Language of document : ECLI:EU:C:2016:24

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fid-19 ta’ Jannar 2016 (1)

Kawża C‑470/14

Entidad de Gestión de Derechos de los Productores Audiovisuales (EGEDA),

Derechos de Autor de Medios Audiovisuales (DAMA),

Visual Entidad de Gestión de Artistas Plásticos (VEGAP)

vs

Administración del Estado

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (qorti suprema, Spanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 5(2)(b) – Dritt ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Kopja privata – Kumpens ġust – Finanzjament mill‑baġit tal-Istat”





 Introduzzjoni

1.        Skont l-Artikolu 27 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (2):

“1.      Kull persuna għandha dritt tipparteċipa b’mod liberu fil-ħajja kulturali tal-komunità, tgawdi l-arti u tipparteċipa fil-progress xjentifiku u fil-benefiċċji li jirriżultaw minnhom.

2.      Kulħadd għandu dritt għall-protezzjoni tal-interessi morali u materjali li jirriżultaw minn kwalunkwe produzzjoni xjentifika, letterarja jew artistika li tagħha huwa l-awtur.”

2.        Dan l-artikolu tad-Dikjarazzjoni jirrifletti dik li x’aktarx hija d‑dilemma prinċipali tad-drittijiet tal-awtur, jiġifieri li tiġi rrikonċiljata l-protezzjoni neċessarja tal-proprjetà intellettwali tal-awturi, tal-produtturi u tal-interpreti mal-aċċess liberu u universali għall-kultura. Huwa preċiżament dan il‑bilanċ li jfittex li jissalvagwarda l-leġiżlatur meta jimponi fuq id‑drittijiet tal-awtur ċerti limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet. L-eċċezzjoni, jew il-limitazzjoni, msejħa “ta’ kopja privata”, fil-qalba ta’ din il-kawża, hija waħda minnhom (3).

3.        Għalkemm, fl-opinjoni tiegħi, ma għadx hemm dubju dwar in-neċessità u l-fondatezza tal-eċċezzjoni inkwistjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, il‑kwistjoni tar-remunerazzjoni jew tal-kumpens għad-dannu li jirriżulta minnha għad-detenturi tad-drittijiet, li tinkludi dik tal-modalitajiet ta’ finanzjament ta’ dan il-kumpens, fil-preżent toħloq diskussjoni ħajja f’diversi pajjiżi, li ħafna minnhom huma Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

4.        L-eċċezzjoni ta’ kopja privata, irrikonoxxuta wkoll fid‑dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, kienet is-suġġett, minn xi snin ilu ’l hawn, ta’ diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din il-kawża, filwaqt li tidħol f’din il‑kontinwità, turi wkoll bdil possibbli fl-evoluzzjoni ta’ din il‑ġurisprudenza. Is-soluzzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti f’dan il‑każ fil-fatt ser tistabbilixxi l-marġni ta’ manuvra tal-leġiżlaturi nazzjonali u, indirettament, dak tal-leġiżlatur tal-Unjoni, sabiex jiġi fformulat mill-ġdid il-qafas ġuridiku tal-Unjoni f’dak li jikkonċerna l-għażla tal-modalitajiet alternattivi ta’ finanzjament tal-kumpens dovut minħabba l‑eċċezzjoni ta’ kopja privata fir-rigward tal-mudell li huwa attwalment dominanti, tal-inqas fis-sistemi ġuridiċi tal-Ewropa kontinentali, jiġifieri l-mudell tat-tariffa miġbura fuq it-tagħmir elettroniku.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

5.        Fid-dritt tal-Unjoni, id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati (li minn issa ’l quddiem ser insejjaħ, għall-qosor “drittijiet tal-awtur”) huma rregolati prinċipalment mid-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (4). Skont l-Artikoli 2 u 5(2)(b) u (5) ta’ din id-direttiva:

Artikolu 2

Dritt ta’ riproduzzjoni

L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a)      għall-awturi, tax-xogħlijiet tagħhom;

(b)      għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

(ċ)      għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

(d)      għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar tal-films, rigward l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

(e)      għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet ikunu trasmessi bil-fili jew bl-arja, inkluż bil-cable jew bis-satellita.

[…]

Artikolu 5

Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet

[…]

2.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil‑każi li ġejjin:

[…]

b)      rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l‑anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust […];

[…]

5.      L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

 Id-dritt Spanjol

6.        Fid-dritt Spanjol, l-eċċezzjoni (limitazzjoni skont id-dritt Spanjol) ta’ kopja privata hija rregolata mill-Artikolu 31(2) tat-test irriformulat tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali (Ley de Propiedad Intelectual), approvata bid‑Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/1996 li japprova t-test irriformulat tal-Liġi dwar il-proprjetà intellettwali, li tistabbilixxi, tispeċifika u tarmonizza d‑dispożizzjonijiet legali fis-seħħ f’dan il-qasam (Real Decreto Legislativo 1/1996 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley de Propiedad Intelectual, regularizando, aclarando y armonizando las disposiciones legales vigentes sobre la materia), tat-12 ta’ April 1996.

7.        F’dak li jirrigwarda l-kumpens għad-danni li jirriżultaw minn din l‑eċċezzjoni għad-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur, dan huwa rregolat mill-Artikolu 25 tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali. Dan il-kumpens kien inizjalment iffinanzjat permezz ta’ tariffa miġbura fuq ċerti mezzi u tagħmir li jippermettu li jsiru kopji ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal‑awtur. L-imsemmija tariffa tneħħiet bis-saħħa tal-għaxar dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet Liġi Rjali 20/2011 li jirrigwarda miżuri baġitarji, fiskali u finanzjarji urġenti intiżi sabiex jikkorreġu l-iżbilanċ pubbliku (Real Decreto-ley 20/2011 de medidas urgentes en materia presupuestaria, tributaria y financiera para la corrección del déficit público), tat-30 ta’ Diċembru 2011 u ġiet issostitwita minn kumpens iffinanzjat direttament mill-baġit tal-Istat, li l-modalitajiet ta’ kalkolu u ta’ ħlas tiegħu lid-detenturi tad-drittijiet kellhom jiġu stabbiliti b’digriet ta’ implementazzjoni (5).

8.        Din id-delega ta’ setgħa ġiet implementata permezz tad‑Digriet Irjali 1657/2012 dwar il-proċedura għall-ħlas tal-kumpens ġust għal kopja privata ffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Istat (Real Decreto 1657/2012 por el que se regula el procedimiento de pago de la compensación equitativa por copia privada con cargo a los Presupuestos Generales del Estado), tas-7 ta’ Diċembru 2012 (iktar ’il quddiem id‑“Digriet Irjali 1657/2012”). L-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet jipprevedi:

“L-ammont xieraq sabiex jiġi kkumpensat id-dannu subit mid-detenturi tad-drittijiet ta’ riproduzzjoni minħabba l-introduzzjoni tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata ddefinita fl-Artikolu 31 tat-test ikkodifikat tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali, approvat bid-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/1996, tat-12 ta’ April 1996, huwa stabbilit, fil-limiti baġitarji stabbiliti għal kull sena finanzjarja, permezz ta’ digriet tal‑ministru tal-edukazzjoni, tal-kultura u tal-isport, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4.

L-ammont tal-kumpens huwa stabbilit abbażi ta’ stima tad-dannu effettivament ikkawżat lid-detenturi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali minħabba r-riproduzzjoni minn persuni fiżiċi, fuq kull tip ta’ mezz, ta’ xogħlijiet diġà żvelati li għalihom dawn kellhom aċċess b’mod legali, skont it-termini previsti fl-Artikolu 31 tat-test ikkodifikat tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali.

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, il-proċedura u d-domandi preliminari

9.        Entidad de Gestión de Derechos de los Productores Audiovisuales (EGEDA), Derechos de Autor de Medios Audiovisuales (DAMA) u Visual Entidad de Gestión de Artistas Plásticos (VEGAP) huma soċjetajiet Spanjoli għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Fis-7 ta’ Frar 2013, ippreżentaw rikors kontra d-Digriet Irjali 1657/2012 quddiem it-Tribunal Supremo (qorti suprema). Soċjetajiet oħra għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (6) sussegwentement ġew awtorizzati jipparteċipaw fil-proċedura.

10.      L-Administración del Estado, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, hija sostnuta mill-Asociación Multisectorial de Empresas de la Electrónica, las Tecnologías de la Información y la Comunicación, de las Telecomunicaciones y de los contenidos Digitales (Ametic), li hija assoċjazzjoni li tiġbor impriżi li joperaw fis-settur tat-teknoloġiji tal‑informazzjoni.

