Language of document : ECLI:EU:F:2011:43

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

13 ta’ April 2011

Kawża F-38/10


Ioannis Vakalis

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Pensjoni — Trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fil-Greċja lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali tal-Unjoni — Kalkolu tal-akkreditazzjoni — Eċċezzjoni ta’ illegalità tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Prinċipju ta’ newtralità tal-Euro”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu I. Vakalis jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Awwissu 2009, li tistabbilixxi l-akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz għall-pensjoni Komunitarja li jirriżultaw mit-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni li kien akkwista qabel ma daħal fis-servizz tal-Kummissjoni, u tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Frar 2010 li tiċħad l-ilment tiegħu mressaq qabel.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud, parzjalment bħala inammissibbli u parzjalment bħala infondat. Il-Kummissjoni għandha tbati, barra l-ispejjeż tagħha stess, nofs l-ispejjeż tar-rikorrent. Ir-rikorrent għandu jbati nofs l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali –Rikors — Motiv ibbażat fuq il-ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi — Konstatazzjoni ex officio

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 77)

2.      Uffiċjali — Pensjonijiet — Drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni — Trasferiment lill-iskema tal-Unjoni — Dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament Nru 723/2004

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 26(1))

3.      Uffiċjali — Pensjonijiet — Drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni — Trasferiment lill-iskema tal-Unjoni — Akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2))

4.      Uffiċjali — Pensjonijiet — Drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni — Trasferiment lill-iskema tal-Unjoni — Akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2); Regolament tal-Kunsill Nru 1103/97, Artikolu 3)

5.      Uffiċjali — Pensjonijiet — Drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni — Trasferiment lill-iskema tal-Unjoni — Akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2))

6.      Proċedura — Spejjeż — Oneru — Teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti ta’ ekwità — Kundanna parzjali tal-parti li tirbaħ għall-ispejjeż

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 87(2) u 88)

1.      Il-qorti tal-Unjoni għandha l-fakultà u, jekk ikun il-każ, l-obbligu li tirrileva ex officio ċerti motivi ta’ legalità sostantiva. Dan japplika b’hekk għal motiv ta’ ordni pubbliku bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata f’deċiżjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi. Fil-fatt, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun qed jonqos mill-funzjoni tiegħu bħala mħallef tal-legalità jekk ma jirrilevax, anki fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni mill-partijiet fuq dan il-punt, li d-deċiżjoni kkontestata quddiemu ttieħdet abbażi ta’ regola li ma tistax tiġi applikata għall-każ inkwistjoni u kieku, sussegwentement, kellu jiddeċiedi l-kawża quddiemu billi japplika huwa stess tali regola.

Li jitqajjem ex officio motiv ta’ legalità sostantiva ma jippreġudikax in-natura kontradittorja tad-dibattitu kontenzjuż u l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Fil-fatt, l-Artikolu 77 tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jqajjem ex officio l-motiv ta’ inammissibbiltà għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, bil-kundizzjoni li jkun sema’ lill-partijiet minn qabel. Issa, ma hemm ebda raġuni għaliex għandu jiġi maħsub li, jekk din il-kundizzjoni tikkostitwixxi garanzija suffiċjenti tal-prinċipji tal-kontradittorju u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’każ li motiv ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku jitqajjem ex officio, dan ma għandux japplika wkoll għall-każ fejn jitqajjem, ex officio, motiv ta’ ordni pubbliku, kemm jekk ikun ibbażat fuq legalità sostantiva jew fuq legalità proċedurali.

(ara l-punti 28, 29, 38 u 39)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Lulju 1994, Browet et vs Il‑Kummissjoni, T‑576/93 sa T‑582/93, punt 35; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 21 ta’ Frar 2008, Putterie-De-Beukelaer vs Il‑Kummissjoni, F‑31/07, mhux kontradett fuq din il-kwistjoni mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Putterie‑De-Beukelaer, T‑160/08 P

2.      Id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Artikolu 26(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tagħhom li tirriżulta mir-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra ta’ dawn il-Komunitajiet, u dawk tal-Artikolu 11 tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta implementazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, adottati mill-Kummissjoni għandhom jiġi interpretati fis-sens li jirrigwardaw biss it-talbiet għal trasferiment ta’ drittijiet għall-pensjoni mressqa mill-uffiċjali permanenti.

Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan, skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jipproteġu d-drittijiet miksuba. Issa, uffiċjal bi prova ma għandu l-ebda dritt miksub għat-trasferiment tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni. Għalkemm huwa permess li l-istituzzjoni kkonċernata tirreġistra talba ta’ uffiċjal bi prova, sabiex ma timponilux iressaq talba mill-ġdid wara li jsir uffiċjal permanenti, dan ma jfissirx li t-talba xorta ma tkunx prematura.

(ara l-punti 42, 44 u 46)

3.      L-operazzjoni ta’ konverżjoni tal-fondi ttrasferiti fi snin ta’ servizz għall-pensjoni tal-Unjoni għandha ssir mill-awtoritajiet amministrattivi tal-Unjoni. Madankollu, il-fatt li hija l-istituzzjoni, u mhux l-awtoritajiet nazzjonali, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, meta tiddetermina n-numru ta’ snin ta’ servizz, jekk ikun il-każ, ta’ varjazzjonijiet fil-valur tal-munita, ma jimplikax neċessarjament li t-tneħħija, mid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni, tal-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju medja hija illegali.

