Language of document : ECLI:EU:F:2009:144

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

27 ta’ Ottubru 2009

Kawża F-61/07

Gerhard Bauch

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Allowance għall-firda – Natura ġuridika”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu G. Bauch jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal‑Kummissjoni, tad-9 ta’ Ottubru 2006, li tiċħad it-talba tiegħu essenzjalment intiża li tiġi emendata d-dikjarazzjoni li ngħatatlu rigward l-allowance għall-firda li huwa kien irċieva fl-1994 wara li skada l-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Allowance għall-firda – Rabtiet mad-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikoli 11(1) u 12)

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Allowance għall-firda – Kalkolu

1.      Minkejja li l-allowance għall-firda ma għandhiex, bħala tali, in-natura ta’ pensjoni tal-irtirar, mill-Artikolu 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma jirriżulta li l-allowance għall-firda hija intiża għal uffiċjali jew għal membri tal‑persunal li, abbażi tal-kontribuzzjonijiet fix-xahar imnaqqsa mis-salarju tagħhom, kisbu drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar rudimentali, iżda li la jistgħu jibbenefikaw mill-ħlas effettiv ta’ pensjoni tal-irtirar Komunitarja minħabba tul ta’ servizz ta’ inqas minn għaxar snin, u lanqas mid-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 11(1) tal‑Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ sat‑30 ta’ April 2004. Barra minn hekk, somma mħallsa skont l-Artikolu 12(b) tal-Anness VIII tal-istess Regolamenti tal-Persunal, li tikkostitwixxi wieħed miż‑żewġ komponenti tal-allowance għall-firda tal-membri tal‑persunal temporanju, hija kkalkolata abbażi tal-ammont tas-somom miżmuma mis-salarju bażiku ta’ dawn il-membri tal-persunal skont il-kontribuzzjoni tagħhom għall-pensjoni, miżjuda b’interessi komposti bir-rata ta’ 3.5 % fis-sena. Għalhekk, ma jistax jiġi ammess li l-allowance għall-firda hija nieqsa minn kull rabta ma’ drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar.

(ara l-punti 51 sa 56)

2.      Is-sempliċi fatt li l-allowance għall-firda titħallas, bħala kumpens, lill-membri tal‑persunal li jkunu kisbu drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar rudimentali, iżda li ma jistgħux jibbenefikaw mill-ħlas effettiv ta’ pensjoni tal-irtirar ma jimplikax neċessarjament li l-ammont ta’ tali allowance għandu jikkorrispondi mal‑ekwivalenti attwarjali tad-drittijiet tagħhom għall-pensjoni tal-irtirar rudimentali.

(ara l-punt 60)