11.      Insostenn tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu b’mod partikolari li d-Digriet Irjali 1657/2012 ma huwiex kompatibbli, f’żewġ aspetti, mal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, kif interpretat mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-ewwel lok, huma jsostnu, essenzjalment, li din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l‑kumpens ġust mogħti lid-detenturi tad-drittijiet minħabba l-eċċezzjoni ta’ kopja privata jitħallas, tal-inqas finalment, mill-persuni li ħolqu d‑dannu kkawżat minn din l-eċċezzjoni għad-dritt tagħhom ta’ riproduzzjoni esklużiva, filwaqt li s-sistema stabbilita bl-għaxar dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet Liġi Rjali 20/2011 u bid‑Digriet Irjali 1657/2012 timputah lill-baġit tal-Istat, u għalhekk jitħallas mill-persuni taxxabbli kollha. Fit-tieni lok, huma jargumentaw, sussidjarjament u essenzjalment, li n-natura ġusta ta’ dan il-kumpens ma hijiex żgurata mid-dritt Spanjol, sa fejn l-Artikolu 3 tad‑Digriet Irjali 1657/2012 jipprevedi li r-riżorsi annwali allokati għall‑finanzjament tiegħu huma suġġetti għal limitu massimu ex ante, filwaqt li d-dannu effettivament ikkawżat lid-detenturi tad-drittijiet mill-kopja privata jista’ jiġi stabbilit biss ex post.

12.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)      Sistema ta’ kumpens ġust għal kopja privata li, filwaqt li tibbaża l-istima tagħha tal-ammont tal-kumpens fuq id-dannu effettivament ikkawżat, hija ffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Istat, b’tali mod li ma huwiex possibbli li jiġi ggarantit li l-ispiża ta’ dan il-kumpens tiġi sostnuta mill-utenti ta’ kopji privati, hija konformi mal‑Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva, il-fatt li l-ammont totali allokat mill-baġit ġenerali tal-Istat għall-kumpens ġust għal kopja privata, minkejja li jkun ikkalkolat fuq il-bażi tad-dannu effettivament ikkawżat, għandu jiġi stabbilit fil-limiti baġitarji stabbiliti għal kull sena finanzjarja, huwa konformi mad-Direttiva 2001/29?”

13.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Ottubru 2014. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-intervenjenti fil‑kawża prinċipali (7), mill-Gvern Spanjol, mill-Gvern Grieg, mill-Gvern Finlandiż u mill-Gvern Norveġiż (8), kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet, ħlief il-Gvern Norveġiż u dak Franċiż, kienu rrappreżentati fis-seduta, li nżammet fl-1 ta’ Ottubru 2015.

 Analiżi

14.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar‑rinviju tfittex li ssir taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kumpens ġust hemm imsemmi jistax ikun iffinanzjat mill‑baġit ġenerali tal‑Istat, mingħajr ma jkun jista’ jinġabar mingħand l-utenti li jagħmlu kopji privati ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur. Din id-domanda tirrikjedi li jiġu analizzati mhux biss id-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2001/29, iżda wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja dwar il-kumpens minħabba l-kopja privata u dwar is‑sistema ta’ finanzjament tiegħu. Huwa biss fil-każ ta’ risposta fl‑affermattiv għal din l-ewwel domanda li jkun hemm lok li tiġi diskussa t-tieni domanda preliminari. Ser nibda l-analiżi tiegħi billi nfakkar fil-qosor il-pożizzjoni li għandha l-eċċezzjoni ta’ kopja privata fis-sistema tad-drittijiet tal-awtur.

 L-eċċezzjoni ta’ kopja privata bħala istituzzjoni tad-drittijiet tal-awtur

15.      L-eċċezzjoni ta’ kopja privata, taħt diversi ismijiet, hija prattikament antika daqs il-protezzjoni legali tad-drittijiet tal-awtur fl‑Ewropa kontinentali (9). Normalment jingħataw żewġ ġustifikazzjonijiet għaliha, waħda ta’ natura assjoloġika, l-oħra ta’ natura prattika. Minn naħa waħda, fid-dawl tal-interess pubbliku tal-aċċess għall-kultura, il-possibbiltà li jsiru kopji ta’ xogħol għall-użu privat tagħmel parti mit-tgawdija libera ta’ dan tal-aħħar, ħaġa li l-awtur ma jistax jopponi mingħajr ma jippreġudika d-drittijiet tal-utent (10). Min-naħa l‑oħra, il-kontroll tal-użu li utent jagħmel minn xogħol fl-ambitu privat tiegħu fil-prattika huwa impossibbli, u anki jekk it-teknoloġija fil-preżent tippermetti tali kontroll, dan jirriżulta f’indħil inammissibbli fil-ħajja privata, li hija protetta bħala dritt fundamentali. Barra minn hekk, dan it‑tieni aspett joħloq dubju dwar in-natura nfisha tal‑eċċezzjoni ta’ kopja privata – hija verament eċċezzjoni għad-drittijiet esklużivi tal‑awtur, jew limitu naturali għal dawn id-drittijiet, peress li d-drittijiet tal-awtur fil-fatt jikkonċernaw biss l-isfruttament ta’ xogħlijiet fl-ambitu pubbliku? (11)

16.      Huwa wkoll ġeneralment aċċettat li l-użu ta’ xogħol fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata huwa b’xejn (12). Fil-bidu, l-eċċezzjoni ta’ kopja privata ma kienet akkumpanjata mill-ebda remunerazzjoni jew kumpens għad-detenturi tad-drittijiet. Fil-fatt kien ikkunsidrat li ma kienet tikkawża l-ebda dannu fir-rigward tad-drittijiet materjali tagħhom. Is-sitwazzjoni nbidlet bl-introduzzjoni ta’ mezzi tekniċi, disponibbli għall‑pubbliku ġenerali, li jippermettu li jsiru kopji ta’ xogħlijiet protetti fi kwantitajiet kbar u b’mod awtomatiku. Dawn il-mezzi tekniċi, jiġifieri fotografiċi (reprografiċi), analoġiċi u reċentement diġitali, kellhom effett fuq l-isfruttament ekonomiku tax-xogħlijiet mid-detenturi tad‑drittijiet. Wara dan l-iżvilupp, diversi pajjiżi introduċew fis‑sistema ġuridika tagħhom mekkaniżmu ta’ kumpens minħabba l‑eċċezzjoni ta’ kopja privata (13). Il-maġġoranza ta’ dawn il-mekkaniżmi kienu bbażati fuq tariffa miġbura fuq il-mezzi ta’ reġistrazzjoni u t-tagħmir elettroniku.

17.      Huwa f’dan il-kuntest ġuridiku li d-Direttiva 2001/29 tfittex li tarmonizza l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, billi tintroduċi, fost l-oħrajn, eċċezzjoni (14) fakultattiva ta’ kopja privata, akkumpanjata mill‑kundizzjoni li jiġi żgurat kumpens ġust lid-detenturi tad-drittijiet.

 Dwar l-ewwel domanda

18.      L-ewwel domanda, moqrija fil-kuntest tal-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju u fid-dawl tal-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tqajjem problema ta’ importanza kbira għall‑finanzjament tal-kumpens minħabba l-eċċezzjoni ta’ kopja privata fid-dritt Ewropew. Għandu jkun magħruf jekk dan il-kumpens, mhux biss fid-dawl tat-test tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, imsemmi fil-qosor ħafna, iżda wkoll fil-loġika profonda tiegħu kif misluta mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha (15), jistax jieħu forom oħra minbarra dik ta’ tariffa li titħallas, fi kwalunkwe każ potenzjalment u finalment, mill-utenti ta’ tagħmir li jippermetti li jsiru kopji privati.

19.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-intervenjenti li intervjenew insostenn tagħhom, kif ukoll il-Gvern Grieg u dak Franċiż, jipproponu li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv. Huma jibbażaw ruħhom prinċipalment fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja, li minnha jirriżulta li huwa l-utent li jagħmel il-kopja privata li jrid finalment jiffinanzja, bħala debitur, il-kumpens ġust minħabba l‑imsemmija eċċezzjoni. Dan il-prinċipju għalhekk huwa inkompatibbli ma’ kull sistema ta’ kumpens iffinanzjat mill-baġit tal‑Istat.

20.      Qabelxejn għandi nindika li ma naqbilx ma’ din l-analiżi għal tliet raġunijiet, marbuta, l-ewwel nett, mal-kontenut tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29, it-tieni nett, mal-analiżi tal-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward u, it-tielet nett, mal‑kunsiderazzjonijiet ta’ natura prattika li jikkonċernaw il‑funzjonament tas-sistema tat-tariffa fil-kuntest teknoloġiku preżenti.

 Dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29

21.      Kif semmejt iktar ’il fuq, id-Direttiva 2001/29 ma ddaħħlitx f’vojt ġuridiku. Għall-kuntrarju, il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal‑awtur għandha tradizzjoni twila u rikka fl-Istati Membri. Id‑Direttiva 2001/29 tfittex li toħloq armonizzazzjoni f’dan ir-rigward. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din l-armonizzazzjoni tillimita ruħha għal ċerti regoli ta’ natura ġenerali. Fil-fatt, minbarra d-dispożizzjonijiet tekniċi, id‑Direttiva 2001/29 tinkludi prinċipalment tliet dispożizzjonijiet materjali, li jobbligaw lill-Istati Membri jagħrfu tliet tipi ta’ drittijiet li minnhom jibbenefikaw l-awturi: id-dritt ta’ riproduzzjoni (Artikolu 2), id-dritt ta’ komunikazzjoni u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni (Artikolu 3) u d-dritt ta’ distribuzzjoni (Artikolu 4). Sussegwentement, dawn id‑drittijiet huma akkumpanjati minn xi għoxrin eċċezzjoni u limitazzjoni (Artikolu 5) li, apparti dik relatata mar-riproduzzjoni temporanja jew inċidentali f’netwerk informatiku [Artikolu 5(1)], huma fakultattivi.

22.      Il-kopja privata tagħmel preċiżament parti minn dawn l-eċċezzjonijiet u minn dawn il-limitazzjonijiet fakultattivi. L-introduzzjoni tagħha mill-Istati Membri hija suġġetta għall-iffissar ta’ kumpens ġust favur id-detenturi tad-drittijiet. Id-Direttiva 2001/29 ma titkellimx dwar il-forma, il‑modalitajiet ta’ kalkolu jew il-finanzjament ta’ dan il-kumpens (16). Huwa għalhekk l-Istat Membru li, jekk jiddeċiedi li jintroduċi fid-dritt nazzjonali tiegħu eċċezzjoni ta’ kopja privata (jew, fil-prattika, aktarx li jżommha), għandu jipprovdi kumpens għad-dannu li jista’ jirriżulta minn din l-eċċezzjoni għad‑detenturi tad-drittijiet. Id-Direttiva 2001/29 lanqas ma tistabbilixxi min huwa d‑debitur tal-kumpens, hija tindika biss lill-benefiċjarji. Fil-fatt, hija tillimita ruħha, fl-Artikolu 5(2)(b) tagħha, li tirrikjedi li “d-detenturi jirċievu kumpens” (17).

23.      Huwa veru li, fil-premessa 35 tad-Direttiva 2001/29, il-leġiżlatur semma li l-livell tal-kumpens minħabba ċerti eċċezzjonijiet kellu jiġi kkalkolat billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dannu kkawżat lid-detenturi tad‑drittijiet. Madankollu, f’dak li jikkonċerna l-eċċezzjoni ta’ kopja privata, dan id-dannu jieħu l-forma ta’ lucrum cessans, peress li l-kopja privata tillimita potenzjalment in-numru ta’ kopji tax-xogħol mibjugħa (18). Barra minn hekk, ma huwiex dannu kkonstatat b’ċertezza fuq il-livell ta’ kull persuna kkonċernata. Huwa jiġi stmat globalment, abbażi ta’ nuqqas ta’ qligħ potenzjali tad-detenturi tad‑drittijiet kollha. Kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni fl‑osservazzjonijiet tagħha, għalhekk ma hemmx, u ma jistax ikun hemm, rabta diretta bejn l-atti ta’ kopja privata u l-kumpens għad-dannu kkawżat lil detenturi tad-drittijiet partikolari.

24.      Il-kumpens previst fid-Direttiva 2001/29 lanqas ma huwa remunerazzjoni, peress li l-użu tax-xogħol fil-kuntest ta’ kopja privata huwa, bħala prinċipju, bla ħlas. Fl-opinjoni tiegħi, kien apposta li l‑leġiżlatur ma użax it-terminu ta’ remunerazzjoni, bħal fil-każ tad‑Direttiva 2006/115/KE (19), iżda uża dak ta’ kumpens.

25.      Huwa minnu wkoll li l-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29 tindika li huwa neċessarju li jinżamm bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn dawn tal-aħħar u l‑utenti ta’ materjal protett. Din il-premessa tispjega, l-ewwel nett, ir‑raġunijiet li wasslu lill-leġiżlatur tal-Unjoni jarmonizza, sa ċertu punt, l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur li jistgħu jkunu previsti fid-dritt tal-Istati Membri. Sussegwentement, fl-istadju tat‑traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/29 fl-ordinamenti ġuridiċi interni, huwa d-dover tal-leġiżlaturi nazzjonali li jibbilanċjaw id-diversi interessi inkwistjoni. Għalhekk, il-leġiżlaturi għandhom il-possibbiltà li jistabbilixxu l-ammont tal-kumpens, li jvarja b’mod sostanzjali minn Stat Membru għall-ieħor, il-mod ta’ finanzjament tiegħu, kif ukoll il‑modalitajiet ta’ tqassim tiegħu bejn id-diversi detenturi tad‑drittijiet. Min-naħa l-oħra, il‑premessa 31 tad‑Direttiva 2001/29 ma għandhiex tinftiehem bħala dispożizzjoni addizzjonali ta’ din id‑direttiva, li għandha saħħa ġuridika awtonoma.

26.      Id-Direttiva 2001/29 għalhekk ma fihiex regola ġuridikament vinkolanti li permezz tagħha l-bilanċ ġust li għadni kif semmejt jinkludi neċessarjament il-finanzjament tal-kumpens ġust minħabba l-eċċezzjoni ta’ kopja privata mill-utenti li jagħmlu jew jistgħu jagħmlu tali kopji. Barra minn hekk, fl-opinjoni tiegħi jkun illoġiku li jiġi kkunsidrat li din id-direttiva, li ma toħloqx obbligu li tiġi stabbilita jew le l-eċċezzjoni ta’ kopja privata, tirregola l-mod kif jiġi ffinanzjat il-kumpens minħabba din l‑eċċezzjoni. Fil-fatt, jekk id-Direttiva 2001/29 tħalli għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri d-deċiżjoni li tiġi introdotta l-eċċezzjoni, li hija deċiżjoni ta’ natura iktar ġenerali u ta’ portata ikbar, hija għandha iktar u iktar tħallilhom il-possibbiltà li jirregolaw b’mod liberu l-kwistjoni, iktar iddettaljata u teknika, tal-mod ta’ finanzjament tal-kumpens. L-uniku rekwiżit impost mid-Direttiva 2001/29 huwa li l-Istat li fih teżisti eċċezzjoni ta’ kopja privata jipprovdi kumpens favur id-detenturi tad‑drittijiet, u dan, minħabba l-bilanċ ġust imsemmi fil-premessa 31 ta’ din id-direttiva.

 Dwar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

27.      Skont ir-rikorrenti u l-partijiet li intervjenew insostenn tagħhom fil-kawża prinċipali, li l-opinjoni tagħhom f’din il-proċedura hija kondiviża mill‑Gvern Grieg u dak Franċiż, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja relatata mal-kumpens ġust minħabba l-eċċezzjoni ta’ kopja privata jirriżulta li sistema ta’ kumpens iffinanzjat mill-baġit tal-Istat hija inkompatibbli mal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, għaliex din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-premessi ta’ din id-direttiva u kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, tirrikjedi li jkun l-utent li jagħmel jew li jista’ jagħmel kopja, u huwa biss, li jiffinanzja dan il‑kumpens.

28.      Dawn il-partijiet jibbażaw ruħhom prinċipalment fuq estratti mis-sentenza Padawan li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkonstatat, abbażi tal-premessi 35 u 38 tad-Direttiva 2001/29, li l-għan tal-kumpens ġust huwa li d-detenturi tad-drittijiet jiġu kkumpensati għad-dannu potenzjalment subit minħabba l-kopja privata, ikkonkludiet, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-premessa 31 tal-istess direttiva, li l-bilanċ ġust bejn id-diversi interessi inkwistjoni jirrikjedi li jkun l-utent li jista’ potenzjalment jagħmel kopji privati, jiġifieri fil-prattika kull xerrej ta’ tagħmir li jista’ jagħmel tali kopji, li għandu jiffinanzja l-kumpens (20). Dan ir-raġunament sussegwentement ġie kkonfermat fis-sentenza Stichting de Thuiskopie (21), imbagħad imfakkar mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sentenzi ulterjuri.

29.      Madankollu jidhirli li dan il-qari ta’ ġurisprudenza la jieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fihom ingħataw is-sentenzi tal-Qorti tal‑Ġustizzja u lanqas l-istruttura tar-raġunament tagħha kollu kemm hu. Issa, jekk sabiex tkun riżolta kwistjoni ta’ dritt, tintuża bħala bażi l‑ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan ma għandux isir billi jinstabu estratti iżolati f’din il-ġurisprudenza li jistgħu jsostnu argument wieħed jew ieħor (22), iżda billi tiġi identifikata linja ġurisprudenzjali ċara u koerenti, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-evoluzzjoni tagħha, u billi sussegwentement jiġi stabbilit jekk din il-linja tistax isservi bħala bażi sabiex jiġu deċiżi l-kawżi l‑ġodda.

