Language of document : ECLI:EU:C:2019:120

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl‑14 ta’ Frar 2019 (1)

Kawża C58/18

Michel Schyns

vs

Belfius Banque SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Justice de Paix du canton de Visé (il-Qorti Konċiljatorja Kantonali ta’ Visé, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2008/48/KE – Obbligi prekuntrattwali – Obbligu tal-kreditur li jfittex it‑tip u l-ammont tal-kreditu l-iktar adattati, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-konsumatur fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt u tal-għan tal-kreditu – Obbligu tal-kreditur li jastjeni milli jikkonkludi l-kuntratt f’każ li jkun hemm raġuni biex wieħed iqis li l-konsumatur mhux ser ikun f’pożizzjoni li jissodisfa l‑obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ kreditu”






I.      Introduzzjoni

1.        F’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta d-Direttiva 2008/48 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur (2). Essenzjalment, hija ġiet mitluba tiċċara r-rabta bejn id-diversi obbligi prekuntrattwali tal-kreditur. Iktar speċifikament, il-kawża tittratta, minn naħa, il-portata tal-obbligu prekuntrattwali biex jingħataw spjegazzjonijiet skont l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48 u, min-naħa l-oħra, ir-rilevanza possibbli, għall-finijiet tal-konklużjoni tal-kuntratt, tal-verifika tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur prevista mill-Artikolu 8 tal-istess direttiva.

2.        Id-domandi ta’ interpretazzjoni magħmula f’dan ir-rigward minn qorti Belġjana tal-ewwel istanza għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tal-“[a]rmonizzazzjoni sħiħa [mfittxija]” (3) li d-Direttiva 2008/48 għandha l-għan li tistabbilixxi. Finalment, tqum il-kwistjoni biex jiġi stabbilit sa fejn tali armonizzazzjoni tipprekludi drittijiet nazzjonali ta’ portata usa’, anki jekk dawn id-drittijiet jistgħu jagħtu protezzjoni effettiva lill-konsumatur fir-rigward ta’ self ta’ flus li jsir b’mod mgħaġġel jew fl-assenza ta’ informazzjoni adegwata u huma għalhekk f’konformità mal-għanijiet essenzjali tad-Direttiva 2008/48. Din il-kwistjoni tiġbed l-attenzjoni għal darba oħra (4) fuq it-tensjoni li teżisti bejn il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi (5) li d-Direttiva 2008/48 għandha l-għan, bħala prinċipju, li tiżgura, minn naħa, u l-għan, ugwalment imfittex, tal-ikkompletar tas-suq intern permezz tat-tnaqqis tal-frammentazzjoni legali (6), min-naħa l-oħra.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

3.        Fuq il-bażi tal-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2008/48 għandha l-għan li tarmonizza ċerti aspetti tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi tal-Istati Membri dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi.

4.        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/48 jirrigwarda l-informazzjoni prekuntrattwali. Il-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu jistipula:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kredituri u, fejn applikabbli, l-intermedjarji ta’ kreditu, jipprovdu spjegazzjonijiet adegwati lill-konsumatur, sabiex il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jivvaluta jekk il-ftehim ta’ kreditu propost hux adattat għall-ħtiġijiet tiegħu u għas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, fejn ikun il-każ billi tiġi spjegata lilu l-informazzjoni prekuntrattwali li għandha tiġi provduta skond il-paragrafu 1, il-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti proposti u l-effetti speċifiċi li dawn jista’ jkollhom fuq il-konsumatur, inklużi l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ ħlas mill-konsumatur. L-Istati Membri jistgħu jadattaw il-mod li bih u sa fejn trid tingħata tali assistenza, kif ukoll minn għandu jipprovdi tali assistenza, għaċ-cirkostanzi partikolari tas-sitwazzjoni li fiha jiġi offrut il-ftehim ta’ kreditu, il-persuna li lilha qed jiġi offrut u t-tip ta’ kreditu offrut”.

5.        L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48 jimponi fuq il-kreditur l-obbligu li tiġi evalwata l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt u jipprovdi dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, il-kreditur jivvaluta l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur abbażi ta’ informazzjoni suffiċjenti, fejn ikun il-każ miksuba mill-konsumatur u, fejn ikun meħtieġ, abbażi ta’ konsultazzjoni tad-database rilevanti. L-Istati Membri fejn il-leġiżlazzjoni fil-preżent diġà tirrikjedi li l-kredituri jivvalutaw l-affidabilità finanzjarja tal-konsumaturi fuq il-bażi ta’ konsultazzjoni tad-database rilevanti jistgħu jżommu dan ir-rekwiżit”.

6.        Fir-rigward tal-armonizzazzjoni mfittxija, l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48 jipprevedi dan li ġej:

“Safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva”.

7.        Finalment, l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. F’dan ir-rigward, is-sanzjonijiet previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

B.      Id-dritt nazzjonali

8.        Id-Direttiva 87/102/KEE tal-Kunsill tat‑22 ta’ Diċembru 1986 għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (7) ġiet ittrasposta fil-Belġju permezz tal-Loi sur le crédit à la consommation (il-Liġi dwar il-Kreditu fuq il-Konsum) u mid-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni relatati (8). Id-Direttiva 2008/48 ġiet ittrasposta permezz ta’ emenda ta’ din il-liġi (9). Il-Liġi tad‑19 ta’ April 2014 (Moniteur belge tat‑28 ta’ Mejju 2014, p. 41686; il-verżjoni bil-Ġermaniż ippubblikata fil-Moniteur belge tal‑10 ta’ Jannar 2017) finalment ħassret il-Liġi dwar il-Kreditu fuq il-Konsum u daħħlet id-dispożizzjonijiet fil-Code de droit économique (il-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku) b’effett mill‑1 ta’ April 2015.

9.        L-Artikolu 10 tal-Liġi dwar il-Kreditu fuq il-Konsum kien jagħmel riferiment, fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur, għall-“informazzjoni preċiża u kompleta [li għandha tintalab lill-konsumaturi] li [l-kreditur jew l-intermedjarju tal-kreditu] iqisha bħala neċessarja biex jiġu evalwati s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom u l-possibbiltajiet ta’ rimbors u, fi kwalunkwe każ, l-obbligi finanzjarji attwali tagħhom” (10).

10.      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tal-Liġi dwar il-Kreditu fuq il-Konsum, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti tal-kawża (11) kien jistipula:

“Il-kredituri u, jekk ikun il-każ, l-intermedjarji tal-kreditu għandhom jagħtu lill-konsumatur spjegazzjonijiet adegwati, b’tali mod li dan ikun jista’ jevalwa jekk il-kuntratt ta’ kreditu ppropost huwiex adattat għall-bżonnijiet tiegħu u għas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, possibbilment b’deskrizzjoni tal-informazzjoni prekuntrattwali li għandha tingħata f’konformità mal-paragrafu 1, il-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti pproposti u l-effetti speċifiċi li jista’ jkollhom fuq il-konsumatur, inklużi l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ ħlas”.

11.      L-Artikolu 15(1) u (2) tal-Liġi dwar il-Kreditu fuq il-Konsum fil-verżjoni applikabbli għall-fatti tal-kawża (12) kienu jipprovdu dan li ġej:

“1.      Il-kreditur u l-intermedjarju tal-kreditu għandhom l-obbligu li jfittxu, fil-kuntest tal-kuntratti ta’ kreditu li huma normalment joffru jew li fihom normalment jintervjenu, it-tip u l-ammont tal-kreditu l-iktar adattati, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-konsumatur fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt u tal-għan tal-kreditu.

2.      Il-kreditur jista’ jikkonkludi kuntratt ta’ kreditu biss jekk jista’ jiġi meqjus b’mod raġonevoli li l-konsumatur ser ikun f’pożizzjoni li josserva l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ kreditu fid-dawl tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu jew li għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, inter alia fuq il-bażi tal-konsultazzjoni prevista mill-Artikolu 9 tal-Loi du 10 août 2001 relative à la Centrale des crédits aux particuliers (il-Liġi tal‑10 ta’ Awwissu 2011 dwar l-Uffiċċju Ċentrali tal-Krediti għall-Individwi), kif ukoll fid-dawl tat-tagħrif imsemmi fl-Artikolu 10”.

12.      L-Artikolu 19(1) u (2) tal-Liġi dwar il-Kreditu għall-konsum (13) kien jistipula dan li ġej:

“1.      Fil-każ li l-oġġett jew is-servizz iffinanzjat jissemma fil-kuntratt ta’ kreditu jew il-kreditur iħallas l-ammont tal-kuntratt ta’ kreditu direttament lill-bejjiegħ jew lill-fornitur tas-servizzi, l-obbligi tal-konsumatur għandhom effett biss mill-mument tal-għoti tal-oġġett jew tal-provvista ta’ servizz; fil-każ ta’ bejgħ jew servizz li jinvolvi eżekuzzjoni kontinwa, l-obbligi tal-konsumatur għandhom effett mal-bidu tal-għoti tal-oġġett jew tal-provvista tas-servizz u jieqfu mal-waqfien ta’ dan l-għoti jew ta’ din il-provvista, sakemm il-konsumatur stess ma jirċevix l-ammont tal-kreditu u l-kreditur ma jagħrafx l-identità tal-bejjiegħ jew tal-fornitur tas-servizzi.

