Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta’ April 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ċeka

(Kawża C-305/19)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Ondrůšek, K. Talabér-Ritz, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ċeka

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, billi naqset milli tiżgura li f’binjiet b’erja totali ta’ art utilizzabbli ta’ iktar minn 500m2, li għalihom inħareġ ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija taħt l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2010/31/UE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, u li huma ffrekwentati regolarment mill-pubbliku, iċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandhom jiġu murija, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2010/31/UE jipprovdi għall-obbligu ta’ wiri taċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, maħruġ skont l-Artikolu 12(1) tad-direttiva, f’każijiet meta bini b’erja totali ta’ art utilizzabbli ta’ iktar minn 500m2 ikun iffrekwentat regolarment mill-pubbliku.

Madankollu, id-dritt Ċek (§ 7a zákon č. 406/2000 Sb., o hospodaření energií, ve znění pozdějších předpisů (paragrafu 7a tal-Liġi Nru 406/2000 dwar l-immaniġjar tal-enerġija, kif emendata)) jipprovdi għall-obbligu ta’ wiri ta’ ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, jew passaport tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, biss għal dawk il-binjiet li fihom ikun hemm awtoritajiet pubbliċi. Għaldaqstant id-dritt Ċek ma jipprovdix għall-obbligu ta’ wiri ta’ passaport tar-rendiment fl-użu tal-enerġija f’sitwazzjonijiet meta f’dawk il-binjiet ikun hemm korpi li ma humiex awtoritajiet pubbliċi, u huma ffrekwentati regolarment mill-pubbliku. Il-leġiżlazzjoni meħtieġa għadha sempliċement fl-istadju preparatorju.

Għaldaqstant ir-Repubblika Ċeka ma żguratx li, f’binjiet b’erja totali ta’ art utilizzabbli ta’ iktar minn 500m2, li għalihom inħareġ ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija taħt l-Artikolu 12(1) tad-direttiva, u li huma ffrekwentati regolarment mill-pubbliku, iċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandu jiġi muri, u għaldaqstant naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13(2) tad-direttiva.

____________

1 ĠU 2010, L 153, p. 13.