Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Alicante (Spanja) fit-18 ta’ Settembru 2019 – Banco Santander, S.A. vs VF u WD

(Kawża C-691/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Audiencia Provincial de Alicante

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Banco Santander, SA

Konvenuti: VF u WD

Domandi preliminari

Interpretazzjoni ġudizzjarja (li tipprovdi li l-ħlas lura tal-ammonti mħallsa indebitament abbażi tal-klawżola relatata mal-ispejjeż, inkluża f’kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż ma’ konsumatur, ma huwiex effett tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità iżda azzjoni awtonoma, suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni) li tippermetti li l-konsumatur ikun marbut b’mod definittiv bil-klawżola relatata mal-ispejjeż, inkwantu ma jkunx jista’ jikseb il-ħlas lura tagħhom jekk din l-azzjoni tkun preskritta, hija kompatibbli mal-prinċipju li klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumatur irrikonoxxut fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 1 ?

Il-mekkaniżmu tal-preskrizzjoni tat-talba għall-ħlas lura tal-ammont imħallas indebitament skont l-applikazzjoni tal-klawżola ddikjarata inġusta huwa kompatibbli ma’ dan il-prinċipju, inkwantu jista’ jwassal għat-telf tad-dritt għal ħlas lura, minkejja d-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-klawżola?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, il-kunċett ta’ “terminu raġonevoli ta’ preskrizzjoni” li tirreferi għalih il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi interpretat skont parametri esklużivament nazzjonali jew, għall-kuntrarju, ir-raġonevolezza għandha tkun suġġetta għal xi tip ta’ rekwiżit, sabiex jiġi pprovdut livell minimu ta’ protezzjoni lill-konsumaturi li jisselfu fi ħdan l-Unjoni Ewropea kollha u ma jiġix affettwat il-kontenut sostantiv tad-dritt ta’ nuqqas ta’ rabta bi klawżola ddikjarata inġusta?

Jekk jitqies li r-raġonevolezza tat-terminu ta’ preskrizzjoni għandha tkun suġġetta għal kundizzjonijiet minimi, ir-raġonevolezza tista’ tiddependi mill-mument li fih leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi li l-azzjoni tista’ tiġi eżerċitata? Huwa raġonevoli li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri fid-data ta’ konklużjoni tal-kuntratt, jew għall-kuntrarju, il-prinċipju li klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumatur jeħtieġ id-dikjarazzjoni preċedenti jew simultanja tal-invalidità tal-klawżola relatata mal-ispejjeż, sabiex il-persuna li tissellef ikollha terminu raġonevoli sabiex titlob il-ħlas lura tal-ammont imħallas indebitament?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).