2.      L-ammont tal-kreditu jista’ jiġi biss ittrasferit għand il-bejjiegħ jew għand il-fornitur tas-servizzi wara li l-kreditur ikun ġie informat bl-għoti tal-oġġett jew bil-provvista tas-servizz”.

III. Il-fatti u l-kawża prinċipali

13.      F’kuntratt li ġie konkluż ma’ Michel Schyns fit‑8 ta’ Mejju 2012, SPRL HOME VISION (iktar ’il quddiem “Home Vision”) ikkommettiet ruħha li tinstalla impjant fotovoltajku għall-prezz ta’ EUR 40 002 (14). Barra minn hekk, Home Vision ikkommettiet ruħha li tirrimborsa l-ħlasijiet fix-xahar tas-self ta’ EUR 622.41 inkambju tat-trasferiment taċ-ċertifikati ħodor maħruġa għall-impjant għal perijodu ta’ 10 snin. Fit-talba għal deċiżjoni preliminari ma ġewx ipprovduti iżjed dettalji dwar dan is-self.

14.      Il-prezz miftiehem ġie ffatturat fl‑10 ta’ Mejju 2012. Fit‑22 ta’ Mejju 2012 S.A. DEXIA BANQUE BELGIQUE, il-predeċessur legali ta’ BELFIUS BANQUE (iktar ’il quddiem “Belfius Banque”), silef lil M. Schyns l-ammont ta’ EUR 40 002, taħt id-denominazzjoni ta’ “Eco-Crédit Habitation”, b’tul ta’ 120 xahar, rimborsabbli bi ħlasijiet fix-xahar ta’ EUR 427.72. L-ammont tas-self ingħata lil M. Schyns, li min-naħa tiegħu ttrasferixxieh lil Home Vision.

15.      Madankollu, l-impjant fotovoltajku suġġett tal-ftehim qatt ma ġie installat, u għalhekk il-finanzjament stabbilit fil-kuntratt tat‑8 ta’ Mejju 2012 ma sarx. Fil‑5 ta’ Diċembru 2013, Home Vision ġiet iddikjarata falluta.

16.      Fil‑21 ta’ Diċembru 2016 M. Schyns, wara li ħallas għal iktar minn erba’ snin il-ħlasijiet fix-xahar previsti mill-kuntratt ta’ finanzjament tat‑22 ta’ Mejju 2012, fetaħ kawża kontra l-kreditur, biex jitlob ix-xoljiment tal-kuntratt minħabba Belfius Banque u biex jiġi eżonerat minn kwalunkwe obbligu ta’ rimbors. Fil‑15 ta’ Mejju 2017 huwa talab, minbarra r-rimbors tal-ispejjeż, f’każ li tiġi stabbilita n-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu tat‑22 ta’ Mejju 2012, li jiġi wkoll effettivament eżonerat minn kwalunkwe obbligu ta’ rimbors minn Diċembru 2016. Belfius Banque kkontesta dawn it-talbiet billi ppropona, sussidjarjament, li ssir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

IV.    It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.      Permezz ta’ digriet tat‑22 ta’ Jannar 2018, li wasal fit‑30 ta’ Jannar 2018, il-Justice de Paix du canton de Visé (il-Qorti Konċiljatorja Kantonali ta’ Visé, il-Belġju) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin skont l-Artikolu 267 TFUE:

“1)      a)      Sa fejn l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur, għandu bħala għan li jqiegħed lill-konsumatur f’pożizzjoni li jiddetermina jekk il-kuntratt ta’ kreditu propost huwiex adattat għall-bżonnijiet tiegħu u għas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, dan imur kontra t-test tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 15 tal-Loi sur le crédit à la consommation (Liġi dwar il-Kreditu fuq il-Konsum) (imħassar u attwalment issostitwit bl-Artikolu VII.75 tal-Code de droit économique (il-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku)), inkwantu jipprovdi li l-kredituri u l-intermedjarji ta’ kreditu għandhom l-obbligu li jfittxu, fil-kuntest tal-kuntratti ta’ kreditu li huma normalment joffru jew li fihom normalment jintervjenu, it-tip u l-ammont tal-kreditu li l-aħjar huwa adattat, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-konsumatur fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt u tal-għan tal-kreditu, sa fejn dan tal-aħħar jistabbilixxi obbligu ġenerali għall-kreditur jew l-intermedjarju ta’ kreditu li jfittex l-iktar kreditu adattat għall-konsumatur li ma huwiex inkluż fit-test tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq?

b)      Sa fejn l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur, għandu bħala għan li jqiegħed lill-konsumatur f’pożizzjoni li jiddetermina jekk il-kuntratt ta’ kreditu propost huwiex adattat għall-bżonnijiet tiegħu u għas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, dan imur kontra t-test tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 15 tal-Loi sur le crédit à la consommation (imħassar u attwalment issostitwit bis-subparagrafu 1 tal-Artikolu VII.77§ 2 tal-Code de droit économique (il-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku)), inkwantu l-kreditur jista’ jikkonkludi kuntratt ta’ kreditu biss jekk, fid-dawl tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu jew li għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-konsultazzjoni organizzata mill-Artikolu 9 tal-Loi du 10 août 2001 relative à la Centrale des crédits aux particuliers (il-Liġi tal‑10 ta’ Awwissu 2001 dwar l-Uffiċċju Ċentrali tal-Krediti għall-Individwi), u fuq il-bażi tat-tagħrif imsemmi fl-Artikolu 10, huwa għandu jqis b’mod raġonevoli li l-konsumatur ikun f’pożizzjoni li josserva l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt, sa fejn dan ikollu bħala konsegwenza li l-kreditur innifsu għandu jiddeċiedi dwar l-opportunità tal-konklużjoni eventwali tal-kreditu minflok il-konsumatur?

2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur, għandha tiġi interpretata fis-sens li timponi dejjem lill-kreditur u lill-intermedjarju ta’ kreditu li jevalwaw minflok il-konsumatur l-opportunità tal-konklużjoni eventwali tal-kuntratt ta’ kreditu?”

18.      Fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Belfius Banque, bħala l-konvenuta fil-kawża prinċipali, ir-Renju tal-Belġju u l-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet kienu preżenti fis-seduta li nżammet fit‑28 ta’ Novembru 2018.

V.      L-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

19.      Il-motivazzjoni qasira ħafna tat-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem dubji dwar l-ammissibbiltà tagħha fid-dawl tal-kundizzjonijiet sostanzjali previsti mill-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

20.      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli meta din ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (15). In-neċessità li wieħed jasal għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tal-aħħar tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi li hija tagħmel jew li, mill-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi (16).

21.      Bl-istess mod, fuq il-bażi ta’ ġurisprudenza stabbilita, l-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjonijiet tar-rinviju sservi mhux biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tagħti l-possibbiltà lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati oħra li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li din il-possibbiltà tiġi protetta, fid-dawl tal-fatt li skont dan l-artikolu, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati, flimkien ma’ traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali ta’ kull Stat Membru, bl-esklużjoni tal-fajl nazzjonali li jista’ jiġi trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju (17).

22.      Madankollu, fil-kawża ineżami għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju llimitat ruħha għal deskrizzjoni qasira tal-fatti (18), billi ċċitat ftit mir-regoli tad-dritt nazzjonali. Id-deċiżjoni tar-rinviju tirriproduċi biss l-ewwel żewġ paragrafi tal-Artikolu 15 u – bħala estratt – l-Artikolu 10 tal-Liġi dwar il-Kreditu fuq il-Konsum. Effettivament huma l-obbligi tal-kreditur li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet li qegħdin iqajmu d-dubji tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48.

23.      F’dan il-kuntest ma ġiex ippreċiżat li l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48 ġie ttraspost kelma b’kelma fid-dritt Belġjan, u b’mod preċiż, skont kif stabbilixxa l-Gvern Belġjan fl-Artikolu 11(4) tal-Liġi dwar il-Kreditu fuq il-Konsum. Ir-regoli nazzjonali dwar il-kuntratti ta’ kreditu konnessi, bħall-Artikolu 19 ta’ din il-liġi, ma ġewx iċċitati, anki jekk dawn jikkostitwixxu l-bażi tad-domanda prinċipali tar-rikorrent fil-kawża prinċipali. Lanqas ma ssemmew il-konsegwenzi legali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-każ ta’ ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 15(1) u (2) (19). Madankollu, tonqos il-possibbiltà li wieħed jifhem ir-rabta bejn ksur possibbli tal-obbligi min-naħa tal-kreditur u t-talbiet tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

24.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed jista’ jistaqsi jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni meħtieġa dwar il-fatti u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għalihom sabiex tagħti risposta b’mod utli għad-domandi preliminari li jkunu sarulha.

