Language of document : ECLI:EU:C:2019:702

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Settembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumatur – Direttiva 2008/48/KE – Artikolu 16(1) – Ħlas lura kmieni – Dritt tal-konsumatur għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu korrispondenti għall-interessi u għall-ispejjeż dovuti fir-rigward tat-terminu rimanenti tal-kuntratt”

Fil-Kawża C‑383/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy Lublin-Wschód w Lublinie z siedzibą w Świdniku (il-Qorti Distrettwali ta’ Lublin-Wschód f’Lublin bis-sede tagħha f’Świdnik, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura

Lexitor sp. z o.o

vs

Spółdzielcza Kasa Oszczędnościowo – Kredytowa im. Franciszka Stefczyka z siedzibą w Gdyni,

Santander Consumer Bank S.A.,

mBank S.A.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader (Relatur), A. Rosas, L. Bay Larsen u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Spółdzielcza Kasa Oszczędnościowo – Kredytowa im. Franciszka Stefczyka, minn P. Chojecki u P. Skurzyński, radcowie prawni, kif ukoll minn M. Kowara, adwokat,

–        għal Santander Consumer Bank S.A., P.Kończal u P. Muciek kif ukoll minn J. Wojnarowska, radca prawny,

–        għal mBank S.A., minn A. Opalski, radca prawny,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Szmytkowska, G. Goddin u C. Valero, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Mejju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tliet kawżi bejn Lexitor sp. z o.o (iktar ’il quddiem “Lexitor”) u, rispettivament, Spółdzielcza Kasa Oszczędnościowo – Kredytowa im. Franciszka Stefczyka (iktar ’il quddiem “SKOK”), Santander Consumer Bank S.A. (iktar ’il quddiem “Santander Consumer Bank”) u mBank S.A. (iktar ’il quddiem “mBank”) dwar it-tnaqqis tal-ispejjeż totali tal-kreditu għall-konsum minħabba l-ħlas lura kmieni tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 87/102/KEE

3        L-Artikolu 8 tad-Direttiva 87/102/KEE tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 1986 għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 326), li ġiet abrogata u ssostitwita bid-Direttiva 2008/48 b’effett mill-11 ta’ Ġunju 2010, kien jipprovdi:

“Il-konsumatur ikun intitolat li jaqdi l-obbligazzjonijiet tiegħu fil-ftehim ta’ kreditu qabel iż-żmien iffissat fil-ftehim. F’dan il-każ, in konformità mar-regoli stabbiliti mill-Istati Membri, il-konsumatur ikun intitolat għal tnaqqis ġust fin-nefqa totali tal-kreditu.”

 Id-Direttiva 2008/48

4        Il-premessi 7, 9 u 39 tad-Direttiva 2008/48 jipprovdu:

“(7)      Sabiex ikun faċilitat l-iżvilupp ta’ suq intern ta’ kreditu lill-konsumaturi li jiffunzjona tajjeb, jeħtieġ li jsir provvediment għal qafas Komunitarju armonizzat f’numru ta’ oqsma ċentrali. Bil-ħsieb tas-suq tal-kreditu lill-konsumaturi li qed jiżviluppa kontinwament u l-mobbiltà taċ-ċittadini Ewropej li qed tiżdied, leġiżlazzjoni Komunitarja li tħares il quddiem u li kapaċi tadatta ruħha għal forom futuri ta’ kreditu u li tippermetti lil Stati Membri l-livell xieraq ta’ flessibbiltà fl-implimentazzjoni tagħhom għandha tgħin biex jiġi stabbilit korp modern ta’ liġi dwar kreditu lill-konsumaturi.