Fil-fatt, għalkemm l-istituzzjoni għandha tikkunsidra r-rati tal-kambju sabiex tiddetermina n-numru ta’ snin ta’ servizz meħuda inkunsiderazzjoni għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, hija għandha, madankollu, ċerta libertà sabiex tevalwa jekk għandhiex tikkoreġi, jekk ikun meħtieġ, l-effetti tal-varjazzjonijiet fil-valur tal-munita. Il-kompetenza tal-istituzzjoni f’dan il-qasam għandha biss il-konsegwenza li l-qrati tal-Unjoni jistħarrġu l-possibbiltà għal din l-istituzzjoni li ma żżommx iktar mekkaniżmu ta’ rata tal-kambju medja.

(ara l-punti 53 u 55 sa 57)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Diċembru 1998, Bang-Hansen vs Il‑Kummissjoni, T‑233/97, punt 38; 18 ta’ Marzu 2004, Radauer vs Il‑Kunsill, T‑67/02, punti 28 sa 31

4.      It-tneħħija, permezz tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni, tal-mekkaniżmu ta’ rata tal-kambju medja sabiex jiġi ddeterminat in-numru ta’ snin ta’ servizz fil-kuntest tat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ newtralità tal-Euro u kontra l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1103/97, dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-introduzzjoni tal-Euro. Il-prinċipju ta’ newtralità tal-Euro stabbilit mill-imsemmi regolament ma jipprojbixxix, bid-definizzjoni tiegħu stess, li istituzzjoni temenda l-leġiżlazzjoni applikabbli. Issa, id-deċiżjoni sabiex jitneħħa l-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju medja ttieħdet minħabba kunsiderazzjonijiet baġitarji u minħabba deċiżjoni politika li ma jiġix applikat iktar dan il-mekkaniżmu, vantaġġuż għall-uffiċjali li jkunu kisbu drittijiet f’ċerti Stati Membri, iżda hija ma hijiex il-konsegwenza tal-introduzzjoni tal-Euro. L-imsemmi mekkaniżmu tneħħa wkoll, inkluż għall-akkreditazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fl-Istati Membri li ma adottawx l-Euro.

(ara l-punti 64 u 65)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 11 ta’ Diċembru 2007, Kolountzios vs Il‑Kummissjoni, F‑117/07, punti 32 sa 35

5.      Fir-rigward tat-trasferiment ta’ drittijiet għall-pensjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa liberu li jżid f’kull mument mar-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal l-emendi li huwa jqis konformi mal-interess tas-servizz u li adotta, għall-futur, dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal iktar sfavorevoli għall-uffiċjali jew għall-membri tal-persunal ikkonċernati, sakemm madankollu jiġi stabbilit perijodu tranżitorju ta’ tul biżżejjed sabiex jiġi evitat li l-modalitajiet tal-kalkolu tal-pensjonijiet miksuba jkunu emendati għal għarrieda, li jkunu mħarsa d-drittijiet legalment miksuba mill-uffiċjali jew mill-membri tal-persunal u li l-persuni speċifikament ikkonċernati mil-leġiżlazzjoni l-ġdida jkunu ttrattati b’mod identiku. Dam japplika wkoll għad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni adottati mill-istituzzjonijiet, sakemm ma jidderogawx mid-dispożizzjonijiet ġerarkikament superjuri.

Fir-rigward tal-politika tal-persunal, il-qorti tal-Unjoni għandha biss tistħarreġ, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza kif ukoll ta’ dak ta’ nondiskriminazzjoni, li l-istituzzjoni kkonċernata ma tagħmilx distinzjoni arbitrarja jew manifestament mhux xierqa relatata mal-għan imfittex. Fil-fatt, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-metodi matematiċi ta’ konverżjoni tad-drittijiet għall-pensjoni, l-Unjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta hija tiddefinixxi l-elementi tas-sistema ta’ konverżjoni tal-fondi ttrasferiti fi snin ta’ servizz għall-pensjoni tal-Unjoni.

(ara l-punti 70 u 71)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 19 ta’ Marzu 1975, Gilet vs Il‑Kummissjoni, 28/74, punti 5 u 6; 11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il‑Kunsill, C‑227/04 P, punt 78 ; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il‑Kummissjoni, T‑135/05, punt 85; 20 ta’ Novembru 2007, Ianniello vs Il‑Kummissjoni, T‑308/04, punt 38; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 11 ta’ Diċembru 2007, Martin Bermelo vs Il‑Kummissjoni, F‑60/07, punti 55 u 56; 24 ta’ April 2008, Dalmasso vs Il‑Kummissjoni, F‑61/05, punt 78; 30 ta’ Novembru 2009, Ridolfi vs Il‑Kummissjoni, F‑3/09, punti 53 u 54

6.      F’sitwazzjoni fejn, peress li tnejn mill-motivi għaċ-ċaħda tal-ilment ta’ uffiċjal huma vvizzjati b’żball ta’ liġi, dan l-uffiċjal seta’ jaħseb li huwa kien intitolat jippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, iċ-ċirkustanzi tal-kawża jiġġustifikaw, skont l-Artikolu 87(2) u l-Artikolu 88 tar-Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li l-istituzzjoni, konvenuta, tbati nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent.

(ara l-punt 81)