Language of document : ECLI:EU:C:2019:747

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-17 ta’ Settembru 2019 (1)

Kawża C489/19 PPU

NJ (Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna)

Proċedura kriminali

fil-preżenza ta’:

Generalstaatsanwaltschaft Berlin

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 6(1) – Awtorità ġudizzjarja emittenti – Indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur mill-poter eżekuttiv – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn prosekutur u approvat, wara stħarriġ eżawrjenti, minn qorti tad-dritt komuni qabel ma jiġi implimentat”






1.        Fis-sentenza OG u PI (2), deċiża mill-Awla Manja, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI (3), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jikkonċernax lill-Uffiċċji tal‑Prosekutur ta’ Stat Membru li huma esposti għar‑riskju li jiġu suġġetti għal ordnijiet jew għal struzzjonijiet individwali min-naħa tal‑poter eżekuttiv, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), li hija adita minn talba ta’ konsenja maħruġa mill-awtoritajiet Awstrijaki, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l‑applikazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza u dwar il-kriterji ta’ evalwazzjoni li għandhom jintużaw f’dan il-każ, fir-rigward ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn Uffiċċju tal-Prosekutur u preċedentement approvat minn qorti (4).

 Il-kuntest legali

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584

2.        Fil-premessi tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-leġiżlatur tal‑Unjoni jagħmel id-dikjarazzjonijiet segwenti:

“(5)      L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u jbiddlu b’sistema ta’ ċediment bejn awtoritajiet ġudizzjarji. ’Il fuq minn dan, l-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ssimplifikata ta’ ċediment ta’ persuni mogħtija sentenza jew suspettati ġħall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni jew prosekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jagħmel possibbli t-tneħħija tal-komplessità u potenzjal għad-dewmien inerenti fil‑proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ koperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu mibdula b’sistema ta’ moviment liberu ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tinata’ s‑sentenza kif ukoll dawk finali, ġo żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(6)      Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Qafas hi l‑ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l‑prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew irrefera għalih bħala l-‘punt ta’ referenza’ tal-koperazzjoni ġudizzjarja.

[…]

(8)      Deċiżjonijiet fuq l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhom ikunu suġġetti għal kontrolli suffiċjenti, li jfisser li awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata jkollha tieħu d-deċiżjoni fuq iċ-ċediment tiegħu jew tagħha.

[…]

(10)      Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ vjolazzjoni serja u persistenti minn wiehed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tat‑Trattat fuq l-Unjoni Ewropea, determinati mill-Kunsill skond l‑artikolu 7(1) tat-Trattat imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl‑Artikolu 7(2) tiegħu.

[…]

(12)      Din id-Deċiżjoni Kwadru hi in konformità mad-drittijiet fondamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta […], partikolarment il-Kapitolu VI tiegħu. […]”

3.        L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”, jipprevedi:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u ċ-ċediment minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-iskopijiet tat-tmexxija ta’ prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-priċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 [TUE].”

4.        L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jipprevedi:

“Mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jiġi maħruġ għal atti li huma punibbli mil-liġi ta’ l-Istat Membru li joħorġu bi sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas 12‑il xahar jew, fejn sentenza ġiet mogħtija jew ordni ta’ detenzjoni ġiet magħmula, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur.”

5.        Skont l-Artikolu 2(2) tal-istess deċiżjoni qafas, jekk huma punibbli fl-Istat Membru emittenti b’piena jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin kif iddefiniti mil-liġi tal-Istat Membru emittenti, il‑ksur elenkati f’din id-dispożizzjoni jwasslu għal konsenja abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u mingħajr verifika tal‑prinċipju ta’ ne bis in idem. Dan huwa l-każ għal serq organizzat jew bl-użu ta’ armi (5).

6.        L-Artikoli 3, 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jelenkaw il-motivi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni mandatorju u fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

7.        Skont l-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti”:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-manadat għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru li joħroġ Il-mandat li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew bis-saħħa tal-liġi ta’ dak l-Istat.

2.      L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru li jesegwixxi li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew bis-saħħa tal-liġi ta’ dak l-Istat.

3.      Kull Stat Membru għandu jinforma s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.”

8.        L-Artikolu 8 tal-imsemmija deċiżjoni qafas jirregola l-kontenut u l-forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

9.        L-Artikolu 11 tal-istess deċiżjoni qafas, dwar id-drittijiet tal-persuna rikjesta, jipprevedi li “[m]eta persuna rikjesta hi arrestata, l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi kompetenti għandha, skond il-liġi nazzjonali tagħha, tinforma dik il‑perusna [bi]l-mandat ta’ arrest Ewropew u [bi]l-kontenut tiegħu, u wkoll tal-possibbiltà li tikkunsenta għaċ-ċediment lill-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat”.

10.      L-Artikolu 14 jippevedi li “[f]ejn il-persuna arrestata ma tagħtix kunsens għall-konsenja tagħha kif imsejħa fl-Artikolu 13, il-persuna għandha tkun intitolata li tinstema’ mill-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru li jesgwixxi”.

 Id-dritt Awstrijak

11.      L-Artikolu 2(1) tal-iStaatsanwaltschaftsgesetz (il-Liġi dwar l‑Uffiċċji tal-Prosekutur, iktar ’il quddiem l-“iStAG”) jipprevedi:

“Fi ħdan kull Landesgericht (Qorti Reġjonali) adita minn kawżi kriminali, hemm Uffiċċju tal-Prosekutur; fi ħdan kull Oberlandesgericht (Qorti Reġjonali Superjuri), hemm Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali; u fl‑Obersten Gerichtshof (il-Qorti Suprema), il-Prosekutur Ġenerali. L‑Uffiċċji tal-Prosekutur jirrispondu direttament lill-Uffiċċji tal‑Prosekutur Ġenerali u huma suġġetti għall-ordnijiet tagħhom u dawn kif ukoll il-Prosekutur Ġenerali huma suġġetti għall-Ministru Federali tal-Ġustizzja”.

12.      L-Artikolu 29 tal-Gesetz über die Justizielle Zusammenarbeit in Strafsachen mit den Mitgliedstaaten der Europäischen Union (il-Liġi dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja f’Materji Kriminali mal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, iktar ’il quddiem l-“EU‑JZG”) jistabbilixxi r-rekwiżit ta’ approvazzjoni ġudizzjarja tal-mandat ta’ arrest Ewropew (liema approvazzjoni ngħatat, f’dan il-każ). L-ewwel sentenza tal‑Artikolu 29(1) tal-EU‑JZG tipprevedi dan li ġej:

“L-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu jordna l-arrest permezz ta’ mandat ta’ arrest Ewropew approvat ġudizzjarjament u għandu jiżgura, jekk ikun il-każ, in-notifika tal-persuna mfittxija fis-sistema ta’ informazzjoni Schengen skont l-Artikolu 95 tax-Schengener Durchführungsübereinkommen [il-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen] permezz tal-awtoritajiet kompetenti ta’ sigurtà meta jkun il-każ li jinħareġ avviż ta’ tfittxija ta’ persuna sabiex tiġi arrestata tal-inqas fi Stat Membru wieħed”.

13.      Fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ ġudizzjarju, il-kriterji ta’ legalità u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu osservati skont l-Artikolu 5(1) u (2) tal‑iStrafprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem is-“StPO”):

“(1)      Fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom u tal-ġbir tal-provi, il-pulizija kriminali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-qorti ma jistgħux jippreġudikaw id-drittijiet tal-persuni ħlief jekk dan ikun previst mil-liġi b’mod espress u biss sa fejn ikun neċessarju għat-twettiq tad-doveri tagħhom. Kull preġudizzju ta’ dritt ikkawżat għal din ir-raġuni għandu jibqa’ proporzjonat mal-gravità tal-ksur, mal-grad ta’ ħtija tal-persuna ssuspettata u mar-riżultat imfittex.

(2)      Fl-għażla bejn doveri differenti u miżuri koerċittivi effettivi differenti, il-pulizija kriminali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-qorti għandhom jużaw dak li jippreġudika l-inqas lid-drittijiet tal-persuni kkonċernati. Il-kompetenzi mogħtija mil-liġi għandhom jiġu eżerċitati f’kull stadju tal-proċedura b’mod li jiġi evitat li ssir sensazzjoni inutli, tiġi rrispettata d-dinjità tal-persuni kkonċernati u jiġu protetti d‑drittijiet u l-interessi li jixirqilhom li jiġu protetti”.