[…]

(9)      Armonizzazzjoni sħiħa hija meħtieġa biex tiżgura li l-konsumaturi kollha fil-Komunità igawdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ l-interessi tagħhom u biex jinħoloq suq intern ġenwin.[…]

[…]

(39)      Il-konsumatur għandu jkollu d-dritt li jifdi l-obbligi tiegħu qabel id-data miftehma fil-ftehim ta’ kreditu. Fil-każ ta’ radd lura antiċipat, kompletament jew parzjalment, il-kreditur għandu jkun intitolat għal kumpens għall-ispejjeż direttament marbutin mar-radd lura antiċipat b’kont meħud ukoll tat-tifdil possibbli magħmul mill-kreditur. Madankollu, sabiex jiġi determinat il-metodu ta’ kalkolu għall-kumpens, huwa importanti li jiġu rispettati diversi prinċipji. Il-kalkolu tal-kumpens dovut lill-kreditur għandu jkun trasparenti u komprensibbli għall-konsumaturi diġà fl-istadju prekuntrattwali u fi kwalunkwe każ matul l-eżekuzzjoni tal-ftehim ta’ kreditu. Barra minn hekk, il-metodu ta’ kalkolu għandu jkun faċli biex jiġi applikat mill-kredituri u l-kontroll superviżorju tal-kumpens mill-awtoritajiet responsabbli għandu jkun faċilitat. […]”

5        Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

a)      ‘konsumatur’ tfisser persuna fiżika li, fit-tranżazzjonijiet koperti minn din id-Direttiva, tkun qed taġixxi għal finijiet li huma barra mis-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

[…]

g)      ‘l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur’ tfisser l-ispejjeż kollha, inklużi interessi, kummissjonijiet, taxxi, u kwalunkwe tip ta’ onorarji oħrajn li l-konsumatur għandu jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu u li huma magħrufin mal-kreditur ħlief spejjeż notarili; l-ispejjeż relatati ma’ servizzi anċillari fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu, b’mod partikolari ħlasijiet obbligatorji ta’ assigurazzjoni, huma inklużi wkoll jekk, barra minn hekk, il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ servizz huwa obbligatorju biex jinkiseb il-kreditu jew biex jinkiseb il-kreditu skond it-termini u l-kondizzjonijiet kummerċjalizzati;

[…]”

6        L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Radd lura antiċipat”, jipprovdi:

“1.      Il-konsumatur għandu jkun intitolat li jifdi interament jew parzjalment l-obbligi tiegħu taħt ftehim ta’ kreditu fi kwalunkwe ħin. F’tali każijiet, huwa għandu jkun intitolat għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu, tali tnaqqis ikun jikkonsisti mill-interessi u l-ispejjeż ta’ matul it-terminu li jkun baqa’ tal-kuntratt.

2.      Fil-każ ta’ radd lura antiċipat ta’ kreditu, il-kreditur għandu jkun intitolat għal kumpens ġust u ġustifikat b’mod oġġettiv għal spejjeż possibbli direttament marbuta ma’ radd lura antiċipat ta’ kreditu u dan sakemm tali radd lura antiċipat jaqa’ f’perijodu li għalih ir-rata tas-self hija fissa.

Tali kumpens ma jistax jaqbeż il-1 % ta’ l-ammont ta’ kreditu li jkun intradd lura antiċipatament, jekk il-perijodu ta’ żmien bejn ir-radd lura antiċipat u t-tmiem miftiehem tal-ftehim ta’ kreditu jaqbeż is-sena. Jekk il-perijodu ma jaqbiżx is-sena, il-kumpens ma jistax jaqbeż 0,5 % ta' l-ammont ta' kreditu li jkun intradd lura antiċipatament.

3.      Kumpens għar-radd lura antiċipat ma jistax jintalab:

a)      jekk ir-radd lura sar taħt kuntratt ta’ assigurazzjoni maħsub biex jipprovdi garanzija ta’ radd lura ta’ kreditu;

b)      fil-każ ta’ faċilitajiet ta’ overdraft; jew

ċ)      jekk ir-radd lura jaqa’ f’perijodu li għalih ir-rata tas-self mhix fissa.

4.      L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li

a)      dan il-kumpens jista’ jintalab mill-kreditur biss bil-kondizzjoni li l-ammont tar-radd lura antiċipat jaqbeż il-limitu definit mil-liġi nazzjonali. Dak il-limitu m’għandux jaqbeż l-EUR 10 000 matul kwalunkwe perijodu ta’ 12-il xahar;

b)      il-kreditur jista’ eċċezzjonalment jitlob kumpens ogħla jekk jista’ jipprova li t-telf li ġarrab mir-radd lura antiċipat jeċċedi l-ammont determinat skond il-paragrafu 2.

