Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Ottubru 2019 – Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-743/19)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: L. Visaggio, I. Anagnostopoulou, C. Biz, aġenti)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni (UE) 2019/1199 tat-13 ta’ Ġunju 2019 1

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Bl-ewwel motiv tiegħu, il-Parlament isostni li l-awtur tad-deċiżjoni kkontestata, kemm jekk huwa l-Kunsill kif ukoll jew huma l-Istati Membri kollha, ma għandux is-setgħa sabiex jistabbilixxi l-post tas-sede tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (iktar ’il quddiem l-“ELA”). Il-Parlament huwa fil-fatt tal-fehma li:

L-Artikolu 341 TFUE ma jikkostitwixxix bażi legali xierqa għall-istabbiliment tas-sede tal-korpi tal-Unjoni Ewropea bħalma huma l-aġenziji deċentralizzati. F’dan il-każ, l-ELA ġiet stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz tar-Regolament (UE) 2019/1149 2 , adottat abbażi tal-Artikoli 46 u 48 TFUE permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Il-Parlament iqis li l-Artikolu 341 TFUE ma jfissirx li s-setgħa ta’ deċiżjoni dwar il-post tas-sede tal-ELA, billi tingħata minflok lill-Istati Membri, ma taqax taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li stabbilixxa l-ELA, u li għaldaqstant din id-dispożizzjoni ma tistax isservi bħala bażi legali valida għad-deċiżjoni kkontestata.

Bit-tieni motiv tiegħu, imqajjem sussidjarjament fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Artikolu 341 TFUE jipprovdi bażi legali xierqa għad-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament jinvoka n-nuqqas assolut ta’ motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Il-Parlament iqis li, inkwantu att legali tal-Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni kkontestata hija suġġetta għall-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, li bl-ebda mod ma twettaq, peress li hija tonqos milli ssemmi l-motivi għalfejn il-belt ta’ Bratislava ntgħażlet sabiex tospita s-sede tal-ELA.

____________

1     Deċiżjoni (UE) 2019/1199 meħuda bi Ftehim Komuni bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tat-13 ta’ Ġunju 2019 dwar il-post tas-sede tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ĠU 2019 L 189, p. 68).

2     Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 883/2004, (UE) Nru 492/2011, u (UE) 2016/589 u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2016/344 (ĠU 2019 L 186, p. 21).