14.      Skont l-Artikolu 87(1) tas-StPO, l-approvazzjoni ġudizzjarja hija appellabbli (6).

15.      Il-proċedura ta’ approvazzjoni ġudizzjarja hija rregolata mill‑Artikolu 150 tas-StPO:

“(1)      Hija l-qorti li għandha tiddeċiedi dwar it-talbiet għall-kundanna għall-arrest preventiv jew għall-estensjoni tal-arrest preventiv kif ukoll dwar l-approvazzjoni ta’ ċerti miżuri koerċittivi. Il-qorti għandha tagħti terminu ta’ twettiq għall-miżura approvata taħt piena ta’ dekadenza (Artikolu 101(3)). Jekk tkun ġiet ordnata n-notifika għall-arrest, skont l‑Artikolu 169, it-terminu ma jibdiex jiddekorri matul il-perijodu ta’ validità tan-notifika iżda huwa l-Uffiċċju tal-Prosekutur li għandu jivverifika tal-inqas darba fis-sena jekk il-kundizzjonijiet tal-arrest għadhomx issodisfatti.

(2)      Jekk, għal raġunijiet legali jew prattiċi, huma meħtieġa doveri kumplimentari sabiex tiġi deċiża talba skont il-paragrafu (1), il-qorti għandha tordna lill-pulizija kriminali twettaqhom jew twettaqhom hi ex officio. Din tista’ wkoll titlob lill-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-pulizija kriminali biex jippreċiżaw elementi fattwali tal-fajl u jippreżentaw rapport dwar l‑eżekuzzjoni tal-miżura approvata u tad-doveri kumplimentari. Wara l‑kundanna għad-detenzjoni provviżorja, il-qorti tista’ tordna li minn dakinhar ’il quddiem tirċievi kopja tad-dokumenti tal-fajl, imsemmija fil-punti 2 u 3 tal-Artikolu 52(2)”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16.      Bis-saħħa tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ f’dan il-każ, l‑awtoritajiet Awstrijaki talbu l-arrest ta’ NJ u l-konsenja tiegħu għall‑proċeduri kriminali, minħabba li l-persuna kkonċernata wettqet il-fatti segwenti fi Vjenna, l-Awstrija.

17.      Fid-9 ta’ Awwissu 2018, NJ daħal, flimkien ma’ persuna oħra, f’kowċ tat-turisti tal-impriża SQ Equipment Leasing Polska u minnu seraq apparat fotografiku u basket, żewġ basktijiet li jinġarru mad‑dahar, portmoni u CYN 1 000 (renminbi yuan Ċiniż) (madwar EUR 128) f’kontanti. Fl-istess ċirkustanzi, NJ seraq ukoll il-karta ta’ kreditu ta’ vittma. Fl‑10 ta’ Awwissu 2018, NJ daħal, flimkien ma’ persuna oħra, f’vettura tal-impriża W. E. Blaschitz, sabiex minnha jisraq xi oġġetti, iżda ħarab b’idu f’idu wara li ġie sorpriż minn terz, li ma segwihomx peress li kellhom sikkina. Fis-17 ta’ Awwissu 2018, NJ seraq, flimkien ma’ persuna oħra, basket li kien fih portmoni, telefon ċellulari u nuċċali b’valur totali ta’ EUR 950, kif ukoll EUR 50 f’kontanti; NJ seraq dan il-basket waqt li l-persuna li kienet miegħu aljenat lir-raġel tal-vittma. Fit‑18 ta’ Awwissu 2018, NJ daħal, flimkien ma’ persuna oħra, f’vettura ta’ terz billi kisser il-ħġieġa tal-ġenb, sabiex jisraq oġġetti minnha, iżda ma sab xejn fiha (iktar ’il quddiem ir-“reati kriminali allegati”).

18.      B’effett mill-14 ta’ Mejju 2019, NJ kien suġġett ta’ miżura ta’ detenzjoni provviżorja minħabba serq fil-kuntest ta’ proċedura mibdija mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Berlin (il-Ġermanja). Il-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna fis‑16 ta’ Mejju 2019, approvat mill-qrati permezz ta’ digriet tal‑Landesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali ta’ Vjenna, l-Awstrija) tal‑20 ta’ Mejju 2019, juri li NJ kien is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali, bl-istess numru ta’ referenza tal-kawża, maħruġ mill‑Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna fl-14 ta’ Mejju 2019, approvat ġudizzjarjament mill-istess qorti reġjonali fis-16 ta’ Mejju 2019, fir-rigward tar-reati kriminali allegati.

19.      Fl-24 ta’ Mejju 2019, NJ wera n-nuqqas ta’ qbil tiegħu dwar konsenja ssimplifikata (7). Permezz ta’ digriet tad-29 ta’ Mejju 2019, il‑qorti tar-rinviju ddeċidiet biss dwar miżura ta’ detenzjoni provviżorja fir-rigward ta’ NJ (minħabba dubji dwar l-awtorità ġudizzjarja emittenti tal-mandat ta’ arrest Ewropew), filwaqt li rrilevat li l-persuna kkonċernata kienet diġà arrestata.

20.      Skont id-dikjarazzjoni (8) li għamel wara s-sentenza OG u PI (9), il‑Gvern Awstrijak iqis li l-imsemmija sentenza ma għandhiex effett għar-Repubblika tal-Awstrija, għaliex il-proċedura stabbilita fid-dritt Awstrijak (10) tikkorrispondi, fil-fehma tiegħu, għar-rekwiżiti esposti f’din is-sentenza. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma taqbilx ma’ din l‑analiżi għaliex, fil-fehma tagħha, il-kundizzjonijiet imsemmija fil‑punti 74 u 75 tas-sentenza OG u PI huma kumulattivi (u mhux alternattivi, hekk kif jidher li jiddikjara l-Gvern Awstrijak fl-imsemmija dikjarazzjoni) (11).

21.      Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda segwenti lill-Qorti tal‑Ġustizzja:

“L-ordnijiet li tkun suġġetta għalihom prosekuzzjoni jipprekluduha milli toħroġ validament mandat ta’ arrest Ewropew anki jekk din id-deċiżjoni tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju eżawrjenti qabel l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew?”

22.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Awstrijak u dak Ġermaniż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. L‑istess partijiet u l-Gvern Spanjol għamlu sottomissjonijiet orali waqt is-seduta li saret fit-3 ta’ Settembru 2019.

 Dwar l-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

23.      Il-qorti tar-rinviju talbet sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl‑Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

24.      Insostenn ta’ din it-talba, il-qorti tar-rinviju osservat li l-persuna kkonċernata kienet fil-preżent imċaħħda mil-libertà tagħha doppjament. Fil-fatt, minn naħa, din kienet suġġetta għal detenzjoni provviżorja fil-kuntest ta’ proċedura kriminali mibdija fil-konfront tagħha fil-Ġermanja (iktar ’il quddiem l-“ewwel detenzjoni provviżorja”), minħabba fatti li ma humiex relatati mal-kawża prinċipali. Peress li għandha tul massimu ta’ sitt xhur, din l-ewwel detenzjoni provviżorja tista’ tintemm fi kwalunkwe mument. Min-naħa l-oħra, filwaqt li esprimiet dubji dwar l-awtorità ġudizzjarja emittenti u dwar il-validità tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ordnat miżura ta’ detenzjoni provviżorja oħra, minħabba ċ-ċediment eventwali tal‑persuna kkonċernata lill-awtoritajiet Awstrijaki (iktar ’il quddiem it-“tieni detenzjoni provviżorja”). Din it-tieni miżura tidħol fis‑seħħ biss wara l-iskadenza tal-ewwel detenzjoni provviżorja u legalment ma tistax teċċedi l-perijodu ta’ xahrejn.

25.      Mill-elementi kkomunikati mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, minn naħa, is-sentenza li tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha effett fuq il-perijodu tat-tieni detenzjoni provviżorja u, għalhekk, fuq il‑perijodu totali tad-detenzjoni tal-persuna kkonċernata u li, min-naħa l‑oħra, jeżisti riskju reali, b’mod partikolari skont il-perijodu tal-ewwel detenzjoni provviżorja u tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-persuna kkonċernata jkollha tingħata l-libertà u li tkun tista’ tevadi l-proċeduri kriminali mibdija kontra tagħha, u b’hekk tiġi ostakolata l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-awtoritajiet Awstrijaki.

26.      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li taqa’ fl-oqsma elenkati fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, fil‑qasam ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja. L-imsemmi rinviju għalhekk jista’ jkun suġġett għall-proċedura għal deċiżjoni preliminari b’urġenza, bis-saħħa tal-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti tal-Ġustizzja.