Jekk il-kumpens mitlub mill-kreditur jeċċedi t-telf attwalment imġarrab, il-konsumatur jista’ jitlob tnaqqis korrispondenti.

F’dan il-każ, it-telf għandu jikkonsisti fid-differenza bejn ir-rata ta’ imgħax miftiehma inizzjalment u r-rata ta’ imgħax skond liema l-kreditur jista’ jislef l-ammont imħallas b’mod antiċipat fuq is-suq fil-ħin tar-radd lura antiċipat, u għandu jieħu kont ta’ l-impatt ta’ tali radd lura antiċipat fuq l-ispejjeż amministrattivi.

5.      Kwalunkwe kumpens m’għandux jeċċedi l-ammont ta’ interess li l-konsumatur ikun ħallas matul il-perijodu bejn ir-radd lura antiċipat u d-data miftiehma ta’ l-għeluq tal-ftehim ta’ kreditu.”

7        Skont l-Artikolu 22 tal-istess direttiva, intitolat “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva”:

“1.      Safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

[…]

3. L-Istati Membri għandhom, barra minn hekk, jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jadottaw fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma jagħtux lok għal evitar li jirriżulta mill-mod li bih jiġu fformulati ftehim, b’mod partikolari billi jiġu integrati ġbid ta’ kreditu jew ftehim ta’ kreditu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fi ftehim ta’ kreditu li n-natura u l-iskop tagħhom jagħmluha possibbli li tiġi evitata l-applikazzjoni tagħha.”

 Id-dritt nazzjonali

8        L-ustawa o kredycie konsumenckim (il-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur), tat-12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. Nru 126, pożizzjoni 715), fil-verżjoni tagħha rilevanti għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur”), tittrasponi d-Direttiva 2008/48 fl-ordinament ġuridiku Pollakk.

9        Skont il-punt 6 tal-Artikolu 5 tal-imsemmija liġi, il-kunċett ta’ “spiża totali tal-kreditu” hija ddefinita fis-sens li tinkludi l-ispejjeż kollha li l-konsumatur għandu jħallas fil-kuntest tal-kuntratt tal-kreditu, b’mod partikolari l-interessi, il-miżati, il-kummissjonijiet, it-taxxi u l-marġni li huma magħrufa mill-kreditur, kif ukoll l-ispejjeż relatati mas-servizzi anċillari, b’mod partikolari l-assigurazzjonijiet, peress li l-ħlas tagħhom huwa neċessarju għall-ksib tal-kreditu jew għall-ksib tiegħu bil-kundizzjonijiet proposti, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż notarili li għandhom jitħallsu mill-konsumatur.

10      Skont l-Artikolu 49(1) ta’ din il-liġi, fil-każ ta’ ħlas lura tal-ammont totali tal-kreditu qabel id-data indikata fil-kuntratt, l-ispiża totali tal-kreditu għandha titnaqqas bl-ispejjeż relatati mal-perijodu li bih tqassar it-tul tal-kuntratt, minkejja li l-konsumatur ikun sostna dawn l-ispejjeż qabel il-ħlas lura.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11      It-tliet tilwimiet fil-kawża prinċipali, magħquda mill-qorti tar-rinviju, joriġinaw mill-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ kreditu lill-konsumatur bejn konsumatur, fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2008/48 u, rispettivament, SKOK, Santander Consumer Bank u mBank. Kull wieħed mill-kuntratti ta’ kreditu kien jipprovdi l-ħlas lill-istabbiliment bankarju kkonċernat ta’ kummissjoni li l-ammont tagħha ma kienx jiddependi mit-tul tal-imsemmi kuntratt, jiġifieri, rispettivament PLN 1 591.35 (bejn wieħed u ieħor EUR 380), PLN 4 845 (bejn wieħed u ieħor EUR 1 150) u PLN 3 070.40 (bejn wieħed u ieħor EUR 730).

12      Wara li ħallsu lura l-krediti tagħhom kmieni, il-konsumaturi ċedew lil Lexitor, kumpannija rregolata mid-dritt Pollakk li toffri servizzi legali lill-konsumaturi, il-pretensjonijiet għal kreditu li kellhom fuq l-istabbilimenti bankarji li jirriżultaw mill-ħlas lura kmieni.