30.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġustament isostnu Ametic, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Finlandiż u l-Gvern Norveġiż, kif ukoll il‑Kummissjoni, is-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja sa issa fil‑kawżi li jikkonċernaw il-kumpens minħabba l-eċċezzjoni ta’ kopja privata jaqgħu fil-kuntest tas-sistema ta’ finanzjament ta’ dan il‑kumpens minn tariffa miġbura fuq it-tagħmir li jista’ jservi sabiex isiru tali kopji u li kellhom bħala għan li jsolvu problemi marbuta mal‑funzjonament ta’ tali sistema.

31.      Għalhekk, fis-sentenza Padawan, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat dan ir-raġunament għall-ewwel darba, il-kwistjoni kienet jekk it‑tariffa tistax tinġabar fuq it-tagħmir li, minħabba l-fatt li huwa intiż biss għal użu professjonali, ma jistax iservi għall-finijiet ta’ kopja privata (23). Sabiex issolvi din il-kwistjoni, il-qorti tar-rinviju fil-kawża Padawan staqsiet sensiela ta’ domandi li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħmel eżerċizzju ta’ dekostruzzjoni tal-loġika tas-sistema ta’ finanzjament tal-kumpens permezz ta’ tariffa fuq it-tagħmir elettroniku. Fil-fatt, fis-sentenza Padawan, il-Qorti tal-Ġustizzja ma llimitatx ruħha li tindika l-utent potenzjali bħala d-debitur tal-kumpens, assimilat mat-tariffa, iżda żviluppat ir-raġunament tagħha billi aċċettat li, fil‑prattika, ma humiex direttament l-utenti li jħallsu t-tariffa/il-kumpens, iżda huma l‑produtturi jew il-bejjiegħa ta’ tagħmir elettroniku, li sussegwentement jgħaddu l-ispiża korrispondenti fuq il-bejjiegħa – utenti (24).

32.      Fl-opinjoni tiegħi, dan huwa l-punt kruċjali li jippermetti li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk il-prinċipju “l-utent iħallas” japplikax b’mod ġenerali għal kull sistema ta’ finanzjament ta’ kumpens ġust, jew biss għas-sistema tat-tariffa.

33.      Mal-ewwel daqqa t’għajn, l-aċċettazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ sistema li fiha tariffa tinġabar mill-persuni li jqiegħdu t-tagħmir għad-dispożizzjoni tal-utenti, jiġifieri l-produtturi, l-importaturi u l-kummerċjanti, tista’ tidher bħala konċessjoni magħmula għal raġunijiet prattiċi u għad-detriment tal-purezza ġuridika tas-sistema. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi din l-impressjoni hija żbaljata.

34.      Fil-fatt, kif semmejt fil-qosor fil-punti 15 u 16 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, l-eċċezzjoni ta’ kopja privata hija ferm iktar antika minn kwalunkwe idea ta’ kumpens minħabba din l‑eċċezzjoni u l-użu tax-xogħol f’dan il-kuntest huwa, bħala prinċipju, bla ħlas. Kien biss mal-wasla ta’ mezzi tekniċi li jippermettu lil persuni privati jagħmlu kopji ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur fi kwantitajiet kbar u bi prezz minimu (dawn huma prinċipalment ir-reprografija u r‑reġistrazzjoni tal-ħoss, kif ukoll tal-immaġni, fuq tejp manjetiku) li żviluppat il-problema ta’ dannu subit mid-detenturi tad-drittijiet minħabba l-kopja privata fi kwantitajiet kbar.

35.      Din il-problema ma setgħetx tiġi riżolta billi tiġi imposta tariffa li tinġabar direttament mingħand l-utenti, kemm minħabba l‑impossibbiltà li jiġi kkontrollat b’mod effettiv l-użu ta’ xogħlijiet magħmul f’ambitu privat kif ukoll minħabba l-istatus protett ta’ dan l‑ambitu skont id-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, tali tariffa tirrendi l-eċċezzjoni ta’ kopja privata mingħajr skop. Fil-fatt, kieku d‑detentur tad-drittijiet seta’ jitlob kwalunkwe ħlas mingħand l-utent, ma jibqax każ ta’ eċċezzjoni għall-monopolju tal-imsemmi detentur, iżda jkun każ ta’ sfruttament normali ta’ dan il-monopolju.

36.      Għalhekk ġiet introdotta sistema ta’ tariffa miġbura fuq il-mezzi u t-tagħmir li jippermettu li jsiru kopji ta’ xogħlijiet protetti f’diversi Stati. Ma hijiex biss semplifikazzjoni, għal raġunijiet prattiċi, ta’ sistema ta’ ġbir ta’ ħlas dovut mill-utenti sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-eċċezzjoni ta’ kopja privata, iżda sistema fiha nnifisha, maħluqa sabiex tirrimedja l-konsegwenzi, li jippreġudikaw l-interessi tad‑detenturi tad-drittijiet, tal-iżvilupp enormi ta’ dan it-tip ta’ kopja.

37.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din is-sistema hija, bħala prinċipju, konformi mal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, bil‑kundizzjoni li l-piż finanzjarju tat-tariffa tkun tista’ tingħadda fuq ix-xerrej tat-tagħmir. Madankollu, jekk, sabiex tasal għal din il-konstatazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja invokat il-prinċipju li huwa l-utent li jista’ jagħmel kopji privati, jiġifieri persuna fiżika li akkwistat tagħmir li jippermetti li jsiru tali kopji, li għandu jitqies li huwa debitur tal-kumpens, dan huwa biss bħala bażi teoretika tas-sistema ta’ tariffa miġbura fuq it-tagħmir inkwistjoni.

38.      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kontenut stess tar‑regola “l-utent iħallas” kif żviluppata u użata mill-Qorti tal‑Ġustizzja. Skont din ir-regola, l-utent għandu “bħala prinċipju” jitqies li huwa debitur tal-kumpens (25). Fl-opinjoni tiegħi, ir-riżerva “bħala prinċipju” turi b’mod ċar li dan huwa prinċipju teoretiku li, “fil‑prattika”, huwa dejjem implementat fil-kuntest ta’ sistema ta’ tariffa miġbura fuq it-tagħmir elettroniku.

39.      Din il-bażi teoretika sussegwentement ippermettiet lill-Qorti tal‑Ġustizzja tistabbilixxi ċerti regoli dwar il-funzjonament tas-sistema tat‑tariffa. Għalhekk, fis-sentenza Padawan, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet il-possibbiltà li tinġabar din it-tariffa fuq tagħmir li ma jistax iservi sabiex isiru kopji privati. Fis-sentenza Stichting de Thuiskopie, hija siltet minnha r‑regola li t-tariffa għandha titħallas fl-Istat Membru ta’ residenza tal‑utent finali tat-tagħmir. Fis-sentenza Copydan Båndkopi, hija aċċettat il-ġbir tat-tariffa minħabba kopji magħmula fuq it-tagħmir li jappartjeni lil terz (26).

40.      Min-naħa l-oħra, peress li l-prinċipju li l-utent huwa debitur tal‑kumpens ma jistax jiġi applikat letteralment għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa ma jistax ikollu saħħa ġuridika proprja. Huwa jista’ jiffunzjona biss fil-kuntest ta’ sistema ta’ finanzjament tal-kumpens minħabba l-eċċezzjoni ta’ kopja privata ffinanzjata minn tariffa miġbura minn fuq it-tagħmir li jista’ jservi sabiex isiru tali kopji, skont l-Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, minn qari tal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is‑suġġett, jiġi nnotat li dan il-prinċipju dejjem jidher mhux bħala konstatazzjoni ġuridika indipendenti, iżda bħala element ta’ raġunament li jwassal għall-konferma tas-sistema tat-tariffa. Kwalunkwe qari ta’ din il‑ġurisprudenza li jagħti lill-imsemmi prinċipju portata iktar ġenerali, li teskludi sistemi oħra ta’ finanzjament tal-kumpens, imur kontra l-loġika tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja u jmur lil hinn mill-kuntest tad‑domandi preliminari li sarulha.

41.      Għaldaqstant, ma jidhirlix li jista’ jiġi leġittimament dedott mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eċċezzjoni ta’ kopja privata li, fid-dritt tal-Unjoni, u iktar preċiżament abbażi tal‑Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, jeżisti prinċipju ġenerali li l‑kumpens minħabba din l-eċċezzjoni għandu jkun neċessarjament iffinanzjat mill-utenti li jibbenefikaw minnha, b’tali mod li, fil‑prattika, l-unika sistema ta’ finanzjament ta’ dan il-kumpens possibbli tkun is-sistema tat-tariffa miġbura fuq it-tagħmir elettroniku. Barra minn hekk, jien tal-opinjoni li l-iffissar tal-imsemmija tariffa bħala l-unika sistema ta’ finanzjament lanqas ma huwa mixtieq għal raġunijiet prattiċi marbuta mal-iżvilupp teknoloġiku preżenti.

