat-tpoġġija tiegħu f’tali skema ta’ riżerva ta’ ħaddiema, mingħajr ma tali persunal ma jkun obbligat jaħdem fis-settur pubbliku rilevanti u li tikkawża (de facto) t-telf ta’ kull żieda possibbli tas-salarju u l-avvanz fil-karriera għall-perijodu ta’ bejn it-tpoġġija tiegħu fl-iskema ta’ riżerva ta’ ħaddiema sat-terminazzjoni tiegħu minħabba l-pensjoni bil-ħlas tal-pensjoni tax-xjuħija, hija adatta u meħtieġa sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan, fis-sens tal-Artikoli 2(2)(b)(i), u 6(1)(a) tad-direttiva, f’sitwazzjoni li fiha, kumulattivament:

a)    tali persunal iżomm il-possibbiltà li jsib impjieg ieħor (fis-settur privat) jew jista’ jeżerċita professjoni libera jew xogħol sakemm idum fir-riżerva ta’ ħaddiema mingħajr ma jitlef id-dritt li jirċievi l-ammont imsemmi iktar ’il fuq fuq is-salarju bażiku, sakemm is-salarju jew id-dħul li joriġina mix-xogħol il-ġdid jew okkupazzjoni ġdida ma jkunux jeċċedu s-salarju riċevut qabel ma ġie ssuġġettat għall-iskema ta’ riżerva ta’ ħaddiema, f’liema każ l-imsemmi ammont tas-salarju bażiku jitnaqqas mill-eċċess – Artikolu 34(1)(f);

b)    il-persuna pubblika li tħaddem, u fil-każ li din ma tibqax teżisti, l-Organismos Apascholisis Ergatikou Dynamikou (Organizzazzjoni Ellenika tal-Impjieg tal-Ħaddiema, Il-Greċja, “OAED” tassumi l-obbligu li tħallas lill-fond ta’ assigurazzjoni rilevanti sal-pensjoni tal-persuna dipendenti il-kontribuzzjonijiet previdenzjali, kemm tal-persuna li tħaddem kif ukoll tal-ħaddiem, marbuta mal-pensjoni prinċipali, mal-pensjoni integrattiva, mal-assistenza soċjali u sanitarja, abbażi tas-salarji riċevuti minn dan tal-aħħar qabel ma ġie suġġett għall-iskema ta’ riżerva ta’ ħaddiema – Artikolu 34(1)(d);

ċ)    huma previsti derogi mill-iskema ta’ riżerva ta’ ħaddiema għall-gruppi soċjali vulnerabbli li jeħtieġu protezzjoni (konjugi ta’ min huwa suġġett għar-riżerva ta’ ħaddiema, konjugi jew wild b’rata ta’ invalidità tal-inqas ta’ 67% li jgħix ma’ u jiddependi fuq il-persuna impjegata, impjegat b’rata ta’ invalidità tal-inqas ta’ 67%, familji numerużi, ġenituri single li jgħixu ma’ u huma dipendenti fuq il-persuna impjegata) – Artikolu 34(1)(b);

d)    tiġi offruta b’mod prijoritarju l-possibbiltà ta’ trasferiment tal-imsemmi persunal lejn postijiet vakanti oħra ta’ entitajiet pubbliċi abbażi ta’ kriterji oġġettivi u meritokratici permezz tal-inklużjoni tagħhom fil-listi tal-Anotato Symvoulio Epilogis Prosopikou (Kunsill Suprem għas-Selezzjoni tal-Persunal taċ-Ċivil, Il-Greċja, “ASEP” – Artikolu 34(1)(a) - possibbiltà madankollu limitata de facto minħabba t-tnaqqis drastiku tar-reklutaġġ ta’ persunal min-naħa ta’ diversi entitajiet pubblici, b’konsegwenza tal-ħtieġa li jitnaqqsu l-ispejjeż;

e)    hija żgurata l-adozzjoni ta’ provvedimenti għar-rimbors tas-self li l-persuni impjegati impoġġija fir-riserva ta’ ħaddiema kienu rċevew mill-Fond ta’ Depożiti u Self u sabiex jiġi konkluż ftehim bejn l-Istat Grieg u l-Assoċjazzjoni tal-banek Griegi sabiex jiġi aġevolat ir-rimbors tas-self li dan il-persunal irċieva minn banek oħra, b’mod proporzjonat mad-dħul familjari kumplessiv tagħhom u mas-sitwazzjoni patrimonjali tagħhom – Artikolu 34(10) u (11);

f)    liġi riċenti (Artikolu 1(15) tal-liġi Nru 4038/2012 - GU serie A’, n. 14) tipprevedi bi prijorità assoluta l-adozzjoni ta’ regolament fuq il-pensjonijiet u fuq l-ordni ta’ ħlas għall-persunal imsemmi fil-punti (b) u (ċ) u, fi kwalunkwe każ, mhux lil hinn minn erba’ xhur mit-terminazzjoni tiegħu u mill-preżentazzjoni tad-dokumentazzjoni relattiva għar-rikonoxximent tal-pensjoni;

g)    l-imsemmi telf ta’ avvanz fil-karriera u taż-żieda fis-salarju mill-perijodu li fih il-persunal bil-kuntratt ta’ xogħol ta’ dritt privat jitpoġġa fl-iskema ta’ riżerva ta’ ħaddiema sat-terminazzjoni tiegħu bil-pensjoni tax-xjuħija ma javverax ruħu fil-maġġoranza tal-każijiet, inkluż fil-każ odjern, peress li l-ħaddiem, minħabba l-permanenza twila tiegħu fis-settur pubbliku, ikun eżawrixxa l-iskala salarjali jew/u l-avvanz fil-karriera previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ għall-progressjoni tiegħu.

2)    L-adozzjoni ta’ miżura, bħal dik tal-Artikolu 34(1)(e) tal-liġi Nru 4024/2011, li tinvolvi t-telf totali (jew analoġika), fis-sens tal-Artikolu 8(b) tal-Liġi Nru 3198/1955, tal-kumpens f’każ ta’ tkeċċija jew terminazzjoni tal-persuna impjegata mill-persuna li tħaddimha, minħabba l-maturazzjoni tal-kundizzjonijiet sabiex tirċievi l-pensjoni tax-xjuħija, ekwivalenti għal 40% tal-kumpens ta’ terminazzjoni previst għall-persuni impjegati b’assigurazzjoni integrattiva (li, fil-każ tal-entitajiet pubbliċi li huma ta’ utilità pubblika jew jiġu ssussidjati mill-Istat, bħall-konvenuta li hija persuna ġuridika tad-dritt privat, ma tistax teċċedi l-ammont massimu ta’ EUR 15 000,00), permezz tal-kumpens tagħha stess bis-salarju mnaqqas riċevut matul ir-riżerva tal-ħaddiema, hija adegwata u neċessarja sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan, fis-sens tal-Artikoli 2(2)(b)(i), u 6(1)(a) tad-direttiva, b’kont meħud tal-fatt li fi kwalunkwe każ tali persunal kien jikseb l-imsemmi kumpens imnaqqas konformement mal-leġiżlazzjoni tax-xogħol fis-seħħ iċċitata iktar ’il fuq, kemm fil-każ ta’ riżenja kif ukoll fil-każ ta’ terminazzjoni min-naħa tal-entità li jaħdem magħha.

____________

1     Id-Direttiva Tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).