Language of document : ECLI:EU:F:2007:210

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

29 ta’ Novembru 2007

Kawża F-52/06

Mike Pimlott

vs

L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

“Servizz pubbliku – Persunal ta’ l-Europol – Tiġdid ta’ kuntratt ta’ aġenti ta’ l-Europol – Artikolu 6 tar-Regolamenti tal-Persunal li japplikaw għall-impjegati ta’ l-Europol – Tul massimu ta’ kuntratti ta’ xogħol ta’ l-aġenti”

Suġġett: Rikors imressaq taħt l-Artikolu 40(3) tal-Konvenzjoni msejsa fuq l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-istabbiliment ta’ Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (il-Konvenzjoni ta’ l-Europol) u ta’ l-Artikolu 93(1) tar-Regolamenti tal-Persunal li japplikaw għall-impjegati ta’ l-Europol, li bih M. Pimlott jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ l-Europol, tal-25 ta’ Jannar 2006, li tiċħad l-ilment tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-kundanna ta’ l-Europol sabiex dan iġġedded il-kuntratt tiegħu għal terminu ta’ erba’ snin, li jibda’ jiddekorri mill-1 ta’ Jannar 2006.

Deċiżjoni : Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett

(Konvenzjoni ta’ l-Europol, Artikolu 40(3); Regolamenti tal-Persunal li japplikaw għall-impjegati ta’ l-Europol, Artikoli 92(2) u 93(1))

2.      Dritt Komunitarju – Interpretazzjoni – Testi multilingwi

(Regolamenti tal-Persunal li japplikaw għall-impjegati ta’ l-Europol, Artikolu 6)

1.      Huma biss il-miżuri li għandhom effetti legali vinkolanti u li jistgħu jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent billi jbiddlu, b’mod kunsiderevoli, il-pożizzjoni legali tiegħu li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Dan ma jgħoddx fil-każ ta’ ittra ta’ l-Europol li tiddikjara biss l-intenzjoni ta’ l-amministrazzjoni li tikkunsidra t-talba ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ aġent, mingħajr ma tkun ittieħdet deċiżjoni f’dak l-istadju. Fil-fatt, it-turija biss ta’ intenzjoni futura ma tistax toħloq, għall-interessat, drittijiet u obbligi li jbiddlu l-pożizzjoni legali tiegħu. Min-naħa l-oħra, ittra minn din l-amministrazzjoni, li tiddikjara lill-aġent id-deċiżjoni tagħha li tipproponi tiġdid tal-kuntratt tiegħu għal ċertu żmien, u b’hekk teskludi l-possibbiltà li ġġedded il-kuntratt tiegħu għal żmien itwal, għandha tiġi meqjusa bħala att li jikkawża preġudizzju li kontrih huwa l-interessat li jista’ jressaq ilment amministrattiv, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 92(2) u fl-Artikolu 93 tar-Regolamenti tal-Personal li japplikaw għall-impjegati ta’ l-Europol, mingħajr ma għandu għalfejn jistenna li l-kuntratt jiġi ffirmat.

(ara l-punti 48, 50, 52 u 53)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 21 ta’ Ottubru 1986, Fabbro et vs Il-Kummissjoni, 269/84 u 292/84, Ġabra p. 2983, punti 10 sa 11; 21 ta’ Jannar 1987, Stroghili vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, 204/85, Ġabra p. 389, punt 6

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Settembru 2002, Borremans et vs Il‑Kummissjoni, T‑319/00, Ġabra SP p. I‑A‑171 u II‑905, punti 30 sa 33; 7 ta’ Settembru 2005, Krahl vs Il-Kummissjoni, T‑358/03, Ġabra SP p. I‑A‑215 u II‑993, punt 38

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2006, Aimi et vs Il‑Kummissjoni, F‑47/06, , Ġabra SP p. I-A-1-165 u II-A-1-639, punt 58

2.      In-neċessità ta’ applikazzjoni u, għaldaqstant, ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet Komunitarji teskludi li test jitqies waħdu f’wieħed mill-verżjonijiet tiegħu, iżda teżiġi li dan jiġi interpretat kemm skond ir-rieda vera ta’ l-awtur tiegħu kif ukoll skond l-għan imfittex minn dan ta’ l-aħħar, fid-dawl b’mod partikolari tal-verżjonijiet li saru fil-lingwi kollha tal-Komunità. Peress li ċerti traduzzjonijiet ta’ dispożizzjoni mil-lingwa oriġinali tagħha jvarjaw, huma ma jistgħux jipprevalu waħedhom fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra.

Skond dan il-prinċipju, l-Artikolu 6 tar-Regolamenti tal-Personal li japplikaw għall-impjegati ta’ l-Europol, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ f’Marzu 2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu massimu ta’ xogħol huwa ta’ sitt snin (it-tieni inċiż) jew tmien snin (it-tielet inċiż), bit-terminu ta’ l-ewwel kuntratt inkluż.

(ara l-punti 61 sa 63)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 12 ta’ Novembru 1969, Stauder, 29/69, Ġabra p. 419, punt 3 ; 12 ta’ Lulju 1979, Koschniske, 9/79, Ġabra p. 2717, punt 6 ; 17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C‑219/95 P, Ġabra p. I‑4411, punt 15

It-Tribunal għas-Servizz pubbliku: 29 ta’ Settembru 1999, Neumann u Neumann-Schölles vs Il-Kummissjoni, T‑68/97, ĠabraSP p. I‑A‑193 u II‑1005, punt 79