25.      Huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, tapplika preżunzjoni ta’ rilevanza (20). Barra minn hekk, fil-kawża ineżami, il-Gvern Belġjan seta’ jikkompleta fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu l-espożizzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

26.      Minkejja dan, jibqa’ l-fatt li l-espożizzjoni inkompleta tar-regoli nazzjonali u l-konstatazzjonijiet qosra dwar il-fatti llimitaw għalxejn il-possibbiltà li l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jagħti lill-Istati Membri biex jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. F’dan ir-rigward, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni kif l-informazzjoni nieqsa tista’ tiġi kompluta mir-riċerka mwettqa indipendentement mill-partijiet jew mill-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li l-inkompletezza tal-informazzjoni dwar il-fatti u dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għalihom tagħmilha iktar diffiċli b’mod kunsiderevoli għall-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti risposta b’mod utli għad-domandi preliminari.

27.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet inqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari fl-istruttura tagħha ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

VI.    L-evalwazzjoni tal-mertu tad-domandi preliminari

28.      Qabel ma neżamina, sussidjarjament, id-domandi preliminari, il-kunsiderazzjonijiet ifformulati mill-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijet bil-miktub tiegħu dwar il-kunċett ta’ “kuntratt ta’ kreditu konness” jagħtu l-opportunità, fl-ewwel lok, li tiġi eżaminata l-proposta ta’ dan l-Istat Membru li l-eżami tad-domandi preliminari jiġi estiż għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-direttiva.

A.      Fuq il-proposta tal-Gvern Belġjan biex fl-evalwazzjoni jiġu inklużi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar ftehim ta’ kreditu konness

29.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, ir-rikorrent ibbaża d-domanda prinċipali tiegħu fuq il-fatt li t-trasferiment tal-ammont tas-self seħħ qabel ma ngħatat l-informazzjoni dwar il-provvista tas-servizz miftiehem – u għalhekk bi ksur tad-dispożizzjoni tal-protezzjoni msemmija fl-Artikolu 19 tal-Liġi dwar il-Kreditu fuq il-Konsum. Din ir-regola nazzjonali, li ma ġietx riprodotta fit-talba għal deċiżjoni preliminari (21), tapplika għal kuntratti ta’ kreditu konnessi u għandha l-għan, b’mod partikolari, li tiżgura li l-obbligi tal-konsumatur li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ kreditu jibda jkollhom effett biss mill-mument tal-għoti tal-oġġett jew tal-provvista tas-servizz iffinanzjat. Din id-dispożizzjoni timplimenta għalhekk ir-rekwiżiti tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 87/102 li issa huwa l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/48.

30.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li d-dispożizzjoni tal-protezzjoni msemmija fl-Artikolu 19 tal-Liġi dwar il-Kreditu fuq il-Konsum ma hijiex applikabbli. Għalkemm il-kuntratt konkluż mill-konsumatur ma’ Home Vision huwa strettament marbut mal-kuntratt ta’ kreditu, madankollu l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni ma humiex issodisfatti sa fejn, minn naħa, il-kuntratt ta’ kreditu ma jsemmix l-oġġett jew is-servizz li għandu jiġi ffinanzjat u, min-naħa l-oħra, il-ħlas tal-ammont tal-kreditu ma sarx direttament mill-kreditur lill-bejjiegħ jew lill-fornitur tas-servizzi.

31.      F’dan ir-rigward, il-Gvern Belġjan ġustament jenfasizza li, fil-każ ta’ kuntratti ta’ kreditu konnessi, l-obbligu tal-kreditur li jindika l-operazzjoni ffinanzjata fil-kuntratt ta’ kreditu jirriżulta mill-Artikolu 10(e) tad-Direttiva 2008/48 u, b’mod partikolari, jiddetermina l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni msemmija fl-Artikolu 15 tal-istess direttiva (22). Madankollu, l-interpretazzjoni impliċita tal-obbligu msemmi iktar ’il fuq mogħtija mill-qorti nazzjonali ċċaħħad lill-konsumatur ikkonċernat mill-imsemmija protezzjoni, sa fejn din tħalli r-riferiment għall-operazzjoni ffinanzjata, finalment, fid-diskrezzjoni tal-kreditur (23). Mill-inqas jidher li hemm dubju dwar jekk, fid-dawl tal-obbligu tal-qorti nazzjonali li tagħti interpretazzjoni konformi mad-direttiva (24), dan ir-riżultat huwiex kompatibbli mal-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2008/48.

32.      F’dan il-kuntest, il-Gvern Belġjan qiegħed jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex teżamina l-obbligu tal-kreditur, li jirriżulta mill-Artikolu 10(e) tad-Direttiva 2008/48, li jispeċifika l-operazzjoni ffinanzjata għall-finijiet ta’ ċarezza tal-portata f’każijiet bħal dak ikkonċernat fil-kawża prinċipali.

33.      Fil-fatt, tirriżulta domanda ta’ interpretazzjoni miċ-ċirkustanza li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48 dwar l-hekk imsejħa “kuntratti ta’ kreditu konnessi” huma kkaratterizzati minn serje ta’ rinviji reċiproċi li tista’ titqies li ma rnexxietx: filwaqt li l-Artikolu 3(n) tad-Direttiva 2008/48 jiddefinixxi l-kuntratti ta’ kreditu konnessi bħala, inter alia, dawk li fihom identifikazzjoni espliċita ta’ merkanzija speċifika jew ta’ provvista ta’ servizz speċifiku, l-Artikolu 10(e) jistabbilixxi li l-obbligu introdott minn din id-dispożizzjoni li jiġu identifikati l-merkanzija jew is-servizz (iffinanzjati) japplika (biss) fil-każ ta’ kuntratti ta’ kreditu konnessi.

34.      Madankollu, il-kawża ineżami ma tantx tista’ twassal biex tingħeleb id-diffikultà interpretattiva evidenti li tirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti li ressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari, tista’ tkun meħtieġa tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li ma sarx riferiment għalihom fid-domandi preliminari tagħha (25). Madankollu, f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li ma tqisitx rilevanti l-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti ta’ kreditu konnessi. Fil-qasam tat-tqassim tal-kompiti bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, jeħtieġ li tiġi segwita din il-konstatazzjoni, sa fejn, fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tippreċiża d-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti applikabbli għall-kawża prinċipali (26). Anki kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi biex tirrispondi b’mod utli għal din id-domanda ta’ interpretazzjoni, ir-risposta tagħha kien ikollha, fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati, fi kwalunkwe każ natura ipotetika. Estensjoni tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari għal din id-domanda, li fuqha l-partijiet ikkonċernati l-oħra, madankollu, ma ppreżentawx osservazzjonijiet, ma tistax għalhekk tintlaqa’.

B.      Fuq il-punt (a) tal-ewwel domanda preliminari

35.      Il-punt (a) tal-ewwel domanda preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-għan tal-obbligu prekuntrattwali, li jingħataw spjegazzjonijiet previst fih, jikkonsistix fl-iżgurar li l-konsumatur jista’ “jivvaluta jekk il-ftehim ta’ kreditu propost hux adattat għall-ħtiġijiet tiegħu u għas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu”, jipprekludix l-amministrazzjoni nazzjonali ta’ dan l-obbligu, li skontu l-kreditur u, jekk ikun il-każ, l-intermedjarju tal-kreditu għandhom l-obbligu li jfittxu, fil-kuntest tal-kuntratti ta’ kreditu li huma normalment joffru jew li fihom normalment jintervjenu, it-tip u l-ammont tal-kreditu l-iktar adattati, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-konsumatur fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt u tal-għan tal-kreditu. Għalhekk jista’ jitqajjem dubju dwar jekk u sa fejn l-obbligu li tiġi deskritta l-informazzjoni prekuntrattwali li għandha tingħata konformement mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/48, preskritt mill-paragrafu 6 sussegwenti, jista’ jiġi estiż, konformement mar-regoli nazzjonali, sakemm jinkludi konsulenza personalizzata mogħtija lill-konsumatur min-naħa tal-kreditur, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-konsumatur u tal-għan speċifiku tal-kreditu.

36.      Din id-domanda ser tiġi eżaminata iktar ’il quddiem fid-dawl tar-ratio legis tad-dispożizzjoni rispettiva tad-direttiva, tal-ġenesi tagħha kif ukoll tal-kunsiderazzjonijiet ulterjuri dwar l-armonizzazzjoni mfittxija.

