Language of document : ECLI:EU:F:2013:96

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

26 ta’ Ġunju 2013

Kawża F‑56/12

Willy Buschak

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal temporanju — Allowance tal-qgħad — Kontribuzzjonijiet lill-iskema tal-pensjoni — Ilment tardiv”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu W. Buschak jitlob, prinċipalment, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-24 ta’ Frar 2012, li tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni perijodu ta’ qgħad tar-rikorrent għall-finijiet tal-kalkolu tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni tal-irtirar skont ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u li tħallas il-kontribuzzjonijiet relatati u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex twettaq tali teħid inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni tal-irtirar u li tħallas il-kontribuzzjonijiet relatati u, sussidjarjament, minn naħa, il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tressaq talba għal kopertura retroattiva mal-istituzzjoni responsabbli tal-iskema tal-pensjoni Ġermaniża u li tħallas il-kontribuzzjonijiet relatati u, min-naħa l-oħra, il-ħlas ta’ danni bħala kumpens għad-dannu subit.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. W. Buschak għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

Rikorsi tal-uffiċjali — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Termini — Dekadenza — Bidu mill-ġdid — Kundizzjoni — Fatt ġdid — Kunċett — Att konfermattiv ta’ deċiżjoni preċedenti — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 46)

L-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 46 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, jissuġġettaw l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn uffiċjal jew minn membru tal-persunal temporanju, kontra l-istituzzjoni li għaliha huwa jappartjeni, għall-kundizzjoni tal-iżvolġiment regolari tal-proċedura amministrattiva preliminari prevista minn dawn l-artikoli.

Għalhekk, ma huwiex permess li uffiċjal, jew membru tal-persunal temporanju, jevita t-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għat-tressiq ta’ lment u ta’ rikors li jikkontesta permezz ta’ talba, deċiżjoni preċedenti li ma ġietx ikkontestata fit-terminu previst. Hija biss l-eżistenza ta’ fatti ġodda sostanzjali li tista’ tiġġustifika t-tressiq ta’ talba għal eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni finali. F’dan ir-rigward, ittra mill-amministrazzjoni li tfakkar biss informazzjoni diġà kkomunikata lill-persuna kkonċernata ma tistax titqies bħala att li jikkawża preġudizzju li jista’ jagħti bidu mill-ġdid għat-tressiq ta’ proċedura kontenzjuża.

(ara l-punti 23, 24 u 26)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 15 ta’ Mejju 1985, Esly vs Il‑Kummissjoni, 127/84, punt 10; 4 ta Ġunju 1987, P. vs ECOSOC, 16/86, punt 6

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Mejju 1992, Whitehead vs Il‑Kummissjoni, T‑34/91, punt 18; 4 ta’ Mejju 2005, Schmit vs Il‑Kummissjoni, T‑144/03, punt 147

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Settembru 2007, Speiser vs Il‑Parlament, F‑146/06, punt 22