Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja) fid-19 ta’ April 2019 – Porin kaupunki

(Kawża C-328/19)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein hallinto-oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Nobina Finland Oy

Partijiet oħra fil-proċedura: Porin Linjat Oy, Lyttylän Liikenne Oy

Domandi preliminari

L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-mudell tal-awtorità lokali responsabbli konformement mal-ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali inkwistjoni f’din il-kawża, jissodisfa l-kundizzjonijiet għal trasferiment ta’ kompetenzi li ma humiex koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (C-51/15, Remondis) jew għal kooperazzjoni orizzontali li ma hijiex suġġetta għall-obbligu ta’ sejħa għal offerti (C-386/11, Piepenbrock u l-ġurisprudenza ċċitata), jew dan jikkostitwixxi każ ieħor, it-tielet kawża differenti?

Jekk il-mudell ta’ awtorità lokali responsabbli konformement mal-ftehim ta’ kooperazzjoni jissodisfa l-kundizzjonijiet għal trasferiment ta’ kompetenzi: Fil-każ li l-kuntratti jingħataw wara li l-kompetenzi jkunu ġew ittrasferiti, l-entità pubblika li lilha jkunu ġew ittrasferiti l-kompetenzi hija kkunsidrata bħala l-awtorità kontraenti u, fuq il-bażi tal-kompetenzi lilha ttrasferiti mill-awtoritajiet lokali l-oħra bħala l-awtorità lokali responsabbli, din l-entità pubblika tista’ tagħti kuntratti għal servizzi lill-entità relatata mingħajr sejħa għal offerti, sa fejn, mingħajr il-prinċipju ta’ awtorità lokali responsabbli, l-għoti ta’ dawn il-kuntratti għal servizzi kien ikun assenjat lill-awtoritajiet lokali li ttrasferew il-kompetenza bħala l-funzjoni tagħhom stess?

Jekk, min-naħa l-oħra, il-mudell ta’ awtorità lokali responsabbli konformement mal-ftehim ta’ kooperazzjoni jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ kooperazzjoni orizzontali: l-awtoritajiet lokali li qed jipparteċipaw f’din il-kooperazzjoni jistgħu jagħtu kuntratti għal servizzi mingħajr ma joħorġu sejħiet għal offerti lil awtorità lokali li qed tieħu sehem fil-kooperazzjoni, li tat dawn il-kuntratti għal servizzi lil waħda mill-entitajiet relatati magħha mingħajr sejħa għal offerti?

Fil-kuntest ta’ verifika dwar jekk kumpannija twettaqx il-parti essenzjali tal-attivitajiet tagħha għall-awtorità lokali li hija ssuġġettata għall-kontroll tagħha, meta jiġi kkalkolat id-dħul mill-bejgħ relatat mal-awtorità lokali, id-dħul mill-bejgħ ta’ kumpannija proprjetà tal-awtorità lokali li teżerċita servizzi tat-trasport fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 2 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri”) jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ relatat mal-awtorità lokali sa fejn din il-kumpannija tikseb dan id-dħul mill-bejgħ minn servizzi tat-trasport organizzati mill-awtorità lokali bħala l-awtorità kompetenti fis-sens tar-Regolament dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132.

2     ĠU 2007, L 315, p. 1.