Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju) fl-10 ta’ Ottubru 2018 – Fonds du Logement de la Région de Bruxelles-Capitale SCRL vs Institut des Comptes nationaux (ICN)

(Kawża C-632/18)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Fonds du Logement de la Région de Bruxelles-Capitale SCRL

Konvenut: Institut des Comptes nationaux (ICN)

Domandi preliminari

Il-paragrafi 2.22, 2.23, 2.27, 2.28 u 20.33 tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali [fl-Unjoni Ewropea] 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li entità istituzzjonali distinta, imqiegħda taħt il-kontroll ta’ amministrazzjoni pubblika, għandha titqies bħala mhux tas-suq u li taqa’ għaldaqstant taħt is-settur tal- amministrazzjonijiet pubbliċi jekk ikollha l-karatteristiċi ta’ istituzzjoni finanzjarja kaptiva, mingħajr ma jkun neċessjarju li jiġi eżaminat il-kriterju tal-espożizzjoni tagħha għar-riskju?

Entità li topera taħt il-kontroll ta’ amministrazzjoni pubblika tista’ tiġi kklassifikata bħala istituzzjoni finanzjarja kaptiva, fis-sens tal-paragrafi 2.21 sa 2.23, 2,27 u 2.28 tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali:

minħabba li r-regolamentazzjoni tal-attività tagħha minn din l-amministrazzjoni pubblika tneħħilha l-kontroll tal-assi tagħha, għalkemm tħallilha l-kapaċità li tiddeċiedi dwar l-għoti ta’ self ipotekarju li hija toffri, it-tul tiegħu, l-ammont tiegħu u dwar uħud mill-kundizzjonijiet tiegħu, filwaqt li tistabbilixxi elementi oħra u b’mod partikolari r-rata ta’ interessi tiegħu;

minħabba li, b’mod partikolari, il-garanzija li tingħata minn din l-amministrazzjoni pubblika għas-self li hija tikkonkludi tneħħilha l-kontroll tal-obbligazzjonijiet tagħha, mingħajr eżami tal-għan u tal-effetti ta’ tali garanzija fid-dawl tal-karatteristiċi tagħha f’dan il-każ u tar-realtà ekonomika sottostanti?

____________

1 ĠU 2013, L 174, p. 1.