 Il-funzjonament tas-sistema tat-tariffa u t-tqegħid fid-dubju tagħha fl-ambjent diġitali

42.      Fil-mument tal-introduzzjoni tagħha, is-sistema tat-tariffa kienet ibbażata fuq il-premessa li l-utenti li jkunu akkwistaw mezzi ta’ reġistrazzjoni u tagħmir elettroniku kienu effettivament jużawhom sabiex jagħmlu kopji fil-kuntest tal-użu privat ta’ xogħlijiet. Fl-epoka analoġika, din il-premessa kienet qrib ir-realtà (27). Għalhekk, it-tariffa intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens minħabba l-eċċezzjoni ta’ kopja privata kienet, ħlief għal dettalji żgħar, sostnuta fil-fatt minn dawk li kienu jibbenefikaw minn din l-eċċezzjoni.

43.      L-introduzzjoni tat-teknoloġija diġitali ġabet taqliba profonda f’dan il-qasam. L-ewwel nett, id-diġitalizzazzjoni tfisser il-konverġenza ta’ formats. Minn issa ’l quddiem kollox – it-test, il-ħoss, l-immaġni – jippreżenta ruħu bl-istess format diġitali u għalhekk jista’ jiġi rreġistrat permezz tal-istess tagħmir u fuq l-istess mezz. Għalhekk, kompjuter u CD‑ROM jistgħu jservu sabiex jiġu rreġistrati kemm dokumenti privati, ritratti tal-familja jew databases personali kif ukoll ktieb taħt format diġitali, reġistrazzjoni mużikali jew xogħol ċinematografiku. It-tieni nett, iċ-ċokon tat‑tagħmir elettroniku u t-tnaqqis fil-prezzijiet tiegħu, flimkien mal-iżvilupp tal-internet, ippermettew żieda sinjifikattiva ferm tal‑produzzjoni tal-kontenut ta’ natura privata, li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur, u t-tixrid wiesa’ tiegħu.

44.      Għalhekk, f’epoka fejn kull tagħmir elettroniku huwa fil-realtà kompjuter, li għandu kemm funzjonijiet ta’ kreazzjoni u ta’ reġistrazzjoni tal-kontenut testwali u awdjoviżiv kif ukoll bosta funzjonijiet oħra, il-premessa li x-xerrej ta’ tali tagħmir probabbilment ser jagħmel kopji ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur titqiegħed serjament fid-dubju. Ċertament, is-sistema tat-tariffa hija ġġustifikata bil-finzjoni legali li l-akkwirent ta’ tagħmir teknoloġiku jitqies li juża l-funzjonijiet kollha ta’ dan it-tagħmir, inklużi dawk li jservu sabiex jikkopjaw kontenut li jista’ jkun protett bid-drittijiet tal-awtur. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat dan hija stess (28). Madankollu, kull persuna li użat tagħmir elettroniku modern taf sa liema punt din il-preżunzjoni ma tikkorrispondix għar‑realtà, iżda preċiżament għall-finzjoni.

45.      Fil-fatt, meta jiġi akkwistat tagħmir li fuqu tkun imposta t-tariffa minħabba l‑kopja privata, l-utent jista’ jew jagħmel kwantità kbira ta’ tali kopji jew ma jagħmel l-ebda waħda u juża t-tagħmir jew sabiex jipproduċi, jirreġistra u jqassam il-kontenut li ma jaqax taħt id-drittijiet tal‑awtur, jew għal finijiet kompletament estranji għall-kreattività intellettwali. Huwa għalhekk impossibbli li jiġi previst l-użu effettiv li utent konkret ser jagħmel minn tagħmir partikolari. L-iktar l-iktar nistgħu nevalwaw il-probabbiltà li parti mit-tagħmir ta’ tip partikolari ser jintuża sabiex isiru kopji privati u t-tariffa tinqasam fuq din il‑kategorija kollha ta’ tagħmir skont din l-istima. Għalhekk, is-sistema ta’ kumpens ibbażata fuq it-tariffa tixbah iktar lil sistema ta’ mutwalizzazzjoni, li fiha x-xerrejja kollha ta’ tali tagħmir isostnu tariffa relattivament minima li sussegwentement tintuża sabiex jiġi ffinanzjat il-kumpens għad-dannu kkawżat minn parti biss minn dawn ix-xerrejja (29). Barra minn hekk, din il-mutwalizzazzjoni tiġi kkonstatata wkoll min-naħa tad‑detenturi tad-drittijiet. Fil-fatt, id-dħul mit-tariffi kollha miġbura huwa ċċentralizzat fil-livell tas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva, u mbagħad imqassam bejn dawk kollha li jkunu intitolati skont kriterju ddefinit minnhom (jew inkella, f’ċerti Stati, bil-liġi). Din is-sistema hija għalhekk differenti ħafna minn sistema ta’ kumpens mill-awtur tad-dannu, li hija sistema klassika fid‑dritt ċivil.

46.      Is-sistema tat-tariffa lanqas ma tiżgura koerenza perfetta fis-suq intern. L-ewwel nett, peress li l-eċċezzjoni ta’ kopja privata hija fakultattiva, ċerti Stati Membri ma jipprovduhiex fis-sistema ġuridika tagħhom u oħrajn ma introduċewx sistema ta’ kumpens (30). It-tieni nett, anki fl-Istati Membri fejn it-tariffa hija prevista, din ma tinġabarx b’mod armonizzat. F’dak li jikkonċerna r-rata tagħha, din tista’ tvarja minn wieħed sa ħamsin għal tip ta’ tagħmir simili (31). L-istess japplika għal dak li jirrigwarda l-bażi ta’ din it-tariffa, għaliex tinġabar minn diversi kategoriji ta’ tagħmir fi Stati Membri differenti.

47.      L-iżvilupp teknoloġiku, iktar u iktar rapidu, iqiegħed sfidi ġodda quddiem is-sistema tat-tariffa minħabba l-eċċezzjoni ta’ kopja privata (32). It-tariffa miġbura fuq it-tagħmir li jista’ jservi sabiex isiru kopji ta’ xogħlijiet protett u intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens għad-dannu subit mid-detenturi ta’ drittijiet minħabba dawn il-kopji hija soluzzjoni speċifika li tikkorrispondi għal ċertu stadju tal-evoluzzjoni tat‑teknoloġiji (33). Peress li llum din l-evoluzzjoni kompliet iseħħ, il‑leġittimità u l-effettività tas-sistema tat-tariffa tqiegħdu fid-dubju f’diversi Stati Membri u qed issir riflessjoni sabiex jinstabu soluzzjonijiet ta’ sostituzzjoni (34). Jien ma naħsibx li huwa mixtieq li din ir-riflessjoni tiġi limitata, jew saħansitra ostakolata, f’isem il-prinċipju ta’ “l-utent iħallas” li, fi kwalunkwe każ, kif urejt iktar ’il fuq, jaqa’ taħt il-finzjoni legali pura fl-istat preżenti tal-evoluzzjoni teknoloġika.

 Il-finanzjament tal-kumpens mill-baġit tal-Istat

48.      Fost is-soluzzjonijiet l-oħra maħsuba, hemm il-finanzjament tal‑kumpens minħabba l-eċċezzjoni ta’ kopja privata direttament mill‑baġit tal-Istat. Skont l-informazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, dan il-mod ta’ finanzjament kien adottat, mhux biss fi Spanja, iżda wkoll fl-Estonja, fil-Finlandja u fin-Norveġja.

49.      Fl-analiżi tal-konformità ta’ tali sistema mal‑Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, din ma għandhiex titqies li hija trasformazzjoni tas‑sistema tat-tariffa, li fiha din tal-aħħar, li għaliha huma responsabbli biss il-persuni li jistgħu jagħmlu kopji privati, tiġi sempliċement issostitwita minn kontribuzzjoni tal-persuni taxxabbli kollha, inklużi persuni ġuridiċi, li ma jibbenefikawx mill-eċċezzjoni ta’ kopja privata, u l‑persuni li qatt ma akkwistaw xi tagħmir li jaqa’ taħt din it-tariffa.

50.      Huwa minnu li d-dħul tal-baġit jiġi prinċipalment mit-taxxi diretti u indiretti mħallsa mill-persuni taxxabbli kollha. Dawn it-taxxi jinġabru mill-Istat abbażi ta’ dritt li jikkostitwixxi sa minn dejjem waħda mill-prerogattivi prinċipali tal-awtorità pubblika. Barra minn hekk, l-Istat, bis-saħħa tal-istess dritt ibbażat fuq is-sovranità tiegħu, jiddeċiedi dwar it-tqassim tal-fondi hekk miġbura. Huwa għalhekk korrett li l-persuni taxxabbli kollha jipparteċipaw fil-finanzjament tal-ispejjeż kollha tal-Istat. Madankollu, ma hemmx rabta diretta bejn it‑taxxa mħallsa minn persuna taxxabbli partikolari u spiża waħda jew oħra tal‑baġit, għaliex l-intermedjarju tal-baġit jikser preċiżament din ir-rabta. Hemm biss il-ġbir tat-taxxa, minn naħa waħda, u l-ispejjeż tal-baġit, min-naħa l-oħra. Id-dħul baġitarju ma huwiex allokat għal spejjeż konkreti u, bl-istess mod, persuna taxxabbli ma tistax toġġezzjona għall-allokazzjoni tal-flus “tagħha” għall-finanzjament ta’ spiża konkreta.

51.      Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-kawża preżenti, ma hemmx għalhekk rabta bejn it-taxxi mħallsa mill-persuni taxxabbli, inklużi dawk li, bħall-persuni ġuridiċi, ma jistgħux jibbenefikaw mill-eċċezzjoni ta’ kopja privata, min-naħa waħda, u l-finanzjament tal-kumpens minħabba din l-eċċezzjoni mill-baġit ġenerali tal-Istat, min-naħa l-oħra. Kien ikun mod ieħor biss li kieku taxxa speċifika kienet introdotta għall-finijiet ta’ dan il-finanzjament, iżda dan ma huwiex il-każ tas‑sistema Spanjola inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

52.      Fl-opinjoni tiegħi, il-finanzjament tal-kumpens mill-baġit ġenerali tal-Istat għalhekk ma jmurx kontra l-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Padawan (35), għaliex dan ma huwiex il-każ ta’ twessigħ tal-kamp tat-tariffa għall-persuni taxxabbli kollha, iżda sistema ta’ finanzjament ibbażata fuq loġika differenti. Bl-istess mod, jien ma narax kif din is-sistema tista’ tmur kontra l-kliem tad‑Direttiva 2001/29. Din id-direttiva ma tirregolax, fil-fatt, il-mod ta’ finanzjament tal-kumpens minħabba l-eċċezzjoni ta’ kopja privata, sakemm dan il-kumpens ikun ġust. Dan l-aħħar punt ser jiġi ttrattat fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni domanda preliminari.

 Risposta għall-ewwel domanda

53.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r‑risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-kumpens ġust li jissemma fih jiġi ffinanzjat mill-baġit ġenerali tal‑Istat.

 Dwar it-tieni domanda

54.      Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-ammont tal-kumpens li jissemma fih jiġi ffissat fil-limiti baġitarji stabbiliti a priori għal kull sena finanzjarja, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni, għall‑għanijiet ta’ dan l-iffissar, l-ammont ta’ dannu stmat subit mid-detenturi tad‑drittijiet. Il-kuntest ġuridiku u fattwali intern ta’ din id-domanda huwa dan li ġej.

55.      L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-kuntest ġuridiku, id-Digriet Liġi Rjali 20/2011 (36), kif ukoll id-Digriet Irjali 1657/2012 (37), jipprevedu li l-kumpens minħabba l-eċċezzjoni ta’ kopja privata għandu jiġi kkalkolat abbażi ta’ stima ta’ dannu kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet. Madankollu, skont l-istess Digriet Irjali 1657/2012 (38), l-ammont tal-kumpens huwa stabbilit b’digriet ministerjali “fil-limiti baġitarji stabbiliti għal kull sena finanzjarja”. Għandu jitfakkar li huwa preċiżament id‑Digriet Irjali 1657/2012 li huwa s-suġġett tar-rikors għal annullament fil‑kawża prinċipali. Għalhekk jien ma nikkondividix id-dubju li donnu għandha l-Kummissjoni dwar ir-rilevanza tat-tieni domanda preliminari għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, jekk il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa l-validità tad-Digriet Irjali 1657/2012, dan għandu jsir kemm fid-dawl tad-dritt intern, li hija kwistjoni li ma tinteressaniex hawnhekk, kif ukoll fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

56.      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-kuntest fattwali, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jiddikjaraw li, fis-snin wara l-introduzzjoni tal‑kumpens iffinanzjat mill-baġit tal-Istat, l-ammonti allokati għal dan il-kumpens kienu jilħqu ftit iktar minn EUR 8.6 miljun għas-sena finanzjarja 2013 u EUR 5 miljun għas-sena finanzjarja 2014, filwaqt li dannu subit mid-detenturi tad-drittijiet kien ġie stmat EUR 18.7 miljun u EUR 15.2 miljun, rispettivament.

57.      Għalhekk għandu jiġi analizzat jekk, skont id-Direttiva 2001/29, l-Istat Membru li jiddeċiedi li jintroduċi l-eċċezzjoni ta’ kopja privata u li jiffinanzja l-kumpens minħabba din l-eċċezzjoni mill-baġit tal-Istat jistax jillimita l-ammont ta’ dan il-kumpens b’tali mod li ma jkunx kopert fit-totalità tiegħu, jew lanqas fil-parti l-kbira tiegħu, id-dannu stmat subit mid-detenturi tad-drittijiet minħabba l-imsemmija eċċezzjoni.

58.      Sabiex nirrispondi għal din id-domanda ma noqgħodx lura milli nirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eċċezzjoni ta’ kopja privata (39). Ċertament, nikkunsidra li, kif żviluppajtha jien fil‑kuntest tal-analiżi tal-ewwel domanda, sa fejn din il‑ġurisprudenza tikkonċerna l-mod ta’ finanzjament tal-kumpens minħabba l-eċċezzjoni ta’ kopja privata, ma hijiex rilevanti ħlief fil‑każ ta’ sistema ta’ tariffa. Min-naħa l-oħra, il-prinċipji ġurisprudenzjali relatati mar‑riżultat, jiġifieri mal-effett tal-kumpens mixtieq mil‑leġiżlatur, huma indipendenti mill-mod ta’ finanzjament ta’ dan il‑kumpens u għalhekk jistgħu jkunu trasposti għal kumpens iffinanzjat permezz ta’ mezzi oħra.

59.      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta, l-ewwel nett, li l-kunċett ta’ kumpens ġust fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni (40). Iż-żewġ termini li jifformaw dan il-kunċett għandhom għalhekk jirċievu interpretazzjoni koerenti fl‑Istati Membri kollha. B’mod partikolari, f’dak li jikkonċerna t‑terminu “ġust”, Stat Membru ma għandux dritt jikkunsidra ġust kumpens li ma jissodisfax ċerti kriterji stabbiliti, b’mod partikolari, fil‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 2001/29.

60.      It-tieni nett, ġie deċiż li l-eċċezzjoni ta’ kopja privata għandha tinkludi sistema intiża sabiex tikkumpensa lid-detenturi tad-drittijiet għad‑dannu subit minħabba din l-eċċezzjoni (41). Għalhekk, il-kumpens ġust għandu jitqies li huwa l-korrispettiv tad-dannu subit mid-detenturi tad‑drittijiet u jiġi kkalkolat skont dan id-dannu (42).

61.      Finalment, u t-tielet nett, l-obbligu li jiġi kkumpensat id-dannu subit minħabba l-eċċezzjoni ta’ kopja privata huwa obbligu ta’ riżultat impost fuq l-Istat Membru li jkun introduċa din l-eċċezzjoni (43).

62.      Għalhekk tali Stat Membru ma jissodisfax l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jekk ma jipprovdix sistema li tikkumpensa effettivament id-dannu subit mid-detenturi ta’ drittijiet minħabba l-kopja privata sal-limitu ta’ dan id-dannu, stmat skont ir‑regoli fis-seħħ fl-imsemmi Stat Membru f’dan il-qasam. Dan il-kumpens għalhekk għandu neċessarjament jiġi kkalkolat abbażi tad-dannu stmat u ma jistax ikun a priori limitat għal ammont iżgħar.

63.      F’sistema bbażata fuq it-tariffa miġbura fuq it-tagħmir li jippermetti li jsiru kopji privati, jista’ jitqies li d-dannu subit mid-detenturi tad-drittijiet jiddependi, tal-inqas parzjalment, min‑numru ta’ tali tagħmir mibjugħ. Il-varjazzjonijiet tal-ammont miġbur minħabba t-tariffa għalhekk ma jqegħidx fid-dubju n-natura ġusta, fis-sens tad‑Direttiva 2001/29, tal-kumpens, għaliex dawn il-varjazzjonijiet jirriflettu dawk tal-ammont tad-dannu.

64.      F’sistema fejn il-kumpens huwa ffinanzjat direttament mill-baġit tal-Istat, din il-varjazzjoni awtomatika ma tapplikax. L-ammont tal‑kumpens mogħti lid-detenturi tad-drittijiet għandu għalhekk, bħala prinċipju, jikkorrispondi għall‑ammont tad-dannu stmat subit minn dawn tal‑aħħar minħabba l-eċċezzjoni ta’ kopja privata.

65.      F’dan ir-rigward, m’iniex konvint mill-argumenti ppreżentati mill-Gvern Spanjol, li l-limitazzjoni tal-fondi previsti għall-ħlas tal‑kumpens minħabba l-kopja privata għal ammont iktar baxx mill-ammont stmat tad‑dannu subit mid-detenturi tad-drittijiet hija inerenti fis-sistema ta’ pjanifikazzjoni baġitarja.

66.      L-ewwel nett, fi Stat modern, il-maġġoranza tal-ispejjeż tal-baġit jirriżultaw minn obbligi legali, mingħajr ma l-ammont eżatt ta’ dawn l-ispejjeż ikun prevedibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-liġi dwar il-finanzi. Madankollu, ma huwiex legalment possibbli li ma jsirux dawn il-ħlasijiet u s-sistema baġitarja tinkludi tekniki li jippermettu li jitwettqu dawn l‑obbligi.

67.      It-tieni nett, għalkemm huwa veru li l-ispejjeż tal-baġit għandhom ikunu previsti minn qabel, dawn il-previżjonijiet għandhom isiru abbażi ta’ informazzjoni preċiża u affidabbli. Għal dan il-għan, b’mod partikolari huwa possibbli li l-kalkolu jsir abbażi tal-ammont tal-ispiża simili tas-sena finanzjarja preċedenti (44).

68.      Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-argument tal-istess gvern ibbażat fuq il-prinċipju ta’ politika baġitarja b’saħħitha, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-istess prinċipju jirrikjedi li jsir studju tal-impatt ekonomiku u baġitarju ta’ kull leġiżlazzjoni ġdida. Li kieku kien sar tali studju qabel il-bidla tas-sistema ta’ finanzjament tal-kumpens minħabba l‑kopja privata, l-awtoritajiet Spanjoli kienu jkunu jafu l-ammonti neċessarji sabiex jiġi żgurat kumpens ġust.

69.      Fl-opinjoni tiegħi, huwa għalhekk perfettament possibbli li jiġi żgurat kumpens ġust, fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-finanzjament ta’ dan il-kumpens mill-baġit ġenerali tal-Istat. Madankollu, dan il‑kumpens ma jistax jiġi limitat a priori u b’mod riġidu għal livell li ma jiħux inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-ammont tad-dannu subit mid-detenturi tad-drittijiet, kif stmat skont ir-regoli applikabbli f’dan il-qasam fid-dritt intern tal-Istat Membru kkonċernat.

70.      Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-ammont tal-kumpens li jissemma fih jiġi ffissat fil-limiti baġitarji stabbiliti a priori għal kull sena finanzjarja, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-għanijiet ta’ dan l-iffissar, l-ammont stmat tad‑dannu subit mid-detenturi tad-drittijiet.

 Konklużjoni

71.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l‑Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit‑Tribunal Supremo (qorti suprema) kif ġej:

1)         L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l‑armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis‑sens li ma jipprekludix li l-kumpens ġust li jissemma fih jiġi ffinanzjat mill-baġit ġenerali tal‑Istat.

2)         L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-ammont tal-kumpens ġust li jissemma fih jiġi ffissat fil-limiti baġitarji stabbiliti a priori għal kull sena finanzjarja, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-għanijiet ta’ dan l-iffissar, l-ammont stmat tad‑dannu subit mid-detenturi tad-drittijiet.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      Dikjarazzjoni adottata f’Pariġi fl-10 ta’ Diċembru 1948 bir-Riżoluzzjoni 217 A (III) tal‑Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.


3 –      Il-konkordanza bejn l-Artikolu 27 tal-imsemmija dikjarazzjoni u l-eċċezzjoni ta’ kopja privata ġiet ikkummentata minn Marcinkowska, J., “Dozwolony użytek w prawie autorskim – Podstawowe zagadnienia”, Kraków, 2004. Ara wkoll, dwar ir-relazzjoni bejn id‑dritt għall-kultura u d-drittijiet tal-awtur, Matczuk, J., “Prawo do kultury v. prawo autorskie – nieuchronny konflikt czy nadzieja na koncyliację?”, Prace z prawa własności intelektualnej, 2015, Sezzjoni 127, p. 36 sa 51.


4 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.


5 –      Dwar is-sostituzzjoni, fi Spanja, tat-tariffa inkwistjoni minn kumpens mill-baġit ġenerali tal-Istat, ara, b’mod partikolari, Xalabarder, R., “The abolishment of copyright levies in Spain. A consequence of Padawan?”, Tijdschrift voor auteurs-, media- & informatierecht, Nru 6/2012, p. 259 sa 262.


6 –      Artistas Intérpretes, Sociedad de Gestión (AISGE), Centro Español de Derechos Reprográficos (CEDRO) kif ukoll Sociedad General de Autores y Editores (SGAE), Asociación de Gestión de Derechos Intelectuales (AGEDI) u Entidad de Gestión, Artistas, Intérpretes o Ejecutantes, Sociedad de Gestión de España (AIE).


7 –      Kemm dawk li jagħtu sostenn lir-rikorrenti kif ukoll dawk li jagħtu sostenn lill‑konvenuta.


8 –      Ir-Renju tan-Norveġja huwa marbut bid-Direttiva 2001/29 bħala Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea.


9 –      Sabiex nieħu biss l-eżempju li huwa l-iktar qrib tiegħi, dak tad-dritt Pollakk, din l‑eċċezzjoni, fil-preżent imsejħa “użu privat awtorizzat” (“dozwolony użytek prywatny”), kienet diġà preżenti fil-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur applikabbli f’partijiet differenti tal-Istat Pollakk wara l-kisba mill-ġdid tal-indipendenza fl‑1918: il-liġi Awstrijaka tal-1895, il-liġijiet Ġermaniżi tal-1901 u tal-1907, kif ukoll il-liġi Russa tal-1911. Din l-eċċezzjoni sussegwentement tinstab fil-liġi Pollakka dwar id-drittijiet tal-awtur tal-1926 (Artikolu 18), dik tal-1952 (Artikolu 22) u dik tal-1994, attwalment fis-seħħ (Artikolu 23). Ara Sokołowska, D., “Dozwolony użytek prywatny utworów – głos w dyskusji na temat zmiany paradygmatu”, Prace z prawa własności intelektualnej, 2013, Sezzjoni 121, p. 20 sa 45.


10 –      Ma hemmx għalfejn ngħidu li hawnhekk qed nitkellmu biss dwar l-użu leġittimu ta’ xogħol akkwistat b’mod leġittimu.


11 –      Dwar l-oriġini u l-aspetti teoretiċi tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata, ara, pereżempju, More, K., “Les dérogations au droit d’auteur. L’exception de copie privée”, Presses Universitaires de Rennes 2009, p. 33 et seq; Preussner-Zamorska, J., f’Barta, J., (ed.), “System prawa prywatnego. Prawo autorskie”, it-tieni edizzjoni, Varsavja 2007, p. 381 et seq; Stanisławska-Kloc, S., f’Flisak, D., (ed.), “Prawo autorskie i prawa pokrewne. Komentarz Lex”, Varsavja 2015, p. 343 et seq, u Vivant, M., Bruguière, J.‑M., “Droit d’auteur et droits voisins”, it-tieni edizzjoni; Dalloz 2013, p. 486 et seq.


12 –      Il-kumpens minħabba l-kopja privata normalment jagħmel parti, mhux mid‑dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-limitazzjonijiet jew l-eċċezzjonijiet għad‑drittijiet mogħtija lill-awturi u lid-detenturi l-oħra, imma mil-leġiżlazzjoni dwar dawn id-drittijiet (ara, pereżempju, l-Artikoli 25 u 31 tal-liġi dwar il‑proprjetà intellettwali Spanjola, l-Artikoli L. 122‑5 u L. 311‑1 tal-kodiċi tal‑proprjetà intellettwali Franċiż, jew l-Artikoli 20 u 23 tal-liġi dwar id-drittijiet tal‑awtur u d-drittijiet relatati Pollakka). Għalhekk, la l-ħlas mill-utent u lanqas il-kisba tal‑kumpens mid-detentur tad-drittijiet ma jikkundizzjonaw il-benefiċċju ta’ din l-eċċezzjoni. Ara, f’dan is-sens, Preussner-Zamorska, J., op. cit., p. 414.


13 –      Ara, b’mod partikolari, Astier, H., “La copie privée. Deux ou trois choses que l’on sait d’elle”, Revue internationale du droit d’auteur, 1986, Nru 128, p. 113 sa 145; Machała, W., “Dozwolony użytek utworów w prawie europejskim i w ustawie o prawie autorskim”, Państwo i prawo, Nru 12/2004, p. 16 sa 33; Marcinkowska, J., op. cit., p. 219 et seq, u Vivant, M., Bruguière, J.‑M., op. cit., p. 416.