1.      Fuq l-għan tal-obbligu li jingħataw spjegazzjonijiet imsemmi fl-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48

37.      Fuq il-bażi tal-kontenut letterali, l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48 jipprevedi l-obbligu li jingħataw spjegazzjonijiet dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta konformement mal-paragrafu 1 tal-istess artikolu, kif ukoll il-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti proposti u l-konsegwenzi relatati, b’mod partikolari fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas. Dawn l-ispjegazzjonijiet, li jaqgħu kemm taħt ir-responsabbiltà tal-kreditur kif ukoll tal-intermedjarju tal-kreditu, għandhom l-għan li jippermettu li l-konsumatur ikun f’pożizzjoni “li jivvaluta jekk il-ftehim ta’ kreditu propost hux adattat għall-ħtiġijiet tiegħu u għas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu”.

38.      Din il-formulazzjoni tissuġġerixxi qabel kollox li, bħala prinċipju, huwa l-obbligu tal-konsumatur li jevalwa liema kuntratt huwa adattat għall-bżonnijiet tiegħu u għas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu. F’konformità ma’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet li huwa l-konsumatur li għandu jiddeċiedi, fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija, jekk jixtieqx ikun marbut bil-kundizzjonijiet imniżżla minn qabel mill-bejjiegħ jew mill-fornitur (27). Din il-konklużjoni hija kkonfermata wkoll mir-riferiment għall-“offerti differenti” u għad-“deċiżjoni informata” tal-konsumatur fir-rigward tal-konklużjoni tal-kuntratt li jinsab fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/48.

39.      Madankollu, fl-istess ħin, ma jistax jiġi rrikonoxxut li huma biss it-trażmissjoni tal-informazzjoni prekuntrattwali u l-ispjegazzjonijiet relatati fir-rigward tal-prodotti li jikkorrispondu għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-konsumatur u għall-għan speċifiku tal-kreditu li jistgħu jikkostitwixxu informazzjoni utli u effikaċi għall-konsumatur. F’dan is-sens, fil-kawża CA Consumer Finance (28), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “fin-nuqqas ta’ informazzjoni [minkejja l-informazzjoni] prekuntrattwali li għandha tiġi pprovduta skont l-Artikolu 5(1) [tad-]direttiva, il-konsumatur jista’, qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt ta’ kreditu, ikollu bżonn għajnuna addizzjonali sabiex jistabbilixxi liema huwa l-kuntratt ta’ kreditu li huwa l-iktar adattat għall-ħtiġijiet tiegħu u għas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu”.

40.      F’dan ir-rigward, il-Gvern Belġjan ġustament jenfasizza li l-għoti ta’ konsulenza personalizzata lill-konsumatur, bħal dik prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, ma tippreġudikax il-libertà tal-għażla tal-konsumatur u, fi kwalunkwe każ, ma teżonerahx mir-responsabbiltà li jipproteġi l-interessi tiegħu. B’mod speċifiku, dan jista’ ma jsegwix il-parir tal-kreditur jew tal-intermedjarju tal-kreditu. Dan huwa wkoll liberu li jagħżel, jekk ikun il-każ, il-prodott ta’ fornitur ieħor.

41.      L-obbligu tal-kreditur ikkonċernat, li jirriżulta mill-Artikolu 15(1) tal-Liġi dwar il-Kreditu fuq il-Konsum, huwa għalhekk bla dubju xieraq biex jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2008/48, li huwa li “tiżgura li l-konsumaturi […] igawdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ l-interessi” (29). Fil-fatt, dan l-obbligu jiżgura li l-konsumatur ikun jista’ jagħżel bejn it-tipi ta’ kreditu u l-ammonti tagħhom li huma l-iktar adattati għas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu. Din l-evalwazzjoni hija riflessa wkoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li skontha l-għan tal-obbligu li jingħataw spjegazzjonijiet xierqa huwa li jippermetti li l-konsumatur jidħol b’konsapevolezza sħiħa għal xi tip ta’ kuntratt ta’ self (30).

42.      Madankollu, għandu jiġi nnotat li d-Direttiva 2008/48, l-istess bħal serje ta’ strumenti oħra tad-dritt sekondarju preċedentement adottati għall-ikkompletar tas-suq intern, bħas-sistema ta’ qabel introdotta mid-Direttiva 87/102, hija bbażata fuq l-idea li l-miżuri intiżi biex jippromwovu l-informazzjoni tal-konsumaturi ma humiex maħsuba esklużivament għall-protezzjoni tal-konsumaturi.

43.      Id-Direttiva 2008/48 kienet tibbaża, pereżempju, fuq l-Artikolu 95 KE (issa l-Artikolu 114 TFUE) moqri flimkien mal-Artikolu 251 KE. Dan juri li d-Direttiva 2008/48 għandha l-iskop li tirrikonċilja l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mar-rekwiżiti ta’ suq intern li jaħdem permezz tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar is-setturi li ġew ittrattati speċifikament fiha. Skont il-leġiżlatur tal-Unjoni, il-kompetizzjoni għandha tiġi msaħħa billi lill-konsumaturi informati tiġi offruta l-possibbiltà tal-għażla bejn l-offerti differenti tal-prodotti (31).

44.      Anki jekk il-konsulenza personalizzata mogħtija lill-konsumatur lil hinn mill-ispjegazzjonijiet dwar l-informazzjoni prekuntrattwali ma tidhirx li tippreġudika dan l-għan, paragun ma’ strumenti oħra tad-dritt sekondarju li jirregolaw id-distribuzzjoni tas-servizzi finanzjarji juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni jiddistingwi bejn it-trażmissjoni ta’ informazzjoni prekuntrattwali u l-ispjegazzjoni tagħha, minn naħa, u l-konsulenza personalizzata min-naħa l-oħra. Id-Direttiva 2014/17/UE (32), pereżempju, tipprevedi wkoll informazzjoni u prattiki preliminari għall-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu, iżda tagħmel distinzjoni iktar iddefinita bejn id-destinatarji tal-obbligu (33) u tistabbilixxi f’artikolu ad hoc, obbligu li jingħataw spjegazzjonijiet analogu għal dak tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48. Is-servizzi ta’ konsulenza huma min-naħa l-oħra s-suġġett ta’ dispożizzjoni speċifika (34). F’settur ieħor tal-attivitajiet, il-“konsulenza dwar investimenti” hija msemmija bħala attività rregolata mill-portata tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-investituri tal-hekk imsejħa Direttiva MiFID II (35). Approċċ analogu huwa fuq il-bażi tal-hekk imsejħa Direttiva IDD (36), li tqis il-konsulenza fl-istess livell ta’ attività rregolata tad-distributur tal-prodotti tal-assigurazzjoni (37). Dan jidher xieraq sa fejn l-obbligu tal-għoti ta’ konsulenza personalizzata lill-konsumatur, lill-investitur jew lill-assigurat jiġi marbut mal-istatus partikolari tad-destinatarji tal-obbligu. L-obbligu li jingħataw spjegazzjonijiet imsemmi fl-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48, min-naħa l-oħra, huwa impost bl-istess mod fuq kredituri u intermedjarji tal-kreditu.

45.      Bħala konklużjoni intermedja, jeħtieġ għalhekk li jiġi kkonstatat li l-obbligu tal-għoti lill-konsumatur ta’ konsulenza personalizzata, bħal dak inkwistjoni, jikkontribwixxi għall-informazzjoni prekuntrattwali tal-konsumatur mingħajr ma jċaħħdu mill-possibbiltà li jagħżel bejn prodotti differenti ta’ kreditu, u għalhekk dan ma jmurx kontra l-għan essenzjali tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48.

2.      Fuq il-ġenesi tal-obbligu li jingħataw spjegazzjonijiet skont l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48

46.      Il-ġenesi tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48 tenfasizza l-prossimità bejn l-obbligu ta’ konsulenza u obbligi oħra prekuntrattwali ta’ informazzjoni u li jingħataw spjegazzjonijiet.

47.      Fl-ewwel proposta għal direttiva (38), pereżempju, l-Artikolu 6 intitolat “Informazzjoni reċiproka u minn qabel u obbligu ta’ konsulenza” kien jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-“kreditur u, jekk ikun il-każ, l-intermedjarju tal-kreditu għandhom ifittxu, fil-kuntratti ta’ kreditu li dawn normalment joffru jew jintervjenu fihom, it-tip u l-ammont totali tal-kreditu l-iktar adattati, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-konsumatur, tal-vantaġġi u tal-iżvantaġġi marbuta mal-prodott propost u mal-għan tal-kreditu” [traduzzjonijiet mhux uffiċjali].

48.      Huwa biss fil-proposta mmodifikata għal direttiva tal‑2005 (39) li fiha ma kienx hemm iktar tali formulazzjoni – u għalhekk, finalment, lanqas l-obbligu tal-kreditur jew tal-intermedjarju tal-kreditu li jagħtu konsulenza, indikat bħala tali. Il-verżjoni attwali tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48 tikkorrispondi essenzjalment għall-formulazzjoni tal-Artikolu 5(6), tal-proposta mmodifikata, li tissostitwixxi l-Artikolu 6(3) tal-proposta oriġinali.

