Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het Bedrijfsleven (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-23 ta’ Lulju 2018 – Compaxo Vlees Zevenaar BV, Ekro BV, Vion Apeldoorn BV, Vitelco BV vs Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit

(Kawża C-478/18)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

College van Beroep voor het Bedrijfsle

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Compaxo Vlees Zevenaar BV, Ekro BV, Vion Apeldoorn BV, Vitelco BV

Konvenut: Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit

Domandi preliminari

Il-frażijiet “impjegati nvoluti fil-kontrolli uffiċjali” li tinsab fil-punt 1 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April  2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mas-saħħa ta’ l-annimali u mar-regoli dwar il-welfare ta’ l-annimali (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 882/2004”) u “impjegati nvoluti fil-kontrolli uffiċjali” * li tinsab fil-punt 2 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 882/2004, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ispejjeż (tas-salarji) li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ispejjeż għall-kontrolli uffiċjali, jistgħu jkunu biss spejjeż (tas-salarji) ta’ veterinarji uffiċjali u persunal awżiljarju uffiċjali li jwettqu l-ispezzjonijiet uffiċjali, jew fis-sens li l-ispejjeż (tas-salarji) ta’ persunal ieħor impjegat man-Nederlandse Voedsel- en Warenautoriteit (NVWA) (l-Awtorità Olandiża għall-Ikel u għall-Prodotti) jew mal-kumpannija privata Kwaliteitskeuring Dierlijke Sector (KDS) (Spezzjoni tal-Kwalità fis-Settur tal-Annimali) jistgħu jiġu inklużi wkoll?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fis-sens li l-ispejjeż (tas-salarji) ta’ persunal ieħor impjegat man-NVWA jew mal-KDS jistgħu jiġu inklużi wkoll fil-frażi “impjegati nvoluti fil-kontrolli uffiċjali” li tinsab fil-punt 1 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 u “impjegati nvoluti fil-kontrolli uffiċjali” * li tinsab fil-punt 2 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 882/2004, f’liema ċirkustanzi u f’liema limiti jibqa’ jkun hemm bejn il-kontrolli uffiċjali u l-ispejjeż esposti għal dan il-persunal l-ieħor relazzjoni b’tali mod li r-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż (tas-salarji) ikun jista’ jiġi bbażat fuq l-Artikolu 27(4) u l-punti 1 u 2 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 882/2004?

Il-parti inizjali tal-Artikolu 27, is-subparagrafu (a) tal-Artikolu 27(4) u l-punti 1 u 2 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 882/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li din il-parti inizjali tal-Artikolu 27, is-subparagrafu (a) tal-Artikolu 27(4) u dawn il-punti 1 u 2 ta’ dan l-Anness VI jipprekludu l-fatturazzjoni ta’ spejjeż lil biċċeriji għal kontrolli uffiċjali ta’ ħmistax-il minuta li dawn il-biċċeriji talbu mill-awtorità kompetenti iżda li ma ġewx maħduma effettivament?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 200.

*    NB: Kuntrarjament għall-verżjoni fil-lingwa Maltija li ssemmi bl-istess mod fil-punti 1 u 2 l-“impjegati nvoluti fil-kontrolli uffiċjali”, il-verżjoni fil-lingwa Olandiża tal-punt 2 iċċitat tinkludi fil-konfront tal-punt 1 (fit-twettiq): “impjegati nvoluti (fit-twettiq) tal-kontrolli uffiċjali”.

*     NB: Kuntrarjament għall-verżjoni fil-lingwa Maltija li ssemmi bl-istess mod fil-punti 1 u 2 l-“impjegati nvoluti fil-kontrolli uffiċjali”, il-verżjoni fil-lingwa Olandiża tal-punt 2 iċċitat tinkludi fil-konfront tal-punt 1 (fit-twettiq): “impjegati nvoluti (fit-twettiq) tal-kontrolli uffiċjali”.