27.      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju relatat mal-urġenza, għandu jiġi kkonstatat li l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali hija fil-preżent imċaħħda mil-libertà u li s-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali jista’ jkollha rilevanza sinjifikattiva fuq it-tul ta’ tali ċaħda (12). Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata għandha tiġi evalwata skont kif tkun fis-seħħ fid-data tal-eżami tat-talba intiża sabiex ir-rinviju preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari (13). F’dan il‑każ, huwa stabbilit li, fid-data tal-eżami tat-talba mressqa mill-qorti tar-rinviju, il-persuna kkonċernata kienet effettivament arrestata u li ż-żamma taħt arrest tagħha kienet tiddependi, b’mod partikolari, mid-deċiżjoni tal‑kawża prinċipali (14).

28.      Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-riskju li l-persuna kkonċernata tingħata l-libertà, liema ħaġa tista’ tikkawża preġudizzju, f’dan il‑każ, għall-effettività tas-sistema ta’ ċediment stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u għall-osservanza tal-obbligu li jiġi eżegwit il-mandat ta’ arrest Ewropew, obbligu li huwa ċentrali skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja (15).

29.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-11 ta’ Lulju 2019, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, u wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex tissuġġetta dan ir-rinviju preliminari għal proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

 Analiżi

 Osservazzjonijiet preliminari

30.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din il-kawża taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Fil-fatt, il-fatti allegati jkopru, parzjalment, ksur li jissodisfa l-kriterju ta’ kriminalità doppja, imsemmi fl-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni qafas u, min-naħa l‑oħra, ksur elenkat fl-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni qafas (peress li dawn il-fatti setgħu jikkostitwixxu serq organizzat jew bl-użu ta’ armi) (16).

31.      Barra minn hekk, mill-istess talba jirriżulta wkoll li l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Uffiċċju tal‑Prosekutur ta’ Vjenna jissodisfa r-rekwiżiti ta’ kontenut u ta’ forma msemmija fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

32.      Qabel ma nibda l-analiżi tiegħi, għandi nikkjarifika l-portata tad‑domanda preliminari.

33.      Fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tistabbilixxi jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna jikkostitwixxix “awtorità ġudizzjarja emittenti” u jissodisfax ir‑rekwiżiti ta’ indipendenza, fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża OG u PI, minħabba li, minn naħa, dan l-Uffiċċju tal-Prosekutur jista’ jkun suġġett għal struzzjonijiet individwali min-naħa tal-eżekuttiv, iżda li, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tiegħu li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew hija dejjem suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju minn qabel ma jidħol fis-seħħ (jiġifieri stħarriġ ex ante li, f’dan il-każ, jieħu l-forma ta’ approvazzjoni ġudizzjarja).

34.      Fi kliem ieħor, din id-domanda preliminari għalhekk ma tirrigwardax sitwazzjoni li fiha Uffiċċju tal-Prosekutur potenzjalment suġġett għal struzzjonijiet individwali min-naħa tal-eżekuttiv joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew li jipproduċi l-effetti tiegħu u li minnu l‑persuna kkonċernata tista’ tappella, li jwassal għal stħarriġ ġudizzjarju sussegwenti (stħarriġ ex post). Bħall-Kummissjoni, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li tali stħarriġ ġudizzjarju a posteriori ma jikkostitwixxix garanzija ta’ indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur (17).

 Riferimenti għat-tagħlimiet tas-sentenza OG u PI

35.      Qabel kollox nirrileva li s-sentenza OG u PI ngħatat abbażi ta’ rinviji għal deċiżjoni preliminari mressqa minn żewġ qrati Irlandiżi fil‑kuntest tal‑eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa rispettivament, fil-Kawża C‑508/18, mill-iStaatsanwaltschaft bei dem Landgericht Lübeck (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Lübeck, il-Ġermanja) fir-rigward ta’ proċeduri kriminali mibdija fir-rigward ta’ OG u, fil‑Kawża C‑82/19 PPU, mill-iStaatsanwaltschaft Zwickau (l-Uffiċċju tal‑Prosekutur ta’ Zwickau, il-Ġermanja) fir-rigward ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra PI.

36.      Il-persuni kkonċernati, OG u PI, kienu sostnew li l-Uffiċċji tal‑Prosekutur li kienu ħarġu dawn il-mandati ta’ arrest ma kinux “awtoritajiet ġudizzjarji emittenti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584 u li, għalhekk, l-imsemmija mandati ma kinux validi.

37.      Il-qrati tar-rinviju Irlandiżi staqsew lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal‑imsemmi Artikolu 6(1) tad-deċiżjoni qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Stat Membru li għandhom kompetenza li jressqu proċeduri kriminali u li għandhom relazzjoni ta’ subordinazzjoni fir-rigward ta’ organu tal-poter eżekuttiv ta’ dan l‑Istat Membru, bħal Ministru tal-Ġustizzja, u jistgħu jkunu suġġetti, direttament jew indirettament, għal ordnijiet jew struzzjonijiet individwali min-naħa ta’ dan tal-aħħar fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni relatata mal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

38.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tat risposta negattiva għal din id-domanda.

39.      Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret qabel kollox il‑prinċipju li jgħid li t-termini “awtorità ġudizzjarja” għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu u uniformi. Barra minn hekk, filwaqt li ċċitat ġurisprudenza preċedenti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li dawn it-termini “ma jindikawx biss l-imħallfin u l-qrati ta’ Stat Membru, iżda għandhom jinftiehmu li jkopru, b’mod iktar wiesa’, l‑awtoritajiet imsejħa sabiex jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal‑ġustizzja kriminali ta’ dan l-Istat Membru, b’mod differenti, b’mod partikolari, mill-ministeri jew mis-servizzi tal-pulizija, li huma taħt l‑awtorità tal-poter eżekuttiv” (18).

40.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li awtorità, bħal Uffiċċju tal-Prosekutur, li għandha l-kompetenza, fil-kuntest tal‑proċedura kriminali, li tmexxi proċeduri fir-rigward ta’ persuna ssuspettata li wettqet reat kriminali sabiex din titressaq quddiem qorti, għandha titqies li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal‑ġustizzja tal-Istat Membru kkonċernat.

41.      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq ir-rekwiżit ta’ indipendenza applikabbli għall-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti (19).

42.      Wara li fakkret li s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew kienet tinkludi “protezzjoni fuq żewġ livelli” tad-drittijiet proċedurali u tad‑drittijiet fundamentali li minnhom għandha tibbenefika l-persuna mfittxija (20), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat il-prinċipju stabbilit (b’mod partikolari) fis-sentenza tagħha Kovalkovas (21), li jgħid li t-tieni livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata “jimplika li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti, permezz tad-dritt nazzjonali, sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew għandha, b’mod partikolari, tivverifika l‑osservanza tal-kundizzjonijiet neċessarji għal dan il-ħruġ u għandha teżamina l-punt ta’ jekk, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet ta’ kull każ, l‑imsemmi ħruġ huwiex ta’ natura proporzjonata” (22). B’dan il-mod, dan it-tieni livell ta’ protezzjoni jinkludi għalhekk stħarriġ ta’ legalità u ta’ proporzjonalità tal-mandat ta’ arrest Ewropew hekk maħruġ.

43.      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 74 u 75 tas‑sentenza OG u PI, li għandhom jiġu ċċitati in extenso, iddeċidiet li:

“74.      […] l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun tista’ tagħti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni l-assigurazzjoni li, fid-dawl tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru emittenti, hija qed taġixxi b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha inerenti fir-rigward tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Din l-indipendenza teħtieġ li jkun hemm regoli statutorji u organizzattivi sabiex jiġi żgurat li l-awtorita ġudizzjarja emittenti ma tkunx esposta, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni biex jinħareġ tali mandat ta’ arrest, għal xi riskju li tkun suġġetta b’mod partikolari għal struzzjonijiet individwali mill-poter eżekuttiv.

75.      Barra minn hekk, meta d-dritt tal-Istat Membru emittenti jagħti s-setgħa sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew lil awtorità li, waqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dak l-Istat Membru, ma hijiex fiha nfisha qorti, id-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest bħal dan u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità ta’ deċiżjoni bħal din għandhom ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju, f’dak l-Istat Membru, li jissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.”

44.      Barra minn hekk, fir-rigward tar-riskju li l-poter eżekuttiv jista’ jeżerċita influwenza fuq l-Uffiċċju tal-Prosekutur f’każ individwali, il‑Qorti tal-Ġustizzja spjegat ukoll, fil-punti 85 u 87 tas-sentenza tagħha li:

“85.      Din il-kunsiderazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li, kif argumenta l-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja, id-deċiżjoni tal-Uffiċċji tal-Prosekutur, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jkun suġġett għal rimedju mill-persuna kkonċernata quddiem il‑qrati Ġermaniżi kompetenti.