13      Sussegwentement, Lexitor, fil-kwalità tagħha ta’ ċessjonarja tad-debiti, talbet lil SKOK, Santander Consumer Bank u mBank il-ħlas lura ta’ parti mill-ammont tal-kummissjonijiet imħallsa mill-konsumaturi, flimkien mal-interessi moratorji.

14      Peress li l-istabbilimenti ta’ kreditu ma laqgħux dawn it-talbiet, Lexitor, fit-8 ta’ Jannar 2018, fid-29 ta’ Diċembru 2017 u fis-26 ta’ Frar 2018, ippreżentat tliet rikorsi quddiem il-qorti tar-rinviju intiżi għall-kundanna rispettivament ta’ Santander Consumer Bank, ta’ SKOK u ta’ mBank għall-ħlas ta’ parti minn dawn il-kummissjonijiet, li tikkorrispondi għat-terminu li jkun baqa’ tal-kuntratti ta’ kreditu, flimkien mal-interessi moratorji.

15      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali opponew l-ordnijiet għall-ħlas mogħtija mill-qorti tar-rinviju.

16      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt tal-konsumatur għat-tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu f’każ ta’ ħlas lura kmieni ta’ dan, imsemmi fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48, jikkonċernax ukoll l-ispejjeż li ma jiddependux mit-tul tal-kuntratt. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li, għalkemm ċerti qrati Pollakki taw risposta negattiva għal din id-domanda, abbażi tal-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur, qorti oħra, min-naħa l-oħra, tat risposta affermattiva, billi bbażat ruħha fuq interpretazzjoni ta’ din il-liġi fid-dawl tal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva.

17      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li dan l-artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu jinkludi l-ispejjeż li ma jiddependux mit-tul tal-kuntratt. Skont din, din l-interpretazzjoni tippermetti li jiġu protetti l-interessi tal-konsumatur u tiggarantixxi l-ekwilibriju bejn il-partijiet. Il-kreditur jista’, fil-każ ta’ ħlas lura kmieni tal-kuntratt, jerġa’ juża l-ammont imħallas lura sabiex jagħti kreditu ieħor u jibbenefika b’hekk minn kummissjoni ġdida. Barra minn hekk, is-soluzzjoni kuntrarja toħloq ir-riskju li tiġi stabbilita prattika fejn il-kreditur japplika biss spejjeż formalment indipendenti mit-tul tal-kuntratt ta’ kreditu, sabiex jevita li dawn ikunu affettwati mit-tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy Lublin-Wschód w Lublinie z siedzibą w Świdniku (il-Qorti Distrettwali ta’ Lublin-Wschód f’Lublin li għandha s-sede tagħha f’Świdnik, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 16(1), moqri flimkien mal-punt g tal-Artikolu 3 tad-[Direttiva 2008/48], għandu jiġi interpretat fis-sens li konsumatur li jkun ħallas minn qabel l-ammont dovut minnu taħt kuntratt ta’ kreditu, għandu dritt għal tnaqqis mill-ispiża totali tal-kreditu, inklużi l-ispejjeż li l-ammont tagħhom ma jiddependix fuq it-tul ta’ dan il-kuntratt ta’ kreditu?”

19      Il-qorti tar-rinviju talbet ukoll li l-kawża tiġi ttrattata fi żmien qasir skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din it-talba ġiet miċħuda b’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 2018, Lexitor (C‑383/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:769).

 Fuq id-domanda preliminari

20      Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li l-fatt li t-tilwimiet fil-kawża prinċipali huma unikament bejn professjonisti ma jipprekludix l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 24 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma jiddependix mill-identità tal-partijiet fit-tilwima inkwistjoni, iżda mill-kwalità tal-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu. Issa, f’dan il-każ, il-krediti li huma s-suġġett tat-tilwimiet fil-kawża prinċipali jirriżultaw minn tliet kuntratti ta’ kreditu għall-konsum konklużi bejn tliet konsumaturi u t-tliet konvenuti fil-kawżi prinċipali, u ġew ċeduti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali wara l-ħlas lura kmieni tal-imsemmija kuntratti.

