Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza) fl-24 ta’ Lulju 2018 – Groupe Lactalis vs Premier ministre, Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation, Garde des Sceaux, ministre de la Justice, Ministre de l’Économie et des Finances

(Kawża C-485/18)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Groupe Lactalis

Konvenuti: Premier ministre, Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation, Garde des Sceaux, ministre de la Justice, Ministre de l’Économie et des Finances

Domandi preliminari

L-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Otutbru 2011 1 , li jipprevedi b’mod partikolari li l-Kummissjoni tippreżenta rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza f’dak li jirrigwarda l-ħalib u l-ħalib użat bħala ingredjent, għandu jiġi kkunsidrat bħala li armonizza espressament din il-kwistjoni fis-sens tal-Artikolu 38(1) tal-istess regolament u jipprekludi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw miżuri li jeżiġu indikazzjonijiet obbligatorji supplimentari fuq il-bażi tal-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament?

Fil-każ li l-miżuri nazzjonali jkunu ġġustifikati mill-protezzjoni tal-konsumaturi fid-dawl tal-Artikolu 39(1), iż-żewġ kriterji previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu li jirrigwardaw, minn naħa, rabta pprovata bejn ċerti kwalitajiet tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu, u min-naħa l-oħra, il-prova li l-maġġoranza tal-konsumaturi jagħtu [importanza] sinjifikattiva lil din l-informazzjoni għandhom jinqraw flimkien u, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni tar-rabta pprovata tista’ tiġi bbażata biss fuq elementi li huma suġġettivi li jirrigwardaw l-importanza tal-assoċjazzjoni li l-maġġoranza tal-konsumaturi tagħmel bejn il-kwalità tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu?

Sa fejn il- proprjetajiet tal-ikel jistgħu jinftiehmu bħala li jinkludu l-elementi kollha li jikkontribwixxu għall-kwalità tal-ikel, il-kunsiderazzjonijiet relatati mal-kapaċità ta’ reżistenza tal-ikel għat-trasport u għar-riskji ta’ deterjorazzjoni tiegħu matul il-vjaġġ għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta pprovata bejn ċerti proprjetajiet tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 39(2)?

L-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 39 tippreżupponi li l- proprjetajiet ta’ ikel jitqiesu li huma uniċi minħabba l-oriġini jew il-provenjenza tagħhom jew li huma ggarantiti minħabba din l-oriġini jew din il-provenjenza u, f’dan l-aħħar każ, indipendentement mill-armonizzazzjoni tar-regoli sanitarji u ambjentali applikabbli fl-Unjoni Ewropea, l-indikazzjoni tal-oriġini jew tal-provenjenza tista’ tkun iktar speċifika minn indikazzjoni taħt il-forma “UE” jew “mhux tal-UE”?

____________

1 Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal- Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal- Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, p. 18, rettifika fil-ĠU L 266, p. 7).