[…]

87.      Fil-fatt, jekk tali rimedju jagħmilha possibbli li jiġi żgurat li l‑eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur jiġi suġġett għall‑possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju a posteriori, eventwali struzzjoni individwali mill-Ministru għall-Ġustizzja fir-rigward tal‑Uffiċċji tal-Prosekutur meta joħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew tibqa’, fi kwalunkwe każ, permessa mil-liġi Ġermaniża.”

45.      Dawn id-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja huma rrepetuti fis‑sentenza PF (23), mogħtija fl-istess jum bħas-sentenza OG u PI u li min-naħa tagħha tirrigwarda l-indipendenza tal-Prokuratur Ġenerali tal‑Litwanja. Hawnhekk nosserva li l-punti 52 u 53 tas-sentenza PF huma identiċi għall-punti 74 u 75 tas-sentenza OG u PI.

46.      Għalkemm, fl-imsemmija sentenza OG u PI, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Uffiċċji tal-Prosekutur Ġermaniżi ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ indipendenza msemmi iktar ’il fuq, din, għall-kuntrarju, ikkunsidrat, fis-sentenza PF, li l-Prokuratur Litwan kien jaġixxi mingħajr influwenza esterna u li l-istatus kostituzzjonali tiegħu kien tali li jiżgura “mhux biss […] l-oġġettività tal-missjoni tiegħu”, iżda wkoll garanzija ta’ indipendenza mill-poter eżekuttiv meta jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew (24).

47.      Issa, dawn ir-riferimenti li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza għandhom jiġu applikati fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

 L-awtorità ġudizzjarja emittenti f’dan il-każ fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584

48.      Organu nazzjonali bħall-Uffiċċju tal-Prosekutur Awstrijak jikkostitwixxi awtorità ġudizzjarja fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584?

49.      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet u s‑sottomissjonijiet tagħhom waqt is-seduta, huwa stabbilit li l-fatt li l‑imsemmi Uffiċċju tal-Prosekutur jista’ jiġi suġġett għal struzzjonijiet individwali min-naħa tal-poter eżekuttiv ma jostakolax il-ħruġ validu ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, sa fejn dan ikun suġġett għal approvazzjoni minn qabel u sistematika minn qorti (25). F’dan ir-rigward, nirrileva li fid-dritt Awstrijak, il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax ikollu effetti ġuridiċi ħlief b’effett mill-imsemmija approvazzjoni tiegħu. Mandat ta’ arrest Ewropew li ma jkollux approvazzjoni (wara rifjut tal-qorti adita) jibqa’ ineffettiv.

50.      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li dan l-Uffiċċju tal‑Prosekutur jikkostitwixxi awtorità li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali (26), inkwantu l-imsemmi Uffiċċju tal-Prosekutur għandu l-kompetenza, fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, li jibda proċeduri kontra persuna ssuspettata li wettqet reat kriminali sabiex din titressaq quddiem qorti (27).

51.      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, iżda wkoll mill‑osservazzjonijiet bil-miktub u orali tal-Gvern Awstrijak, fid-dritt kriminali Awstrijak, l-akkuża ssir mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, li b’hekk għandu jiġbor minn qabel l-informazzjoni meħtieġa. L-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu rwol ta’ gwida fil-kuntest tal-proċedura ta’ informazzjoni dwar il-kawża kriminali. L-Uffiċċju tal-Prosekutur jirrapporta dwar il‑progress tal-proċedura ta’ informazzjoni u jżomm il-fajl dwar il-kawża kriminali. F’dan il-kuntest, l-imsemmi Uffiċċju tal-Prosekutur jista’ jagħti ordnijiet lill-pulizija kriminali inkarigata mill-investigazzjonijiet jew – jekk dan ikun iktar effettiv – iwettaq hu stess id-doveri ta’ investigazzjoni.

52.      Fil-kuntest tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew waqt il‑proċedura ta’ informazzjoni dwar il-kawża kriminali (qabel ma jiġi evalwat), l‑Uffiċċju tal-Prosekutur għandu jordna l-arrest, suġġett għall‑approvazzjoni ġudizzjarja msemmija fl-ewwel sentenza tal‑Artikolu 29(1) tal-EU‑JZG (din hija suġġetta għal appell, skont l‑Artikolu 87(1) tas-StPO, diversament mid-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal‑Prosekutur bħala tali).

53.      B’dan il-mod, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Awstrijak jista’ jassumi r-rwol ta’ awtorità ġudizzjarja emittenti, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584, sakemm il-kriterju ta’ indipendenza indikat fis-sentenza OG u PI jiġi ssodisfatt. Ser nerġa’ nirreferi għal dan il-punt iktar tard f’dawn il-konklużjonijiet (28).

54.      Madankollu, qabel ma nipproċedi bl-eżami tal-garanziji ta’ indipendenza fil‑kuntest tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mill-imsemmi Uffiċċju tal-Prosekutur, għandu jiġi kkjarifikat il-punt segwenti. Kuntrarjament għal dak li l-Gvern Awstrijak u dak Ġermaniż, kif ukoll il-Kummissjoni, jidher li ddikjaraw meta rreferew għas‑sentenza Özçelik (29), jidhirli li l-qorti inkarigata mill‑approvazzjoni ġudizzjarja tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma tistax tiġi kklassifikata bħala l‑awtur effettiv tal-imsemmi mandat b’assimilazzjoni, u dan għal tliet raġunijiet.

55.      L-ewwel nett, nirrileva li l-proċedura ta’ kontestazzjoni tal‑kawża Özçelik kienet tirrigwarda mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ minn servizz tal-pulizija Ungeriża u “vvalidat” mill-Uffiċċju tal‑Prosekutur. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d‑deċiżjoni li permezz tagħha l-Uffiċċju tal-Prosekutur kien ivvalida l‑mandat ta’ arrest maħruġ mis-servizz tal-pulizija msemmi kienet tikkostitwixxi l-bażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ f’dan il‑kuntest. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-validazzjoni, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, tal-mandat ta’ arrest maħruġ minn dan is-servizz tal‑pulizija kien att ġuridiku li permezz tiegħu l-Uffiċċju tal-Prosekutur jistħarreġ u jikkonferma dan il-mandat ta’ arrest. Wara din il‑validazzjoni, li tinsab fil-mandat ta’ arrest Ewropew, l-Uffiċċju tal‑Prosekutur kellu jitqies bħala l-entità responsabbli mill-ħruġ tal-mandat ta’ arrest nazzjonali b’assimilazzjoni.

56.      B’dan il-mod, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għall‑Uffiċċju tal-Prosekutur, tali servizz tal-pulizija ma seta’ qatt jiġi kklassifikat bħala awtorità ġudizzjarja, inkwantu jaqa’ bħala struttura taħt l-eżekuttiv (30). Huwa preċiżament għal din ir-raġuni li l-Uffiċċju tal‑Prosekutur jikkostitwixxi, permezz tal-mekkaniżmu tal-validazzjoni, l-unika awtorità ġudizzjarja li tista’ toħroġ b’mod validu mandat ta’ arrest Ewropew skont l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

57.      F’dan il-każ, kif irrilevajt preċedentement fil-punt 53 iktar ’il fuq, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Awstrijak jista’ jikkostitwixxi awtorità li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali, awtorizzata b’hekk li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew. Ipso facto, is-sitwazzjoni ta’ tali Uffiċċju tal-Prosekutur ma hijiex paragunabbli ma’ dik tas‑servizz tal-pulizija kkontestata fil-kawża Özçelik.

58.      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, fis-sistema proċedurali stabbilita mil-leġiżlatur Awstrijak, teżisti distinzjoni ċara ħafna bejn il‑fażi ta’ informazzjoni dwar il-kawża kriminali (qabel ma tiġi eżaminata), li fil-kuntest tagħha l-Uffiċċju tal-Prosekutur jeżerċita funzjoni ta’ gwida sabiex jiġbor il‑provi kollha neċessarji, u l-proċedura prinċipali, li fiha t-tmexxija tal‑proċess taqa’ fuq il-qorti adita (li, b’dan il-mod, hija awtorizzata tordna arrest permezz tal-mandat ta’ arrest Ewropew, jekk ikun il-każ fuq proposta tal-Uffiċċju tal-Prosekutur).