21      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu fil-każ ta’ ħlas lura kmieni ta’ dan jinkludix ukoll l-ispejjeż li ma jiddependux mit-tul tal-kuntratt.

22      L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48, moqri fid-dawl tal-premessa 39 ta’ din, jipprovdi d-dritt għall-konsumatur li jħallas lura kmieni l-kuntratt u li jibbenefika minn tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu, li tikkorrispondi għall-interessi u għall-ispejjeż dovuti għat-terminu li jkun baqa’ tal-kuntratt.

23      F’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “spiża totali tal-kreditu”, l-Artikolu 3(g) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxiha bħala li tinkludi l-ispejjeż kollha, inkluż l-interessi, il-kummissjonijiet, it-taxxi u t-tipi kollha l-oħra ta’ spejjeż li l-konsumatur għandu jħallas għall-kuntratt ta’ kreditu u li huma magħrufin mill-kreditur, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż notarili. Din id-definizzjoni ma tinkludi għalhekk ebda limitazzjoni relatata mat-tul tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni.

24      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta b’mod partikolari mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-osservazzjonijiet magħmula kemm mill-konvenuti fil-kawżi prinċipali kif ukoll mill-partijiet l-oħra interessati f’din il-kawża, ir-riferiment għat-“terminu li jkun baqa’ tal-kuntratt”, li jinsab fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48, jista’ jiġi interpretat, kemm li jfisser li l-ispejjeż affettwati mit-tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu huma limitati għal dawk li jiddependu oġġettivament mit-tul tal-kuntratt, jew inkella għal dawk li huma ppreżentati mill-kreditur bħala li huma relatati ma’ pass partikolari tal-konklużjoni jew tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, jew bħala li jindika li l-metodu tal-kalkolu li għandu jintuża sabiex isir dan it-tnaqqis jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż kollha sostnuti mill-konsumatur u wara jitnaqqas l-ammont proporzjonalment għat-terminu li jkun baqa’ tal-kuntratt.

25      Analiżi komparattiva tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 ma tippermettix li tiġi ddeterminata l-portata eżatta tat-tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu li jipprevedi. Fil-fatt, minn naħa, il-verżjoni Olandiża, dik Pollakka u dik Rumena ta’ din id-dispożizzjoni jissuġġerixxu tnaqqis tal-ispejjeż marbuta mat-terminu li jkun baqa’ tal-kuntratt (“een verlaging van de totale kredietkosten, bestaande uit de interesten en de kosten gedurende de resterende duur van de overeenkomst”, “obniżki całkowitego kosztu kredytu, na którą składają się odsetki i koszty przypadające na pozostały okres obowiązywania umowy” u “o reducere a costului total al creditului, care constă în dobânda și în costurile aferente duratei restante a contractului”). Min-naħa l-oħra, il-verżjonijiet fil-lingwa Ġermaniża u dik Ingliża tal-imsemmija dispożizzjoni huma kkaratterizzati minn ambigwità ċerta u jagħtu x’jifhmu li l-ispejjeż marbuta ma’ dan il-perijodu jservu bħala indikazzjoni għall-kalkolu tat-tnaqqis (“das Recht auf Ermäßigung der Gesamtkosten des Kredits, die sich nach den Zinsen und den Kosten für die verbleibende Laufzeit des Vertrags richtet” u “reduction consisting of the interest and the costs for the remaining duration of the contract”). Il-verżjoni fil-lingwa Taljana tal-istess dispożizzjoni tevoka, l-istess bħall-verżjoni fil-lingwa Franċiża, interessi u spejjeż dovuti, “dus” u “dovuti”, għat-terminu li jkun baqa’ tal-kuntratt. Fl-aħħar nett, il-verżjoni fil-lingwa Spanjola tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 teżiġi tnaqqis li jinkludi l-ispejjeż li jikkorrispondu għat-terminu li jkun baqa’ tal-kuntratt (“una reducción del coste total del crédito, que comprende los intereses y costes correspondientes a la duración del contrato que quede por transcurrir”).

26      Madankollu, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata skont mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet intiżi mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2019, Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände, C‑649/17, EU:C:2019:576, punt 37).