49.      Il-Kummissjoni spjegat din l-emenda kif ġej: “Il-kunċett ta’ dmir li jingħataw pariri ġie mmodifikat ukoll. Bil-kontra ta’ xi talbiet mill-industrija bankarja, il-Kummissjoni tisħaq li l-kunċett li kreditur m’għandux sempliċement jissodisfa r-rekwiżiti ta’ informazzjoni pre-kontrattwali, iżda għandu jipprovdi spjegazzjonijiet addizzjonali sabiex jippermetti lill-konsumatur li jagħmel deċiżjoni infurmata tajjeb. Madankollu, b’reazzjoni għal talba mis-settur bankarju u xi Stati Membri, ġie ċċarat li l-konsumatur huwa dejjem responsabbli għad-deċiżjoni finali tiegħu li jikkonkludi ftehim ta’ kreditu. Għalhekk, ir-referenza għal pariri hi speċifikata bħala dmir li tpoġġi lill-konsumatur f’pożizzjoni li jevalwa l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tas-self. Barra minn hekk, l-Istati Membri ngħataw iktar flessibbiltà li jadattaw il-liġi ta’ l-implimentazzjoni tagħhom skond is-sitwazzjoni fi swieqhom” (40).

50.      Minn din il-ġenesi tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48 jirriżulta għalhekk li l-obbligu li jingħataw spjegazzjonijiet issa previst mid-dispożizzjoni għandu jinftiehem bħala emenda tal-obbligu ta’ konsulenza tal-kreditur jew tal-intermedjarju tal-kreditu.

51.      Huwa għalhekk neċessarju li jiġu eżaminati l-konklużjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn din il-konstatazzjoni fid-dawl tal-armonizzazzjoni tad-Direttiva 2008/48.

3.      Fuq l-armonizzazzjoni prevista

52.      Fis-sentenza SC Volksbank România (41), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li mill-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48, interpretat fid-dawl tal-premessi 9 u 10, jirriżulta li din id-direttiva tipprovdi armonizzazzjoni sħiħa tal-kuntratti ta’ kreditu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Barra minn hekk, b’riferiment għat-titolu tal-Artikolu 22, il-Qorti tal-Ġustizzja tafferma li din l-armonizzazzjoni hija imperattiva. Dan ifisser li, fir-rigward tas-setturi li jaqgħu speċifikament f’din l-armonizzazzjoni (42), l-Istati Membri ma humiex awtorizzati li jżommu jew jintroduċu regoli nazzjonali mhux konformi ma’ dawk li hemm fid-direttiva.

53.      B’konsegwenza ta’ dan, peress li fil-kawża prinċipali ma ġiex ikkontestat il-fatt li l-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48, l-evalwazzjoni ta’ obbligu bħal dak ikkonċernat jiddependi, fl-ewwel lok, mill-miżura li fiha l-obbligu impost fuq il-kreditur jew l-intermedjarju tal-kreditu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jkun attribwibbli jew le lil settur li jidħol speċifikament fl-armonizzazzjoni mfittxija mid-Direttiva 2008/48.

54.      F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-kontenut legali tad-Direttiva 2008/48. Il-paragun ma’ direttivi oħra li bl-istess mod għandhom bħala għan armonizzazzjoni sħiħa fis-setturi li dawn jittrattaw (43) ma jippermettix li jiġu identifikati s-setturi kkonċernati mill-armonizzazzjoni prevista minn direttiva partikolari (44). Madankollu, l-estensjoni tal-marġni ta’ manuvra għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri fis-setturi li jidħlu speċifikament fl-armonizzazzjoni – permezz tal-użu ta’ għażliet u klawżoli ta’ flessibbiltà jew ta’ klawżoli speċjali ta’ awtorizzazzjoni bħal dik tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48 (45) – tiddependi qabel kollox minn dik id-direttiva. F’dan ir-rigward, jeħtieġ ukoll li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li tali marġnijiet ta’ manuvra, li jqisu, finalment, il-limiti tal-kompetenza leġiżlattiva tal-Unjoni skont l-Artikolu 114 TFUE, huma akkumpanjati minn frammentazzjoni ġuridika persistenti li, madankollu, tmur effettivament kontra l-għan tad-direttiva inkwistjoni (46).

55.      Dawn il-marġnijiet ta’ manuvra jinbidlu anki fid-diversi setturi li jidħlu fl-għan tal-armonizzazzjoni li għandu jintlaħaq minn kull direttiva. F’dan ir-rigward hija determinanti, każ b’każ, id-dispożizzjoni tad-direttiva.

56.      Fuq il-bażi tal-kontenut letterali tiegħu, l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48 jipprevedi “obbligu li jingħataw spjegazzjonijiet” dwar l-informazzjoni prekuntrattwali prevista mill-istess artikolu. Ir-regola nazzjonali inkwistjoni tintegra l-obbligu li jingħataw spjegazzjonijiet previst mill-Artikolu 11(4) tal-Liġi dwar il-Kreditu fuq il-Konsum, li jimplimenta l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48, ma’ obbligu tal-kreditur li huwa kważi identiku għall-obbligu ta’ konsulenza msemmi fl-Artikolu 6(3) tal-proposta oriġinali għal direttiva. Madankollu, mill-ġenesi tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48 jista’ jiġi dedott (47) li l-leġiżlatur tal-Unjoni b’mod deliberat astjena milli jintroduċi tali obbligu, filwaqt li min-naħa l-oħra stabbilixxa obbligu li jingħataw spjegazzjonijiet. Fi kwalunkwe każ, huwa għalhekk evidenti li r-regola nazzjonali inkwistjoni tidħol f’settur ittrattat speċifikament mill-armonizzazzjoni mfittxija mid-Direttiva 2008/48.

57.      Għalhekk għad irid jiġi ċċarat jekk ir-regola nazzjonali inkwistjoni hijiex suġġetta għall-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48. Għaldaqstant huwa determinanti li jsir magħruf sa liema punt din ir-regola fiha dispożizzjonijiet diverġenti tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48.

58.      Huwa veru li r-regola nazzjonali inkwistjoni tipprevedi għall-kreditur obbligu ieħor ma’ dak tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48. Madankollu, it-tieni sentenza tad-dispożizzjoni tad-direttiva, minkejja li żżomm l-approċċ fundamentali tal-armonizzazzjoni sħiħa, tħalli għall-Istati Membri ċertu marġni ta’ manuvra (48), filwaqt li tippermettilhom b’mod espliċitu li jadattaw “il-mod li bih u sa fejn trid tingħata tali assistenza, kif ukoll minn għandu jipprovdi tali assistenza, għaċ-cirkostanzi partikolari tas-sitwazzjoni li fiha jiġi offrut il-ftehim ta’ kreditu, il-persuna li lilha qed jiġi offrut u t-tip ta’ kreditu offrut”.

59.      Fit-twettiq tal-obbligu inkwistjoni li jirriżulta mill-Artikolu 15(1) tal-Liġi dwar il-Kreditu fuq il-Konsum, il-kreditur, konformement mal-kontenut letterali tar-regola, għandu jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja tal-konsumatur u tal-għan tal-kreditu. L-obbligu tal-kreditur għalhekk iqis debitament iċ-ċirkustanzi partikolari tas-suġġett li lilu jiġi offrut kuntratt ta’ kreditu u tan-natura tal-kreditu offrut. Madankollu, kif ġie preċedentement osservat (49), dan l-obbligu huwa impost bl-istess mod fuq il-kredituri u l-intermedjarji tal-kreditu, anki jekk il-livell tal-konsulenza li l-imsemmija operaturi differenti jistgħu joffru għandu jkun differenti minħabba l-pożizzjonijiet differenti tagħhom. Għalhekk, l-obbligu inkwistjoni kif ġie mfassal mil-leġiżlatur nazzjonali huwa nieqes minn kwalunkwe differenzazzjoni skont id-destinatarju. Madankollu, dan huwa irrilevanti peress li t-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48 tagħti lill-Istati Membri marġni ta’ manuvra mingħajr ma tobbligahom jużawh.

60.      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li l-premessa 26 tistabbilixxi li “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jippromwovu prattiki responsabbli matul il-fażijiet kollha tar-relazzjoni ta’ kreditu b’kont meħud tal-karatteristiċi speċifiċi tas-suq ta’ kreditu tagħhom” (50). L-obbligu inkwistjoni impost fuq il-kreditur skont l-Artikolu 15(1) tal-Liġi dwar il-Kreditu fuq il-Konsum jikkostitwixxi mingħajr dubju miżura nazzjonali ta’ dan it-tip intiża biex tippromwovi prattiki responsabbli fil-fażijiet kollha tar-rabta tal-kreditu.

61.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48 ma jipprekludix regola nazzjonali, bħal dik tal-Artikolu 15(1) tal-Liġi dwar il-Kreditu fuq il-Konsum li tipprevedi li l-kreditur u l-intermedjarju tal-kreditu għandhom l-obbligu li jfittxu, fil-kuntest tal-kuntratti ta’ kreditu li huma normalment joffru jew li fihom normalment jintervjenu, it-tip u l-ammont tal-kreditu l-iktar adattati, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-konsumatur fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt u tal-għan tal-kreditu.

C.      Fuq il-punt (b) tal-ewwel domanda

62.      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48, li skontha huwa l-konsumatur li għandu jevalwa liema huwa l-iktar kuntratt adattat għall-bżonnijiet tiegħu u għas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, tipprekludix regola nazzjonali, bħall-Artikolu 15(2) tal-Liġi Belġjana dwar il-Kreditu fuq il-Konsum, li tistabbilixxi li l-kreditur għandu jastjeni milli jikkonkludi kuntratt f’każ li, fuq il-bażi tal-informazzjoni li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu jew li għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, jeżistu dubji raġonevoli dwar is-solvenza futura tal-konsumatur.

63.      Qabel kollox jeħtieġ li jiġi ċċarat f’liema rabta tinsab din id-domanda mal-obbligu ta’ verifika tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48.

1.      Fuq is-suġġett tad-domanda

64.      Il-punt (b) tal-ewwel domanda preliminari jittratta esklużivament l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48, iżda għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-kontenut letterali u mill-kuntest ġuridiku (51), din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-obbligi prekuntrattwali. Fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma jaqgħux, pereżempju, id-domandi dwar il-konklużjoni tal-kuntratt, bħad-domanda fil-każ ineżami, magħmula biex jiġi stabbilit jekk huwiex meħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni informazzjoni possibbli dwar is-solvenza futura tal-konsumatur fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, kif ġie espressament ipprovdut fl-Artikolu 15(2) tal-Liġi dwar il-Kreditu fuq il-Konsum.

65.      Minkejja dan, xorta waħda hija l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li hija adita biha. B’konsegwenza ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-obbligu li tifformula mill-ġdid id-domandi li sarulha u tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (52).

66.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni għamlu riferiment għall-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48 u għall-obbligu previst fih dwar it-twettiq ta’ verifika prekuntrattwali tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur. Il-kwistjoni dwar jekk u sa fejn tali obbligu prekuntrattwali jista’ jkollu effett fuq il-konklużjoni tal-kuntratt għandha għalhekk tiġi eżaminata fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni tad-direttiva.

2.      Fuq il-pożizzjoni sistematika u fuq ir-ratio legis tal-obbligu ta’ verifika tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur

67.      Kif ġustament enfasizzaw il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni, l-obbligu tal-kreditur li jivverifika l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur qabel ma jikkonkludi l-kuntratt ta’ kreditu għandu l-għan li jiżgura li l-kreditu jingħata b’mod responsabbli u ma jingħatax lil konsumaturi insolventi (53).

68.      Madankollu, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48 ma fih l-ebda dispożizzjoni espliċita dwar il-mod ta’ kif għandu jġib ruħu l-kreditur fil-każ li, matul il-verifika tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur, iqumu jew mill-inqas kellhom iqumu dubji raġonevoli dwar il-kapaċità futura tal-konsumatur li jissodisfa b’mod permanenti l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ kreditu propost.

69.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċċarat li, skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu s-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli anki fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward ta’ verifika prekuntrattwali tas-solvenza tal-persuna li tissellef, adottati skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva (54). Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48, is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Madankollu, l-obbligu tal-kreditur ikkonċernat li jastjeni mill-konklużjoni tal-kuntratt fil-każ li jqumu dubji raġonevoli dwar is-solvenza futura tal-konsumatur ma jikkostitwixxix sanzjoni ta’ dan it-tip. Pjuttost, ir-regola nazzjonali inkwistjoni hija marbuta mal-obbligu ta’ verifika tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48.

70.      Fil-fehma tiegħi, l-armonizzazzjoni sħiħa — imfittxija — tad-Direttiva 2008/48 ma tipprekludix, madankollu, tali obbligu tal-kreditur, peress li l-obbligu kkonċernat ma jistax jiġi attribwit lil setturi li jidħlu speċifikament fl-armonizzazzjoni.

71.      L-osservazzjonijiet dwar il-punt (a) tal-ewwel domanda diġà wrew li ma huwiex faċli li tinqata’ linja preċiża li timmarka s-setturi li jidħlu speċifikament fl-armonizzazzjoni u s-setturi l-oħrajn li fihom l-Istati Membri għandhom iżommu l-kompetenza leġiżlattiva tagħhom. Fir-rigward tal-obbligu tal-kreditur ikkonċernat, għandu madankollu jiġi osservat li d-Direttiva 2008/48 ma fiha l-ebda dispożizzjoni koerenti, pereżempju, dwar il-konklużjoni tal-kuntratt. F’dan ir-rigward għandhom jiġu applikati r-regoli nazzjonali.

72.      Huwa ċar li l-mudell ta’ riferiment li ispira d-Direttiva 2008/48 huwa dak ta’ konsumatur adult u informat sew li, fuq il-bażi tal-informazzjoni rċevuta, jekk ikun il-każ, ikkompletata minn spjegazzjonijiet xierqa, huwa kapaċi jiddeċiedi favur jew kontra rabta kuntrattwali (55), bla ħsara għad-dritt tal-kreditur, bħala espressjoni tal-libertà kuntrattwali, li jastjeni eventwalment mill-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu, pereżempju fit-twettiq tal-politika tal-għoti tal-kreditu tiegħu.

73.      Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2008/48, moqri flimkien mal-premessa 29 tal-istess direttiva, iqis ir-rifjut ta’ applikazzjoni għal kreditu bħala kundizzjoni fl-impożizzjoni fuq il-kreditur, f’din l-ipoteżi, ta’ obbligu partikolari li tingħata informazzjoni. Madankollu, id-Direttiva 2008/48 ma fiha l-ebda dispożizzjoni oħra li tirrigwarda l-imsemmi rifjut tal-applikazzjoni għal kreditu.

74.      F’dan il-kuntest, huwa inqas konvinċenti l-argument imressaq minn Belfius Banque, li skontu verifika tal-affidabbiltà finanzjarja b’riżultat negattiv fil-qasam tal-obbligu relatat preskritt mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48 tista’ twassal biss għal twissija lill-konsumatur qabel ma jsir is-self konformement mal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48. Għalkemm id-dispożizzjonijiet tad-direttivi huma intiżi, fil-biċċa l-kbira, biex jiżguraw li l-konsumatur jista’ jieħu deċiżjoni “informata” dwar jekk jikkonkludix jew le kuntratt (56), madankollu, huwa effettivament l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/48 li jiċċara li r-rifjut ta’ applikazzjoni għal kreditu jista’ jiġi bbażat “fuq il-konsultazzjoni ta’ database” imwettqa “għall-valutazzjoni ta’ l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumaturi”.

75.      Għalhekk, finalment, li fadal x’jiġi ċċarat huwa jekk ir-regoli nazzjonali jistgħux, f’ċerti ċirkustanzi, jobbligaw lill-kreditur jirrifjuta l-applikazzjonijiet għal kreditu jew, fi kwalunkwe każ, jastjeni milli jikkonkludi kuntratt.

76.      L-obbligu tal-kreditur li jastjeni mill-konklużjoni tal-kuntratt f’każ li jkun hemm dubji raġonevoli dwar is-solvenza futura tal-konsumatur, bħal dak previst mill-Artikolu 15(2) tal-Liġi dwar il-Kreditu fuq il-Konsum, huwa f’konformità mal-għan tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48 li jikkonsisti fl-iżgurar ta’ protezzjoni effikaċi tal-konsumaturi kontra l-għoti irresponsabbli ta’ krediti li jaqbżu l-possibbiltajiet ekonomiċi tagħhom u li jistgħu jwassluhom għall-insolvenza.

77.      Il-Kummissjoni ma hijiex żbaljata fl-enfasi tagħha li l-obbligu msemmi fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48 ikun inutli f’każ li l-kreditur ikun liberu li jikkonkludi l-kuntratt anki f’każ ta’ verifika b’riżultat negattiv. F’dan ir-rigward, fil-fehma tiegħi, jeħtieġ ukoll li jsir sforz biex tiġi żgurata l-koerenza bejn ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u dawk dwar is-sorveljanza: ġestjoni xierqa tar-riskju ta’ kreditu min-naħa tal-kredituri hija, fil-fatt, wieħed mill-interessi ewlenin tas-sorveljanza (57). L-għoti responsabbli ta’ kreditu huwa kontribut deċiżiv f’dan ir-rigward.

78.      Din l-analiżi hija kkonfermata minn paragun mar-rekwiżiti korrispondenti għall-kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali msemmija fid-Direttiva 2014/17 (58). B’mod partikolari, l-Artikolu 18(5)(a) ta’ din id-direttiva jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li “[l]-kreditur joffri l-kreditu lill-konsumatur biss meta r-riżultat tal-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja jindika li l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ kreditu x’aktarx li jiġu mħarsa skont kif meħtieġ skont dak il-kuntratt”.

79.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-punt (b) tal-ewwel domanda preliminari billi tgħid li la l-Artikolu 5(6) u lanqas l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48 ma jipprekludu regola nazzjonali, bħal dik ikkonċernata, li tipprevedi li l-kreditur jista’ jikkonkludi kuntratt ta’ kreditu biss f’każ fejn, fid-dawl tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu jew li għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, huwa għandu jqis b’mod raġonevoli li l-konsumatur ser ikun f’pożizzjoni li josserva l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ kreditu.

 D.      Fuq it-tieni domanda preliminari

80.      It-tieni domanda preliminari, li ma tagħmel riferiment għall-ebda dispożizzjoni speċifika tad-direttiva, għandha l-għan li tiċċara, fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, sa fejn id-Direttiva 2008/48 għandha tinftiehem fis-sens li din timponi dejjem fuq il-kreditur u l-intermedjarju tal-kreditur li jevalwaw, minflok il-konsumatur, l-opportunità tal-konklużjoni eventwali tal-kuntratt ta’ kreditu.

81.      Ma huwiex meħtieġ li tiġi vverifikata r-rilevanza ta’ din id-domanda, peress li r-risposta għal din id-domanda diġà tista’ tiġi dedotta mill-kunsiderazzjonijiet tiegħi dwar iż-żewġ partijiet tal-ewwel domanda preliminari. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta, fil-fatt, li d-Direttiva 2008/48 ma tistax tinftiehem fis-sens li din timponi dejjem fuq il-kreditur u l-intermedjarju tal-kreditu li jevalwaw, minflok il-konsumatur, l-opportunità tal-konklużjoni eventwali tal-kuntratt ta’ kreditu.

82.      Minn naħa, mill-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel domanda joħroġ li l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48 ma jipprekludix regola nazzjonali li tistabbilixxi li l-kreditur u l-intermedjarju tal-kreditu għandhom l-obbligu li jfittxu t-tip u l-ammont tal-kreditu l-iktar adattati, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-konsumatur fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt u tal-għan tal-kreditu. Ir-regola kkonċernata tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-għan tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48, li jikkonsisti fl-iżgurar li l-konsumatur ikun jista’ jieħu deċiżjoni informata dwar jekk jikkonkludix kuntratt mingħajr ma jwarrab, f’dan ir-rigward, il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali prevista mit-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni.

83.      Min-naħa l-oħra, mill-eżami tat-tieni parti tal-ewwel domanda joħroġ li la l-Artikolu 5(6) u lanqas l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48 ma jipprekludu regola nazzjonali li timponi fuq il-kreditur l-obbligu li jastjeni milli jikkonkludi kuntratt f’każ li l-verifika tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur ikollha riżultat negattiv. Tali obbligu, limitat għal xenarju partikolari, ma jistax, fi kwalunkwe każ, jiġi assimilat ma’ obbligu ġenerali li tiġi evalwata sistematikament l-opportunità ta’ konklużjoni eventwali ta’ kuntratt minflok il-konsumatur.

84.      Għalhekk ma huwiex meħtieġ li tiġi eżaminata b’mod separat it-tieni domanda.

 VII.      Konklużjoni

85.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad bħala inammissibbli t-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Justice de Paix du canton de Visé (il-Qorti Konċiljatorja Kantonali ta’ Visé, il-Belġju).

86.      Sussidjarjament, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħżel li ma tilqax din is-soluzzjoni, nipproponilha tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari kif ġej:

1)      L-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48 ma jipprekludix regola nazzjonali bħal dik tal-Artikolu 15(1) tal-Loi sur le crédit à la consommation (il-Liġi dwar il-Kreditu fuq il-Konsum), li tipprevedi li l-kreditur u l-intermedjarju tal-kreditu għandhom l-obbligu li jfittxu, fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ kreditu li huma normalment joffru jew li fihom normalment jintervjenu, it-tip u l-ammont tal-kreditu l-iktar adattati, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-konsumatur fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt u tal-għan tal-kreditu.

2)      La l-Artikolu 5(6) u lanqas l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48 ma jipprekludu regola nazzjonali, bħal dik tal-Artikolu 15(2) tal-Liġi dwar il-Kreditu fuq il-Konsum, li tipprevedi li l-kreditur jista’ jikkonkludi kuntratti ta’ kreditu biss f’każ fejn, fid-dawl tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu jew li għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, huwa għandu jqis b’mod raġonevoli li l-konsumatur ser ikun f’pożizzjoni li josserva l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ kreditu.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40 u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46).


3      Ara l-premessa 9 tad-Direttiva 2008/48. Fir-rigward ta’ dan il-kunċett, ara b’mod ġenerali, Steennot, R., “Case Volksbank România: Limits off the full harmonization approach of the Consumer Credit Directive”, Revue européenne de droit de la consummation, 2013, p. 87, b’riferimenti ulterjuri.


4      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:842) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston (C-42/15, EU:C:2016:431, punt 2).


5      Ara l-premessa 9. L-adozzjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi diġà tirriżulta mill-għażla tal-Artikolu 95 KE (illum l-Artikolu 114 TFUE) bħala l-bażi legali tad-Direttiva 2008/48.


6      Ara l-premessi 4, 6, 7 u 9.


7      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 326.


8      Liġi tat‑12 ta’ Ġunju 1991 (Moniteur belge tad‑9 ta’ Lulju 1991, p. 15203), kif emendata bil-Liġi tas‑7 ta’ Jannar 2001 (Moniteur belge tal‑25 ta’ Jannar 2001, p. 2101) u bil-Liġi tal‑24 ta’ Marzu 2003 (Moniteur belge tat‑2 ta’ Mejju 2003, p. 23749) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kreditu fuq il-Konsum”).


9      Liġi tat‑13 ta’ Ġunju 2010 li temenda l-Liġi tat‑12 ta’ Ġunju 1991 dwar il-Kreditu fuq il-Konsum (Moniteur belge tal‑21 ta’ Ġunju 2010, p. 38338; il-verżjoni bil-Ġermaniż ippubblikata fil-Moniteur belge tal‑31 ta’ Mejju 2011), kif emendata l-aħħar bil-Liġi tas‑27 ta’ Novembru 2012 (Moniteur belge tat‑30 ta’ Novembru 2012, p. 76567).


10      Artikolu 10 fil-verżjoni tal-Liġi tal‑24 ta’ Marzu 2003. Din id-dispożizzjoni ġiet ikkodifikata b’effett mill‑1 ta’ April 2015 bħala l-Artikolu VII 69(1) tal-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku.


11      Artikolu 11(4) tal-Liġi tat‑12 ta’ Ġunju 1991, kif emendata bil-Liġi tat‑13 ta’ Ġunju 2010.


12      L-Artikolu 15(1) tal-Liġi tat‑12 ta’ Ġunju 1991, kif emendata bil-Liġi tat‑13 ta’ Ġunju 2010. Din id-dispożizzjoni ġiet ikkodifikata b’effett mill‑1 ta’ April 2015 bħala l-Artikolu VII 75 tal-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku.


      L-Artikolu 15(2) tal-Liġi dwar il-Kreditu fuq il-Konsum huwa bbażat fuq l-Artikolu 15 tal-Liġi tat‑12 ta’ Ġunju 1991, kif emendata bil-Liġi tal‑10 ta’ Awwissu 2001 u mħassra bil-Liġi tal‑24 ta’ Marzu 2003. Din id-dispożizzjoni ġiet ikkodifikata b’effett mill‑1 ta’ April 2015, segwita minn emendi minuri, bħala l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu VII 77(2) tal-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku.


13      Liġi tat‑12 ta’ Ġunju 1991 kif emendata bil-Liġi tat‑13 ta’ Ġunju 2010. Din id-dispożizzjoni ġiet ikkodifikata b’effett mill‑1 ta’ April 2015 bħala l-Artikolu VII 91 tal-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku.


14      Mill-proċess tal-kawża li ntbagħat lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratt konkluż ma’ Home Vision kien jipprevedi l-installazzjoni ta’ żewġ impjanti fotovoltajċi, wieħed fil-Belġju u l-ieħor fl-Italja. Madankollu, id-deċiżjoni tar-rinviju ma fiha l-ebda konstatazzjoni f’dan ir-rigward.


15      Ara, inter alia, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 25) u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:981, punt 23).


16      Minbarra l-Artikolu 94(a) u (b), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ara s-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2017, de Lobkowicz (C‑690/15, EU:C:2017:355, punt 28) u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:981, punt 24).


17      Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38 (C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      B’mod partikolari, ma huwiex ċar jekk l-impenn ta’ Home Vision “li tirrimborsa s-self kollu bi ħlasijiet fix-xahar ta’ EUR 622.41” huwiex qiegħed jirreferi għal kuntratt ta’ finanzjament separat jew għal self bankarju, bħal pereżempju l-kuntratt ta’ kreditu tat‑22 ta’ Mejju 2012.


19      Il-Gvern Belġjan f’dan ir-rigward jagħmel riferiment għall-Artikolu 92 tal-Liġi dwar il-Kreditu fuq il-Konsum (li issa huwa l-Artikolu VII 201 tal-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku).


20      Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf (C‑355/97, ECLI:EU:C:1999:391, punt 22); tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et (C‑179/16, ECLI:EU:C:2018:25, punt 45); tad‑29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et (C‑426/16, EU:C:2018:335, punt 31); u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Confédération paysanne et (C‑528/16, EU:C:2018:583, punt 73).


21      Ara f’dan ir-rigward supra, punt 23. Dwar il-kontenut letterali ta’ din id-dispożizzjoni ara supra, punt 12.


22      Fuq il-bażi tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/48, il-konsumatur, b’mod partikolari, għandu jkollu dritt ta’ intervent fir-rigward tal-kreditur fil-każ fejn ma jkunx seta’ jasserixxi fil-konfront tal-parti kontraenti l-oħra d-drittijiet tiegħu bbażati fuq il-kuntratt li għandu bħala suġġett il-finanzjament u li jirriżultaw min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni u mill-eżekuzzjoni mhux konformi tal-istess kuntratt.


23      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 87/102, ara, pereżempju, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2007, Rampion u Godard (C‑429/05, EU:C:2007:575), b’mod partikolari, il-konstatazzjoni li skontha d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-direttiva jipprekludu “d-dritt għal rimedji […] li jibbenefika minnu l-konsumatur kontra l-persuna li tagħti l-kreditu, milli jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-offerta minn qabel ta’ kreditu ssemmi l-oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi ffinanzjati” (punt 50).


24      Ara, fir-rigward tad-Direttiva 2008/48, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, LCL Le Crédit Lyonnais (C‑565/12, EU:C:2014:190, punt 54). Ara wkoll is-sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 64).


25      Sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Kohll u Kohll-Schlesser (C‑300/15, EU:C:2016:361, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2008, Burda (C‑284/06, EU:C:2008:365, punt 39).


27      Sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová (C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 64).


28      Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (C‑449/13, EU:C:2014:2464, punt 41). Ara wkoll, b’analoġija, il-premessa 27.


29      Premessa 9 tad-Direttiva 2008/48.


30      Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, CA Consumer Finance (C‑449/13, EU:C:2014:2464, punt 42).


31      Madankollu, ara l-evalwazzjoni kritika ta’ dan l-approċċ min-naħa ta’ Micklitz, H.‑W., “The Targeted Full Harmonisation Approach: Looking behind the Curtain”, p. 47 (p. 75 et seq.), f’Howells, G., Schulze, R. (edituri), Modernising and Harmonising Consumer Contract Law, 2009 (fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar drittijiet tal-konsumatur, imfassla mill-Kummissjoni, KUMM (2008) 614 finali).


32      Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 60, p. 34, rettifika fil-ĠU 2015, L 246, p. 11).


33      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2014/17, pereżempju, jipprevedi obbligi speċifiċi ta’ informazzjoni fuq l-intermedjarji tal-kreditu u tal-hekk imsejħa rappreżentanti maħturin.


34      L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2014/17. Ara, f’dan ir-rigward, Gourio, A., Thebault, L. “Adoption de la directive sur le crédit immobilier”, Revue de Droit bancaire et financier, 2014, p. 64 (fil-p. 65): “En revanche, malgré les velléités d’un État membre, la directive ne prévoit pas d’obligation de conseil. Le conseil constitue au contraire un service distinct de l’octroi de prêt, fourni sur une base contractuelle et susceptible de rémunération”.


35      Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (iktar ’il quddiem il-“MiFID II”) (ĠU 2014, L 173, p. 349, rettifiki fil-ĠU 2016, L 188, p. 28, fil-ĠU 2016, L 273, p. 35 u fil-ĠU 2017, L 64, p. 116).


36      Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (riformulazzjoni) (ĠU 2016, L 26, p.19).


37      Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva IDD, il-konsulenza hija “rakkomandazzjoni personalizzata [tad-distributur tal-assigurazzjoni lill-klijent] li tispjega għaliex prodott partikolari jkun jissodisfa bl-aħjar mod id-domandi u l-bżonnijiet tal-klijent”.


38      Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu għall-konsumaturi, KUMM (2002) 443 finali (ĠU 2002, C 331E, p. 200).


39      Proposta modifikata għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar ftehimiet ta’ kreditu lill-konsumaturi li temenda d-direttiva tal-Kunsill 93/13/KE (preżentat mill-Kummissjoni b’mod konformi ma’ l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE), KUMM (2005) 483 finali.


40      Proposta modifikata, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 5.4 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni, p. 6 u 7.


41      Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012 (C‑602/10, EU:C:2012:443, punt 38).


42      Fl-istess ħin, l-espressjoni ċċitata tiċċara li l-għan ta’ armonizzazzjoni sħiħa li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2008/48 għandu jinftiehem bħala l-għan imfittex. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/48, għandhom jiġu armonizzati biss ċerti aspetti tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi tal-Istati Membri dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsum. B’mod ġenerali, ara Steennot, R., “Case Volksbank România: Limits of the full harmonization approach of the Consumer Credit Directive”, Revue européenne de droit de la consommation, 2013, p. 87 (fil-paġna 93).


43      Il-Gvern Belġjan jagħmel riferiment, b’mod partikolari, għad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86), b’mod partikolari l-premessa 11 tagħha.


44      Għalhekk ma huwiex rilevanti l-fatt li, pereżempju, l-Artikolu 3(9) tad-Direttiva 2005/29 jippermetti lill-Istati Membri, fir-rigward tas-servizzi finanzjarji u l-proprjetà immobbli, jimponu obbligi “iktar restrittivi jew preskrittivi minn din id-Direttiva f’dak il-qasam li hija tapprossima” (enfasi miżjuda minni). Ara, f’dan ir-rigward, Verdure, C., “La directive 2005/29/CE: base légale et degré d’harmonisation”, Revue européenne de droit de la consommation, 2013, p. 149 (fil-paġna 162).


45      Steennot, R., loc. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 42), p. 90. Ara wkoll, b’mod ġenerali, Riehm, T., Schreindorfer, B., “Das Harmonisierungskonzept der neuen Verbraucherkreditrichtlinie”, GPR 2008, p. 244 (fil-paġna 247).


46      Steenot, R., loc. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 42), p. 90, kif ukoll Riehm, T., Schreindorfer, B., loc. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 45), p. 247.


47      Ara supra, punti 46 et seq.


48      Ara, f’dan ir-rigward, f’termini ġenerali, id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq il-proposta modifikata, punt 5.11, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, p. 8.


49      Ara supra, punt 44.


50      L-Artikolu 9 tal-proposta oriġinali għal direttiva jipprevedi obbligu differenti dwar l-għoti responsabbli ta’ kreditu. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tidhirx fil-proposta mmodifikata – u lanqas issa fid-Direttiva 2008/48.


51      Mit-titolu tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/48 diġà jirriżulta li l-“informazzjoni prekuntrattwali” tikkostitwixxi s-suġġett ta’ din id-dispożizzjoni.


52      Ara, finalment, is-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith (C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 34). Ara wkoll, inter alia, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige (C‑549/15, EU:C:2017:490, punt 72).


53      Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, CA Consumer Finance (C‑449/13, EU:C:2014:2464, punt 35). Ara wkoll is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, LCL Le Crédit Lyonnais (C‑565/12, EU:C:2014:190, punt 43).


54      Sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, LCL Le Crédit Lyonnais (C‑565/12, EU:C:2014:190, punt 43).


55      Ara supra, punti 38 et seq.


56      Ara, pereżempju, il-bidu tal-premessa 19.


57      Ara, inter alia, “Prinċipji Fundamentali għal Superviżjoni Bankarja Effikaċi” imfassla mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja, b’mod partikolari l-prinċipju 17 dwar “Ir-Riskju tal-Kreditu”. Aċċessibbli fuq https://www.bis.org/publ/bcbs230.htm (l-aħħar aġġornament: 13 ta’ Diċembru 2018). Anki l-premessa 26 tad-Direttiva 2008/48 tagħmel riferiment għal dan il-kuntest: “Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar riskju ta’ kreditu tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l‑14 ta’ Ġunju 2006 dwar il-bidu u t-tkomplija tan-negozju ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu […], il-kredituri għandhom iġorru ir-responsabbiltà li jivverifikaw individwalment is-solvibbiltà tal-konsumatur”.


58      Fl-isfond tal-kriżi finanzjarja dinjija, id-Direttiva 2014/17 ġiet adottata anki minħabba l-influwenza tar-riskji sistemiċi li jirriżultaw minn għoti ta’ kreditu parzjalment irresponsabbli. Ara, f’dan ir-rigward, pereżempju, Partsch, P.‑E., Droit bancaire et financier européen, Vol. 1, it-tieni edizzjoni, punt 1237.