59.      Matul il-fażi tal-informazzjoni, l-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-qorti inkarigata mill-approvazzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jeżerċitaw prerogattivi ta’ natura differenti. L-inizjattiva tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest taqa’ fuq l-Uffiċċju tal-Prosekutur (li jordna l-arrest, skont l‑Artikolu 171 tas-StPO). B’dan il-mod, huwa l-Uffiċċju tal-Prosekutur li “jiġġestixxi l-proċedura” (31) u li jistabbilixxi b’mod partikolari l‑opportunità ta’ tali miżura (32). F’dan il-kuntest, ir-rwol tal-qorti essenzjalment huwa li teżamina l-legalità u l-proporzjonalità tad‑deċiżjoni meħuda mill-Uffiċċju tal-Prosekutur (fil-prattika miġbura f’formola), skont l-Artikolu 5(1) u (2) tas-StPO. F’dan il-kuntest, il-qorti hija mitluba teżamina l-fajl komplet li jkun ġie mgħoddi lilha (l‑imsemmi fajl ikun fih kopja tal-ordnijiet indirizzati lill-Uffiċċju tal-Prosekutur minn entitajiet superjuri bħall-poter eżekuttiv). Jekk tħoss li jkun neċessarju, il-qorti tista’ tordna jew twettaq doveri ta’ investigazzjoni supplimentari f’dan il-kuntest. Jekk, wara dan l‑istħarriġ, il-qorti tagħti l-approvazzjoni tagħha, din tkun fil-forma ta’ sempliċi sentenza, miżjuda fil-formola. L-approvazzjoni ma hijiex akkumpanjata minn ordni mogħtija lill-Uffiċċju tal-Prosekutur dwar l‑eżekuzzjoni tal-miżura kkonċernata: il-qorti sempliċement tistabbilixxi terminu ta’ validità tal-approvazzjoni (li jekk ma jiġix osservat iwassal għan-nullità tal-miżura inkwistjoni). Meta tingħata din l-approvazzjoni, huwa l-Uffiċċju tal-Prosekutur li għandu jiffirma l-mandat ta’ arrest Ewropew, u li għandu jimplimenta u jibgħat dan l-istess mandat lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. L-Uffiċċju tal-Prosekutur jista’, pereżempju, jiddeċiedi li ma jipproċedix bl-implimentazzjoni jew bit-trażmissjoni tal-mandat hekk approvat.

60.      Kif spjega l-Gvern Awstrijak fil-kuntest tal-osservazzjonijiet bil‑miktub u orali tiegħu, it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Uffiċċju tal‑Prosekutur u l-qorti jirriżulta minn riforma tad-dritt kriminali Awstrijak li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008. Wara din ir-riforma, il‑funzjoni preċedentement eżerċitata mill-qrati istruttorji ngħatat lill‑Uffiċċju tal-Prosekutur – b’dan it-trasferiment ta’ poter jiġi kkontrobilanċjat permezz tal-introduzzjoni ta’ superviżjoni ġudizzjarja (l-approvazzjoni).

61.      Finalment, it-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li, skont l‑Artikolu 6(3) tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas 2002/584, kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill dwar l‑awtorità ġudizzjarja kompetenti, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew. Jidher li fit‑28 ta’ Jannar 2008 (ara d-dokument tal-Kunsill Nru 5711/08), ir-Repubblika tal‑Awstrija ddikjarat li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni kienet l-Uffiċċju tal-Prosekutur (33) tal-post jew Landesgericht (qorti reġjonali) fis-sede tagħha.

62.      Waqt is-seduta, il-partijiet staqsew b’mod partikolari dwar il‑possibbiltà tal-eżistenza ta’ awtorità ta’ ħruġ “doppja” fis-sistema Awstrijaka, komposta mill-Uffiċċju tal-Prosekutur u mill-qorti (li jimplika li l-informazzjoni kkomunikata lis-Segretarju Ġenerali tal‑Kunsill mir-Repubblika tal-Awstrija kienet parzjalment skorretta). Dan iqajjem ukoll il-kwistjoni dwar jekk id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li ssemmi lill-awtorità kompetenti fissingular, taċċettax tali struttura binarja jew kumplessa, li tista’ tnaqqas ir-responsabbiltà tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

63.      Fil-fehma tiegħi, għandha tintuża l-informazzjoni mibgħuta lis‑Segretarju Ġenerali tal-Kunsill mill-Gvern Awstrijak. Fil-fatt, huwa l-Istat Membru kkonċernat li huwa kompetenti sabiex jinnomina – skont l-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 – l-awtorità kompetenti skont id-dritt nazzjonali tiegħu. Jidhirli li la għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja, li tiddeċiedi b’mod preliminari, u lanqas l-awtoritajiet tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jikkompletaw jew jikkorreġu informazzjoni debitament innotifikata lill-Kunsill mill-Istat Membru emittenti u li jiddeċiedu b’dan il-mod dwar l-istruttura (potenzjalment) binarja jew kumplessa tal-imsemmija awtorità emittenti.

64.      Fil-fehma tiegħi, għal dawn ir-raġunijiet kollha, jidhirli li huwa kemxejn artifiċjali li jitqies li l-qorti – li tintervjeni biss iktar tard, sa fejn il‑gwida tal-fażi ta’ informazzjoni kriminali taqa’ fuq l-Uffiċċju tal‑Prosekutur – titqies bħala l-awtur tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Il-fatt li l-appell ippreżentat, jekk ikun il-każ, mill-persuna kkonċernata jirrigwarda l-approvazzjoni ġudizzjarja (u mhux id‑deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur stricto sensu) ma jidhirlix li għandu effett f’dan ir-rigward. Kuntrarjament għall-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni waqt is-seduta, nikkunsidra li l-Uffiċċju tal‑Prosekutur jibqa’ l-awtur tal-mandat anki jekk, b’xi mod, ir‑responsabbiltà ta’ din id-deċiżjoni hija maqsuma mal-qorti li tagħti l‑kunsens tagħha għall-implimentazzjoni tagħha u li d-deċiżjoni tagħha tista’ tkun appellata abbażi ta’ dan.

65.      Għalhekk, ma naqbilx mal-perspettiva tal-Gvern Awstrijak, li tgħid li l‑approvazzjoni ġudizzjarja tippermetti li l-qorti tiġi assimilata mal‑awtur tal-mandat ta’ arrest nazzjonali jew Ewropew.

66.      Fil-fehma tiegħi, l-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa għalhekk tabilħaqq l-awtorità li toħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew fis-sistema kriminali Awstrijaka. Għalhekk għandha tiġi eżaminata l-pożizzjoni tiegħu u, b’mod partikolari, l-indipendenza tiegħu, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l‑mekkaniżmu ta’ approvazzjoni ġudizzjarja stabbilit bl-ewwel sentenza tal-Artikolu 29(1) tal-EU‑JZG.

 Ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti

67.      Kif irrilevajt iktar ’il fuq, fis-sentenza tagħha OG u PI, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew tinkludi protezzjoni tad-drittijiet proċedurali u tad-drittijiet fundamentali li għandha tibbenefika minnhom il-persuna mfittxija fuq żewġ livelli. Din il-persuna għandha tibbenefika minn protezzjoni ġudizzjarja, fl‑ewwel lok, waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, u fit-tieni lok, waqt il-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew (34).

68.      Fil-qalba tal-kawża inkwistjoni tqum il-kwistjoni dwar jekk is‑sistema Awstrijaka tistax tiggarantixxi d-drittijiet tal-persuna kkonċernata b’mod indipendenti, fid-dawl tar-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

 Il-kunċett ta’ indipendenza fis-sistema Awstrijaka fid-dawl tal-kawża OG u PI

69.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[h]ija, fil-fatt, l-‘awtorità ġudizzjarja emittenti’, imsemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jiġifieri l-entità li finalment tieħu d-deċiżjoni li jinħareġ il‑mandat ta’ arrest Ewropew, li għandha r-responsabbiltà li tiżgura dan it-tieni livell ta’ protezzjoni, anki meta l-mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat fuq deċiżjoni nazzjonali mogħtija minn imħallef jew qorti”. B’hekk l-“awtorità ġudizzjarja emittenti” għandha tkun indipendenti, li jfisser li ma tistax “[…] tkun esposta għar-riskju li s‑setgħa deċiżjonali tagħha tista’ tkun suġġetta għal ordnijiet jew struzzjonijiet esterni, b’mod partikolari mill-poter eżekuttiv, sabiex ma jkun hemm l-ebda dubju dwar il-fatt li d-deċiżjoni li jinħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew tkun ta’ dik l-awtorità u mhux, finalment, ta’ dak il‑poter” (35).

70.      Kif indikajt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dan il-kunċett ta’ “indipendenza” huwa essenzjalment ibbażat fuq żewġ elementi. L‑awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tagħti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni l-assigurazzjoni li, fi ħdan l-Istat Membru li hija topera fih, jeżistu regoli statutorji u organizzattivi li huma xierqa sabiex jiġi żgurat li l‑imsemmija awtorità ġudizzjarja emittenti ma tkunx esposta, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni biex jinħareġ tali mandat ta’ arrest, għal xi riskju li tkun suġġetta b’mod partikolari għal struzzjonijiet individwali mill-poter eżekuttiv. Barra minn hekk, meta l-awtorità ġudizzjarja emittenti tkun organu li ma jikkostitwixxix qorti (bħal Uffiċċju tal‑Prosekutur, bħal f’dan il-każ), id-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest u, b’mod partikolari, in-natura proporzjonali ta’ tali deċiżjoni għandhom ikunu jistgħu jiġu ssuġġettati, f’dak l-Istat Membru, għal rimedju ġudizzjarju li jissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (36).

71.      Id-diskussjonijiet waqt is-seduta ppermettew li jiġi stabbilit li s‑sistema Awstrijaka ta’ approvazzjoni ġudizzjarja tad-deċiżjoni tal‑Uffiċċju tal-Prosekutur dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hija atipika meta mqabbla mas-sistemi fis-seħħ fi ħdan Stati Membri oħra. Madankollu, nikkunsidra li tali sistema nazzjonali hija konformi mar‑rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (37).

72.      Skont l-informazzjoni li tinsab fid-digriet tar-rinviju, id‑dispożizzjonijiet legali rilevanti fid-dritt Awstrijak jipprevedu li, fil‑kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju li jsir fid-dawl tal-approvazzjoni, il‑qorti adita għandha teżamina jekk id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tissodisfax ir-rekwiżiti legali, u dan anki fid-dawl tad-drittijiet fundamentali, u jekk l-imsemmija deċiżjoni hijiex proporzjonali (38), filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali ta’ din id-deċiżjoni (39). Barra minn hekk, il-persuna mfittxija għandha d-dritt li tappella kontra l-approvazzjoni fiha nnifisha (40).

73.      Jidhirli li f’dan il-każ, fid-dawl tal-punti inklużi fid-digriet tar‑rinviju, kif ukoll fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tal-Gvern Awstrijak, tali sistema nazzjonali (inkluża, b’mod partikolari, il‑proċedura ta’ approvazzjoni) hija tali li tiżgura eżami rigoruż tad‑deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur mill-qorti adita. L-għan ta’ dan l-istħarriġ ġudizzjarju huwa li tiġi vverifikata l-konformità tal-ħruġ tal‑mandat ta’ arrest Ewropew meta mqabbla mar-rekwiżiti legali applikabbli, inkluż mill-perspettiva tal-proporzjonalità. Fil-fehma tiegħi, l-għan tal-istħarriġ mill-qorti ma huwiex li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ istruzzjonijiet mogħtija lill-Uffiċċju tal-Prosekutur mill‑poter eżekuttiv f’każ partikolari (minkejja li, skont il-Gvern Awstrijak, tali istruzzjonijiet għandhom isiru bil-miktub u għandhom ikunu inklużi fil-fajl dwar il-kawża kriminali, li jintbagħat lill-qorti tal-approvazzjoni) (41). Id-differenza hija sottili, iżda importanti. Fl-opinjoni tiegħi, qabel kollox, l-istħarriġ ġudizzjarju magħmul għandu jippermetti lill-qorti adita tikkonstata l‑osservanza globali tal-kundizzjonijiet ta’ legalità. Is-sistema inkwistjoni għandha tiżgura li l-awtorità ġudizzjarja kkonċernata tkun ħarġet il‑mandat ta’ arrest Ewropew b’mod konformi mal-liġi. Għalhekk, tali sistema għandha tippermetti li jiġu eliminati l‑konsegwenzi illeċiti tal-poter ta’ inġunzjoni li jgawdi minnu l-eżekuttiv, billi tiġi prekluża l-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet illegali tal-Uffiċċju tal‑Prosekutur, bis-saħħa tal-istħarriġ minn qabel tal-qorti (42).

74.      Inqis li tali sistema tiżgura l-osservanza tal-pedament li fuqu hija bbażata s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew stabbilita bid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jiġifieri l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam kriminali (43).

75.      Sabiex inkun eżawrjenti, inżid li kieku kellu jkun hemm riskju li l‑Uffiċċju tal-Prosekutur jirċievi ordnijiet mingħand il-poter eżekuttiv wara l‑approvazzjoni u li jkunu jirrigwardaw l-implimentazzjoni u t-trażmissjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (mill‑bqija, dan ir-riskju bl-ebda mod ma ġie stabbilit f’dan il-każ), huma l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jkollhom jeżaminaw din il-kwistjoni u jisiltu, jekk applikabbli, il-konsegwenzi. F’kull każ, nosserva li tali riskju jista’ jeżisti f’kull sistema oħra ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew u li qabel kollox, in-nuqqas ta’ implimentazzjoni u ta’ trażmissjoni, mill-awtoritajiet tal-Istat Membru emittenti, tal-mandat ta’ arrest lanqas ma huwa tali li jippreġudika  d-drittijiet tal-persuna mfittxija – dan huwa madankollu s-suġġett tal-analiżi tiegħi f’dan il-każ.

 Il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza OG u PI

76.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 74 u 75 tas-sentenza OG u PI għandhomx jinqraw b’mod kumulattiv jew alternattiv.

77.      Il-Gvern Ġermaniż isostni li kemm il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza OG u PI fir-rigward tal‑Uffiċċji tal-Prosekutur Ġermaniżi kif ukoll il-kontenut tal-punti 74 u 75 tal-imsemmija sentenza (li jinkludu t-termini “barra minn hekk”) jimmilitaw favur qari kumulattiv ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet. Min-naħa tiegħu, il-Gvern tal-Awstrija jqis li ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar ir-relazzjoni bejn il-punti 74 u 75 tas‑sentenza OG u PI minħabba li, f’dan il-każ, hija l-qorti inkarigata mill‑approvazzjoni tal-mandat ta’ arrest li għandha tinżamm responsabbli mill‑ħruġ tiegħu, biex b’hekk din il-kwistjoni ma tibqax rilevanti. Il‑Kummissjoni finalment tqis li dawn huma żewġ kwistjonijiet distinti, li ma għandhomx jitqiesu bħala kumulattivi jew alternattivi bejniethom, iżda li, għall-kuntrarju, għandhom jiġu evalwati skont il‑kriterji u r-rekwiżiti proprji tagħhom. Skont il-Kummissjoni, dawn huma rekwiżiti legali applikabbli, minn naħa, għall-ħruġ validu ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u, min-naħa l-oħra, għall-protezzjoni legali kontra l-mandati ta’ arrest Ewropej hekk maħruġa.

78.      Qabel kollox, inqis li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja, għandna nipproċedu bl-analiżi billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm it-termini tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kif ukoll il‑kuntest li jaqa’ fih u l-għan intiż minn din id-deċiżjoni qafas (44). Barra minn hekk, nirrileva li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl‑Artikolu 267 TFUE, meta tinterpreta d-dritt tal-Unjoni, fil-kuntest konkret ta’ kawża pendenti quddiem qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha sabiex tiddeduċi mit-termini u mill-ispirtu tiegħu t-tifsira tar-regoli stabbiliti minnu, peress li l-applikazzjoni għall-każ inkwistjoni tar-regoli hekk interpretati hija rriżervata għall-qorti nazzjonali (45).

79.      B’hekk, f’dan il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u tagħti lill‑qorti tar-rinviju l-kriterji ta’ analiżi neċessarji sabiex tistabbilixxi li s‑sistema nazzjonali kkontestata hija konformi mar-rekwiżiti tal‑imsemmija deċiżjoni qafas. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkjarifika r-regoli ta’ verifika indikati mill-Awla Manja fis-sentenza OG u PI. B’dan il-mod, ma hijiex kwistjoni li jiġu imposti rekwiżiti addizzjonali meta mqabbla mad-dispożizzjoni kkonċernata, iżda li jiġu ċċarati r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-kunċett stess ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”.

80.      Fil-fehma tiegħi, iż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 74 u 75 tas-sentenza OG u PI huma rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-qorti li tapprova d-deċiżjoni tal‑Uffiċċju tal-Prosekutur. Naqbel mal-pożizzjoni tal‑Kummissjoni li tgħid li ma jidhirx li huwa adattat li dawn il-kundizzjonijiet jiġu kklassifikati bħala “alternattivi” jew “kumulattivi”, inkwantu jirrigwardaw suġġett differenti u għandhom jiġu evalwati skont il‑kriterji u r-rekwiżiti tagħhom stess. Għalhekk, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja wriet b’hekk żewġ stadji neċessarji fl-evalwazzjoni tal‑istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur.

81.      B’hekk, mingħajr verifika tal-garanziji li jaffettwaw l‑indipendenza tal-awtorità awtorizzata sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew fis-sistema legali tal-Istat Membru emittenti, kif ukoll dwar il‑proporzjonalità tal-mandat ta’ arrest Ewropew ikkonċernat, dan tal‑aħħar ma jibqagħlux effetti legali.

 Il-garanziji

82.      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li hija l-awtorità ġudizzjarja emittenti li għandha tistabbilixxi l-osservanza tar-rekwiżiti tal‑Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fi ħdan l-Istat Membru emittenti. Naqbel perfettament mal-approċċ adottat mill-mibki kollega u ħabib tiegħi, l-Avukat Ġenerali Bot, li enfasizza, fil‑konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Bob-Dogi, li:

“Fil-fehma tiegħi, it-termini drastiċi tar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jippreżupponu, bħala kontroparti, l-eżistenza ta’ garanziji proċedurali konkreti u effettivi tad‑drittijiet tad-difiża fl-Istat Membru emittenti tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li mingħajrhom jinkiser il-bilanċ indispensabbli, inerenti għall-istabbiliment ta’ spazju ġudizzjarju Ewropew, bejn l-eżiġenzi tal-effettività tal-ġustizzja kriminali u l-imperattivi tas-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali.” (46)

83.      Għalhekk, kull sistema nazzjonali għandha tkun tista’ tippreżenta garanziji proċedurali li huma kompletament konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (47). Dan jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (48). Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-“bażi” tal‑kooperazzjoni ġudizzjarja fil-materji kriminali, huwa applikat fl‑Artikolu 1(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, li konformement miegħu l-Istati Membri huma bħala prinċipju obbligati li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew (49).

84.      Fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ proporzjonalità skont l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu jiġi osservat li l‑ewwel wieħed ikopri d-drittijiet fundamentali tal-persuna mfittxija (50). It-tieni wieħed huwa intiż sabiex jiżgura li l-awtoritajiet ġudizzjarji tal‑Istati Membri ma jipproċedux kontra l-imsemmija persuna għal reati minuri (51). Fir-rigward ta’ dan it-tieni rekwiżit, huwa komunement stabbilit li l‑kwistjoni tal-istħarriġ tal-proporzjonalità hija waħda mid-diffikultajiet ewlenin li tinsab fis-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew sa minn meta bdiet tiġi applikata. Issa, minn wara s-sentenza OG u PI, huwa ċar li l-istħarriġ tal-proporzjonalità jikkostitwixxi rekwiżit fundamentali (52).

85.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ proporzjonalità li għandhom jiġu applikati meta Stat Membru emittenti jagħti l-kompetenza tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew lil awtorità li, filwaqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma hijiex fiha nnifisha qorti (bħal f’dan il-każ), fid-dawl tal-għanijiet u tal-istruttura tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (53).

86.      Fil-fehma tiegħi, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tispjega r-regoli ta’ referenza li għandhom jiġu segwiti f’dan ir-rigward, ikun iktar sempliċi li tiġi deċiża l-kwistjoni dwar jekk awtorità nazzjonali awtorizzata sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew tissodisfax ir-rekwiżiti tal‑Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. F’dan ir-rigward, nenfasizza li huwa imperattiv li jiġu previsti garanziji proċedurali fl-istadju tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

87.      Fil-fehma tiegħi, meta l-ordni ġuridiku ta’ Stat Membru emittenti jammetti li d-deċiżjoni tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew tittieħed minn awtorità li ma hijiex fiha nnifisha qorti, iżda jitlob li l‑imsemmija deċiżjoni tkun approvata minn qorti, huwa importanti ħafna li l-Istat imsemmi jkun f’pożizzjoni li juri li l-istħarriġ ġudizzjarju stabbilit b’dan il-mod ma huwiex sempliċement l-għoti ta’ “nihil obstat”, mingħajr ma jsir verament eżami dwar id-deċiżjoni ta’ organu bħal Uffiċċju tal-Prosekutur.

88.      Inżid li, meta l-awtorità ġudizzjarja li tkun ħadet id-deċiżjoni li toħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew tkun Uffiċċju tal-Prosekutur li jista’ jkun suġġett għal ordnijiet b’mod partikolari tal-poter eżekuttiv (bħal f’dan il-każ), huwa neċessarju li l-approvazzjoni ġudizzjarja ta’ tali deċiżjoni tingħata qabel ma dan il-mandat ta’ arrest jipproduċi effetti ġudizzjarji.

89.      Finalment, peress li l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew huwa tali li jippreġudika d-dritt ta’ libertà tal-persuna kkonċernata, protett bl‑Artikolu 6 tal-Karta, jidhirli li s-sistema nazzjonali ta’ approvazzjoni għandha tippermetti lill-persuna mfittxija li jkollha dritt għal smigħ quddiem qorti sabiex tikkontesta l-validità ta’ din id-deċiżjoni skont l‑Artikolu 47 tal-Karta.

 Applikazzjoni f’dan il-każ

90.      X’inhu l-effett tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża OG u PI fuq il-kawża prinċipali?

91.      Fil-fehma tiegħi, is-sistema Awstrijaka hija differenti b’mod ċar mis-sistema Ġermaniża li minnha oriġinat is-sentenza msemmija, u dan fir‑rigward ta’ punti essenzjali (54).

92.      Ċertament, l-Uffiċċji tal-Prosekutur huma suġġetti għall-poter eżekuttiv fil-ġerarkija tas-sistema Awstrijaka. Fil-fatt, skont l‑informazzjoni mogħtija fid-digriet tar-rinviju, l-Uffiċċji tal-Prosekutur jirrispondu direttament lill-Uffiċċji tal-Prosekutur Ġenerali u huma suġġetti għall-ordnijiet tagħhom; l-Uffiċċji tal-Prosekutur Ġenerali u l‑Prosekutur Ġenerali, min-naħa tagħhom, huma suġġetti direttament għall‑Ministru Federali tal-Ġustizzja.

93.      Madankollu, hekk kif irrilevat il-qorti tar-rinviju stess, il‑proċedura ta’ ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fl-Awstrija hija differenti miċ-ċirkustanzi li wasslu għas-sentenza OG u PI. Fl-ewwel lok, is-sistema Awstrijaka tipprevedi approvazzjoni ġudizzjarja tal‑mandat ta’ arrest Ewropew (approvazzjoni li effettivament seħħet f’dan il-każ). It-tieni nett, din l-approvazzjoni ġudizzjarja timplika l‑verifika tal-osservanza tal-kriterji ta’ legalità u ta’ proporzjonalità (skont l-Artikolu 5(1) u (2) tas-StPO). It-tielet nett, il-proċedura ta’ approvazzjoni ġudizzjarja hija rregolata mil-liġi; jekk ikunu meħtieġa xi investigazzjonijiet kumplimentari sabiex tingħata l-approvazzjoni lill‑mandat ta’ arrest, il-qorti adita tista’ tordna lill-pulizija kriminali sabiex twettaqhom jew tagħmilhom hi ex officio (55). Finalment, fir-raba’ lok, l‑approvazzjoni tista’ tkun suġġetta għal rimedju ġudizzjarju, bis‑saħħa tal‑Artikolu 87(1) tas-StPO (56). Inqis li tali rimedju huwa element li jissodisfa b’mod sħiħ ir-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

94.      Barra minn hekk, ninnota li l-approvazzjoni ġudizzjarja tingħata qabel ma d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tipproduċi l-effetti tagħha.

95.      Fid-dawl tal-informazzjoni mogħtija fid-digriet tar-rinviju, fl‑osservazzjonijiet bil-miktub u orali tal-Gvern Awstrijak, kif ukoll fir‑risposti ta’ dan tal-aħħar għad-domandi magħmula mill-Qorti tal‑Ġustizzja waqt is-seduta, jidhirli li skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka, il-qrati nazzjonali huma obbligati jipproċedu b’eżami ddettaljat u rigoruż ta’ kull mandat li jiġu aditi bih u tal-fajl dwar reat kriminali relatat miegħu. F’dan l-istħarriġ ġudizzjarju, il-kriterji ta’ legalità u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu osservati.

96.      Peress li s-sistema stabbilita bid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija bbażata fuq livell għoli ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri, liema ħaġa timplika preżunzjoni ta’ rispett, minn kull Stat Membru, tad-drittijiet protetti bil‑Karta, jidhirli li, mingħajr prova kuntrarja stabbilita debitament, ma tistax tiġi kkontestata l-konformità mal-Karta u mal-imsemmija deċiżjoni qafas ta’ sistema legali bħal dik f’din il-kawża, li tissuġġetta l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mill-Uffiċċju tal-Prosekutur għal stħarriġ ġudizzjarju minn qabel. Il-konfutazzjoni ta’ din il-preżunzjoni ma tistax tkun iġġustifikata ħlief fir-rigward ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament konkretizzati li jirrigwardaw il‑funzjonament tas-sistema ġudizzjarja fl-Istat Membru emittenti (57), li jikkostitwixxu tali prova kuntrarja – elementi li jidhru li huma neqsin f’dan il-każ.

97.      Għalhekk, inqis li fid-dawl tal-provi prodotti għall‑evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, sistema bħal dik fis-seħħ bħalissa fl-Awstrija hija konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584.

98.      Minn dan nikkonkludi li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, jekk is-sistema tal-Istat Membru emittenti kkonċernat tinkludix il-garanziji proċedurali neċessarji sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata mill-mandat ta’ arrest Ewropew u li għandha tiżgura stħarriġ tal-proporzjonalità ta’ dan il-mandat, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. F’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din is-sistema nazzjonali għandu jkollha l-elementi segwenti: l-ewwel nett, id-deċiżjoni inizjali ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju, li fil-kuntest tiegħu l-qorti adita għandha tipproċedi b’eżami rigoruż tad-deċiżjoni msemmija qabel ma tagħti l-approvazzjoni tagħha; it-tieni nett, dan l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jsir qabel ma l-imsemmi mandat jipproduċi effetti ġuridiċi; u, it-tielet nett, l-approvazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew (li tirriżulta minn dan l-istħarriġ ġudizzjarju) għandha tkun appellabbli.

 Konklużjoni

99.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, inqis li l-kwistjoni indirizzata mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja) lill-Qorti tal-Ġustizzja titlob ir‑risposta segwenti:

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ‑ċirkustanzi kollha tal-kawża inkwistjoni, skont l-Artikolu 6(1) tad‑Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il‑mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal‑Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, l-ewwel nett, jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni nħariġx minn awtorità ġudizzjarja; it-tieni nett, jekk din l-awtorità ġudizzjarja aġixxietx b’indipendenza totali; u, it-tielet nett, jekk l‑imsemmija awtorità evalwatx il-legalità u l-proporzjonalità tad‑deċiżjoni li jinħareġ tali mandat.

F’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-punti segwenti jistgħu jiġu invokati sabiex jiġi stabbilit li s-sistema tal-Istat Membru emittenti tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva:

–        id-deċiżjoni inizjali li jinħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju, li fil-kuntest tiegħu l-qorti adita twettaq eżami rigoruż tad-deċiżjoni msemmija qabel ma tagħti l-approvazzjoni tagħha;

–        dan l-istħarriġ ġudizzjarju jsir qabel ma l-imsemmi mandat jipproduċi effetti ġuridiċi;

–        l-approvazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew (li tirriżulta minn dan l-istħarriġ ġudizzjarju) għandha tkun appellabbli.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019 (Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, iktar ’il quddiem is‑“sentenza OG u PI”).


3      Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il‑mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34), kif emendata bid-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).


4      Għandhom jiġu nnotati tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari (C‑625/199 PPU, C‑626/19 PPU u C-627/199 PPU) ippreżentati fit-22 ta’ Awwissu 2019 mill-istess qorti (ir-rechtbank Amsterdam, il-Qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), li jirrigwardaw l-istess kwistjoni ġuridika.


5      Ara t-tmintax-il inċiż tal-Artikolu 2(2).


6      Ara l-punt 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


7      Ara l-punti 9 u 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


8      Fid-digriet tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju rreferiet (fil-punt 22) għal dikjarazzjoni magħmula mill-Gvern Awstrijak. Jidhirli li din hija d‑dikjarazzjoni msemmija fid-dokument tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2019, intitolat “Judgments of the CJEU of 27 May 2019 in joined cases C‑508/18 and C‑82/19 PPU and in case C‑509/18 – public prosecutors offices acting as judicial authorities – Exchange of views on the follow-up – Paper by the Presidency”, Dokument Nru ST 9974 2019, p. 13.


9      Kif murija preċedentement (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2).


10      Ara l-punti 11 sa 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


11      Ara l-punti 76 sa 81 tal-konklużjonijiet ippreżentati.


12      Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, F (C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 31).


13      Ara s-sentenza tat-12 ta’ Frar 2019, TC (C‑492/18 PPU, EU:C:2019:108, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14      Ara l-punti 24 u 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


15      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan (C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 37).


16      It-tmintax-il inċiż tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tindika li l-persuna kkonċernata wettqet, mill-inqas, attentat ta’ serq flimkien ma’ kompliċi u bl-użu ta’ sikkina sabiex tintimida lil terzi (ara l-punti 4 u 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


17      Sentenza OG u PI (punti 85 sa 87).


18      Sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2016, Poltorak, C-452/16 PPU, EU:C:2016:858, punti 33 u 35, u tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C-477/16 PPU, EU:C:2016:861, punti 34 u 36.


19      Ara l-punt 76 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20      Ara l-punt 67 tas-sentenza OG u PI.


21      Ara s-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, C-477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 47.


22      Ara l-punt 71 tas-sentenza OG u PI.


23      Sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019 (Prokuratur Ġenerali tal-Litwanja) (C‑509/18, EU:C:2019:457).


24      Sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019 (Prokuratur Ġenerali tal-Litwanja) (C‑509/18, EU:C:2019:457, punti 55 u 56). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar jekk id‑deċiżjonijiet meħuda mill-Prokuratur Litwan fir-rigward ta’ mandat ta’ arrest Ewropew setgħux ikunu suġġett ta’ appell li jissodisfa b’mod sħiħ ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva: il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-qorti tar-rinviju sabiex tivverifika dan il-punt.


25      Barra minn hekk, il-Kummissjoni żżid li l-imsemmija qorti għandha tipproċedi b’verifika tal-kundizzjonijiet tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew u tal-proporzjonalità tiegħu.


26      Fis-sens imsemmi fis-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2016, Poltorak, C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punti 33 u 35; tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punti 34 u 36; kif ukoll is-sentenza OG u PI (punt 50).


27      Ara s-sentenza OG u PI (punt 60).


28      Ara l-punti 67 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29      Sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Özçelik (C-453/16 PPU, EU:C:2016:860).


30      Ara s-sentenza OG u PI (punt 50), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi l-“ministeri jew [is]-servizzi tal-pulizija, li huma taħt l-awtorità tal-poter eżekuttiv”. Ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Özçelik (C-453/16 PPU, EU:C:2016:860, punt 32).


31      Hawnhekk qed nirreferi għat-terminoloġija użata mill-Gvern Awstrijak fis‑sottomissjoni tiegħu.


32      Dan il-punt ġie kkonfermat ukoll mill-Gvern Awstrijak waqt is-seduta. L-Uffiċċju tal‑Prosekutur imexxi l-investigazzjoni u qiegħed fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar l-opportunità tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.


33      Waqt is-seduta, il-partijiet spjegaw li din in-notifika kienet tirreferi b’mod partikolari għar-riforma li ssemmiet fil-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet – riforma li ttrasferixxiet il-kompetenzi tal-qrati istruttorji lill-Uffiċċju tal-Prosekutur. Ara wkoll “Statement by the Republic of Austria pursuant to Article 6 of Council Framework Decision 2002/584/JHA of 13 June 2002 on the European arrest warrant and the surrender procedures between Member States, Annex to Council of the European Union, Council Framework Decision 2002/584/JHA on the European arrest warrant and the surrender procedures between Member States – Statement by the Republic of Austria on a change in the competent Authorities, Brussels, 5711/08, 28 January 2008”.


34      Ara l-punt 67 tas-sentenza OG u PI. Ara wkoll il-punt 42 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35      Sentenza OG u PI (punti 72 u 73).


36      Sentenza OG u PI (punti 74 u 75).


37      Ara l-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


38      Ara l-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39      Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40      Ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


41      Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet, bħala eżempju, għall-istruzzjonijiet individwali min-naħa tal‑poter eżekuttiv (ara s-sentenza OG u PI, punt 74).


42      Ara l-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43      Ara l-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.


44      Sentenza OG u PI (punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


45      Ara, mutatis mutandis, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 1963, Da Costa et, 28/62 sa 30/62, EU:C:1963:6, paġna 76.


46      C-241/15, EU:C:2016:131, punt 55.


47      Ara b’mod partikolari l-Artikolu 6 (dritt għal-libertà u għas-sigurtà) u l-Artikolu 47 (dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali) tal-Karta.


48      Sentenza OG u PI (punti 43 sa 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


49      Ara s-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Özçelik, C-453/16 PPU, EU:C:2016:860, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata.


50      Ara l-premessa 12 u l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.


51      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Bob-Dogi, C-241/15, EU:C:2016:131, punti 77 sa 83.


52      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Radu (C-396/11, EU:C:2012:648), punt 60.


53      Ara l-premessa 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584; is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas (C-477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 47); u s-sentenza OG u PI (punt 71).


54      Ara l-punti 58 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55      Ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


56      Ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


57      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).