27      F’dak li jikkonċerna l-kuntest, għandu jitfakkar li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 87/102, li ġiet abrogata u ssostitwita bid-Direttiva 2008/48, kienet tipprovdi li “in konformità mar-regoli stabbiliti mill-Istati Membri, il-konsumatur ikun intitolat għal tnaqqis ġust fin-nefqa totali tal-kreditu”.

28      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 ikkonkretizza d-dritt tal-konsumatur għal tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu fil-każ ta’ ħlas lura antiċipat, billi ssostitwixxa l-kunċett ta’ “tnaqqis ġust” bi “tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu” u billi żied li dan it-tnaqqis għandu jkun mill-“interessi u l-ispejjeż”.

29      F’dak li jikkonċerna l-għan tad-Direttiva 2008/48, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li din tfittex li tiggarantixxi protezzjoni għolja tal-konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2019, Schyns, C‑58/18, EU:C:2019:467, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din is-sistema ta’ protezzjoni hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew mal-fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 63).

30      Sabiex jiggarantixxi din il-protezzjoni, l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2008/48 jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jadottaw għall-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva ma jkunux jistgħu jiġu evitati minħabba l-formulazzjoni tal-kuntratti.

31      Issa, l-effettività tad-dritt tal-konsumatur għat-tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu titnaqqas jekk it-tnaqqis tal-kreditu jkun jista’ jiġi llimitat għat-teħid inkunsiderazzjoni biss tal-ispejjeż ippreżentati mill-kreditur bħala dipendenti fuq it-tul tal-kuntratt, peress li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ispejjeż u t-tqassim tagħhom huma ddeterminati unilateralment mill-bank u li l-kalkolu tal-ispejjeż jista’ jkun jinkludi marġni ta’ profitt.

32      Barra minn hekk, kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju, li tiġi llimitata l-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu għas-sempliċi spejjeż espressament marbuta mat-tul tal-kuntratt iwassal għar-riskju li l-konsumatur jiġu imposti fuqu ħlasijiet mhux rikorrenti iktar għoljin fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu peress li l-kreditur jista’ jkollu t-tentazzjoni li jnaqqas għal minimu l-ispejjeż li jiddependu mit-tul tal-kuntratt.

33      Barra minn hekk, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 53 u 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-marġni ta’ manuvra li għandhom l-istabbilimenti ta’ kreditu fil-fatturazzjoni tagħhom u fl-organizzazzjoni interna tagħhom irendi, fil-prattika, diffiċli ħafna d-determinazzjoni minn konsumatur jew minn qorti tal-ispejjeż oġġettivament marbuta mat-tul tal-kuntratt.

34      Għandu jingħad ukoll li l-fatt li jiġu inklużi fit-tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu l-ispejjeż li ma jiddependux mit-tul tal-kuntratt ma huwiex ta’ natura li joħloq żvantaġġ b’mod sproporzjonat għall-kreditur. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-interessi ta’ dan tal-aħħar huma meħuda inkunsiderazzjoni permezz, minn naħa, tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2008/48, li jipprovdi, għall-benefiċċju tal-kreditur, id-dritt għal kumpens għall-ispejjeż eventwalment marbuta mal-ħlas lura kmieni tal-kuntratt, u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 16(4) ta’ din id-direttiva, li jiftaħ għall-Istati Membri possibbiltà addizzjonali li jiżguraw li dan il-kumpens ikun adattat għall-kundizzjonijiet ta’ kreditu u tas-suq sabiex jiġu protetti l-interessi tal-kreditur.

35      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ ta’ ħlas lura kmieni tal-kreditu, il-kreditur jirkupra qabel is-somma mislufa, fejn għalhekk din tkun disponibbli għall-konklużjoni, jekk ikun il-każ, ta’ kuntratt ta’ kreditu ġdid.

36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt tal-konsumatur għat-tnaqqis tal-ispejjeż totali tal-kreditu f’każ ta’ ħlas lura kmieni jinkludi l-ispejjeż kollha imposti fuq il-konsumatur.

 Fuq l-ispejjeż

37      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt tal-konsumatur għat-tnaqqis tal-ispejjeż totali tal-kreditu f’każ ta’ ħlas lura kmieni jinkludi l-ispejjeż kollha imposti fuq il-konsumatur.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.