14 –      Nuża t-terminu “eċċezzjoni” għal raġunijiet ta’ kumdità, imma d‑Direttiva 2001/29 ma tikkjarifikax id-dubju msemmi fil-punt 15 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, għaliex hija titkellem dwar “eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet” mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejniethom.


15 –      Il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tinkludi qabel kollox żewġ sentenzi “bażiċi”: is-sentenzi Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620) u Stichting de Thuiskopie (C‑462/09, EU:C:2011:397). Sussegwentement hija ġiet issupplimentata bis‑sentenzi VG Wort et (C‑457/11 sa C‑460/11, EU:C:2013:426); Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515); ACI Adam et (C‑435/12, EU:C:2014:254); Copydan Båndkopi (C‑463/12, EU:C:2015:144) u, fl-aħħar nett, Hewlett-Packard Belgium, (C‑572/13, EU:C:2015:750).


16 –      Dan tikkonfermah ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, b’mod partikolari, is‑sentenza Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 37).


17 –      Ara s-sentenza Stichting de Thuiskopie (C‑462/09, EU:C:2011:397, punt 23). Ara wkoll, f’dan is-sens, Karapapa, S., “Padawan v SGAE: a right to private copy?”, European Intellectual Property Review, 2011, Vol. 33, Nru 4, p. 252 sa 259.


18 –      Ara, f’dan is-sens, Vivant, M., Bruguière, J.‑M., op.cit., p. 416.


19 –      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad‑drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 376, p. 28).


20 –      Sentenza Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punti 38 sa 45).


21 –      C‑462/09, EU:C:2011:397, punti 23 sa 29 u l-punt 1 tad-dispożittiv.


22 –      Huwa fil-fatt possibbli wkoll li fihom jinstabu argumenti favur l-argument oppost għal dak sostnut mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bħal fil-punt 37 tas-sentenza Padawan, li jipprovdi li, minkejja li l-kunċett ta’ kumpens ġust fih innifsu għandu jiġi interpretat b’mod uniformi, id-Direttiva 2001/29 tagħti lill-Istati Membri l-“fakultà […] li jiddeterminaw […] il-forma, ir-regoli dettaljati tal-finazjament u l-ġbir kif ukoll il-livell ta’ dan il-kumpens […]”, jew inkella l-punt 23 tas-sentenza Stichting de Thuiskopie, li jipprovdi li “għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2001/29 ma jirregolawx b’mod espliċitu l-kwistjoni dwar min għandu jħallas l-imsemmi kumpens, hekk li l-Istati Membri għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw min għandu jħallas dan il-kumpens ġust” (enfasi miżjuda minni).


23 –      Ara, f’dak li jirrigwarda d-deskrizzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali u tad-dubji tal-qorti tar‑rinviju, is-sentenza Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 17) u l‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak f’din il-kawża (C‑467/08, EU:C:2010:264, punt 21).


24 –      Sentenza Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punti 46 sa 49).


25 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 45) u Stichting de Thuiskopie (C‑462/09, EU:C:2011:397, punt 1 tad-dispożittiv).


26 –      Sentenza Copydan Båndkopi (C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 8 tad-dispożittiv).


27 –      Bħala eżempju, studji li saru fi Franza fl-1982 u fl-1983, qabel l-introduzzjoni tat‑tariffa għal kopja privata, urew li 90 % ta’ tejps awdjo u vidjo ġodda kienu jintużaw sabiex jirreġistraw kopji ta’ xogħlijiet protett mid-drittijiet tal-awtur (ara Astier, H., op.cit., p. 114).


28 –      Sentenza Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 55).


29 –      Ara, f’dan is-sens, Marino, L., “La (discutable) logique de la redevance pour copie privée”, SJEG, Nru 50 (2010), p. 2346 sa 2349. Skont Lucas, A., “Les dits et les non-dits de la copie privée”, Propriétés intellectuelles, Nru 43 (2012) p. 232 sa 239, il-prinċipju ta’ mutwalizzazzjoni tqiegħed fid-dubju mill-Qorti tal‑Ġustizzja fis-sentenza Padawan tagħha, meta hija eskludiet il-ġbir tat-tariffa fuq it-tagħmir intiż għal finijiet professjonali. Madankollu, anki l-użu privat ta’ dan it‑tagħmir ma jfissirx awtomatikament li kull utent jagħmel kopji privati. Fl‑opinjoni tiegħi, dejjem jista’ jkun hemm sistema ta’ mutwalizzazzjoni.


30 –      Dawn huma, b’mod partikolari, skont l-informazzjoni li għandi, ir-Repubblika tal-Bulgarija, l‑Irlanda, ir-Repubblika ta’ Ċipru, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Repubblika ta’ Malta. Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq introduċa eċċezzjoni ta’ kopja privata fl-2014 mingħajr ma ppreveda kumpens [The Copyright and Rights in Performances (Personal Copies for Private Use) Regulations 2014]. Fil‑fatt, huwa kkunsidrat li d-dannu kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet huwa minimu, fatt li ma jnissilx l-obbligu ta’ kumpens skont il-premessa 35 tad-Direttiva 2001/29. Barra minn hekk, din hija l-leġitimazzjoni ta’ prattika kurrenti tal-konsumaturi li kienet diġà integrata mid-detenturi tad-drittijiet fil-prezz tax-xogħlijiet ikkomunikati lill-pubbliku (ara Cameron, A., “Copyright exceptions for the digital age: new rights of private copying, parody and quotation”, Journal of Intellectual Property Law & Practice, 2014, Vol. 9, Nru 12, p. 1002 sa 1007).


31 –      Ara, fost l-oħrajn, Latreille, A., “La copie privée dans la jurisprudence de la CJUE”, Propriétés intellectuelles, Nru 55 (2015), p. 156 sa 176, li jagħti l-eżempju tal-ammont tat-tariffa miġbura għal DVD vojt f’diversi Stati Membri.


32 –      L-intenzjoni tiegħi ma hijiex li nikkritika s-sistema tat-tariffa, għaliex ma huwiex is-suġġett inkwistjoni f’din il-kawża. Għalhekk m’iniex ser nidħol fid-dettalji ta’ dan is-suġġett. Ċerti problemi ġew indikati mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha. Id-diversi kwistjonijiet li tqajjem is-sistema tat-tariffa fl-epoka diġitali huma s-suġġett ta’ letteratura abbundanti. Bħala eżempju, ara: Latreille, A., op.cit.; Majdan, J., u Wikariak, S., (ed.) “Czy można sprawiedliwie obliczyć opłatę za kopiowanie utworów?”, Gazeta prawna tas-16 ta’ Settembru 2015; Sikorski, R., “Jeśli nie opłata reprograficzna to co?”, Gazeta prawna tat-30 ta’ Settembru 2015; Still, V., “Is the copyright levy system becoming obsolete? The Finnish experience”, Tijdschrift voor auteurs-, media- & informatierecht, 2012/6, p. 250 sa 258; Troianiello, A., “La rémunération de la copie privée à l’épreuve de la révolution numérique”, Revue Lamy Droit de l’immatériel, Nru 73 (2011), p. 9 sa 14, u, tal-istess awtur, “‘Fluctuat nec mergitur?’ Réflexions sur les vicissitudes du dispositif de rémunération de la copie privée”, Petites affiches, Nru 228 (2011), p. 5. Ara wkoll ir-rapport ta’ F. Castex għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal‑Parlament Ewropew, tas-17 ta’ Frar 2014, dwar it-tariffi għal kopja privata [2013/2114(INI)].


33 –      Ara l-punti 16 u 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34 –      Ir-riflessjonijiet li wasslu għal dan is-suġġett fil-Finlandja huma rrakkontati minn Still, V., op.cit.


35 –      C‑467/08, EU:C:2010:620.


36 –      L-għaxar dispożizzjoni addizzjonali, punt 3.


37 –      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 3. Ara l-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


38 –      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3. Ara l-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39 –      Ara l-ġurisprudenza ċċitata, b’mod partikolari, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40 –      Sentenza Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 37).


41 –      Ibidem (punt 39).


42 –      Ibidem (punti 40 u 42).


43 –      Sentenza Stichting de Thuiskopie (C‑462/09, EU:C:2011:397, punti 34 u 39).


44 –      Biex nieħu l-iktar eżempju sempliċi, jekk is-somma intiża għall-finanzjament tal‑kumpens minħabba l-kopja privata fil-baġit tal-Istat Spanjol għal 2014 kienet ġiet ikkalkolata abbażi tad-dannu stmat fl-2013 (infakkar, EUR 18.7 miljun), hija mhux biss setgħet tkopri d-dannu stmat fl-2014 (EUR 15.2 miljun), iżda wkoll kien jibqa’ ż-żejjed.