Language of document : ECLI:EU:F:2012:189

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)

12 ta’ Diċembru 2012

Kawża F‑109/11

Giorgio Lebedef

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Proċedura ta’ evalwazzjoni għas-sena 2009 — Eżenzjoni għal nofs il-ħin għal finijiet ta’ rappreżentazzjoni sindakali — Rapport ta’ evalwazzjoni li jkopri l-funzjonijiet eżerċitati fis-servizz ta’ assenjazzjoni — Ħatra statutorja — Ħatra sindakali — Rikors manifestament infondat fid-dritt”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li bih G. Lebedef jitlob l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni li jkopri l-funzjonijiet eżerċitati fis-servizz ta’ assenjazzjoni tiegħu għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2009.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament infondat. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rappreżentanza — Eżenzjoni mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet għal nofs il-ħin għal finijiet sindakali — Ħatra sindakali matul in-nofs tal-ħin li jifdal — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

2.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Redazzjoni — Uffiċjali li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ rappreżentanza tal-membri tal-persunal — Sistema stabbilita mill-Kummissjoni — Konsultazzjoni tal-grupp ad hoc ta’ evalwazzjoni — Għan

3.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-evalwaturi — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

1.      Uffiċjal eżentat mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet għal nofs il-ħin tax-xogħol għal finijiet sindakali jew ta’ rappreżentanza tal-persunal jista’ jibbenefika minbarra dan, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet matul in-nofs tal-ħin ta’ xogħol li jifdal, minn ħatra sindakali li tippermettilu jeżerċita attivitajiet sindakali. Madankollu huwa meħtieġ li ħatra minn organizzazzjoni sindakali jew professjonali rappreżentattiva tiġi stabbilita b’mod ċar.

Barra minn hekk, tali ħatra sindakali jew statutorja la jista’ jkollha bħala għan u lanqas bħala effett li tibdel, de facto, eżenzjoni mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet għal għanijiet sindakali jew ta’ rappreżentanza tal-persunal mogħtija għal nofs il-ħin ta’ xogħol f’tali eżenzjoni iżda għat-totalità tal-ħin ta’ xogħol. Il-fatt li jiġi aċċettat li uffiċjal jew membru tal-persunal li ma ġiex eżentat milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu għal finijiet ta’ rappreżentanza tal-persunal jiddedika għar-rappreżentanza tal-persunal il-kważi‑totalità jew saħansitra t-totalità tal-ħin tax-xogħol tiegħu, b’tali mod li jiddedika biss ftit, jew saħansitra l-ebda ħin ta’ xogħol għas-servizz ta’ assenjazzjoni tiegħu, għandu bħala effett li tiġi evitata s-sistema stabbilita permezz tad-diversi ftehimiet konklużi bejn il-Kummissjoni u l-organizzazzjonijiet sindakali jew professjonali rappreżentattivi u jista’ jikkostitwixxi, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, abbuż ta’ liġi.

(ara l-punti 42 u 54)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 7 ta’ Mejju 2008, Lebedef vs Il‑Kummissjoni, F‑36/07; 7 ta’ Lulju 2009, Lebedef vs Il‑Kummissjoni, F‑39/08, punt 50, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Fil-kuntest tas-sistema stabbilita mill-Kummissjoni rigward l-evalwazzjoni tal-uffiċjali li jeżerċitaw attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-persunal, l-għan tal-konsultazzjoni tal-grupp ad hoc huwa preċiżament li l-evalwatur jiġi pprovdut bl-informazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-funzjonijiet li l-uffiċjal evalwat jeżerċita inkwantu rappreżentant tal-persunal jew rappreżentant sindakali.

(ara l-punt 45)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim Istanza: 5 ta’ Novembru 2003, Lebedef vs Il‑Kummissjoni, T‑326/01, punt 54

3.      L-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni dwar il-kontenut tar-rapporti ta’ evalwazzjoni huwa limitat għall-istħarriġ tar-regolarità proċedurali, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ użu ħażin ta’ poter. Ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li għandha tistħarreġ il-fondatezza tal-evalwazzjoni magħmula mill-amministrazzjoni dwar il-kompetenzi professjonali ta’ uffiċjal, meta din tkun tinkludi deċiżjonijiet kumplessi ta’ valur li, min-natura tagħhom stess, ma jistgħux jiġu vverifikati b’mod oġġettiv.

(ara l-punt 61)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 29 ta’ Settembru 2011, AJ vs Il‑Kummissjoni, F‑80/10, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata