Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Köln (il-Ġermanja) fis-17 ta’ Marzu 2020 – BD vs Deutsche Lufthansa AG

(Kawża C-150/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Amtsgericht Köln

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: BD

Konvenuta: Deutsche Lufthansa AG

Domandi preliminari

Id-Direttiva (UE) 2016/681 1 , ikkunsidrata fid-dawl tal-punti segwenti, hija konformi mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

Id-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri [(iktar ’il quddiem id-“data PNR”)] li għandha tiġi ttrasferita taħt id-Direttiva 2016/681 għandha titqies li hija speċifika biżżejjed għall-finijiet tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?

Id-Direttiva 2016/681, fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tagħmel distinzjoni materjali suffiċjenti fil-kuntest tal-ġbir u tat-trasferiment tad-data PNR skont it-tip ta’ titjira u l-livell ta’ theddida f’pajjiż partikolari kif ukoll skont paragun ma’ databases u ma’ mudelli?

It-tul standard u mingħajr distinzjoni tal-perijodu li matulu tinħażen id-data PNR kollha huwa kompatibbli mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?

Id-Direttiva 2016/681, fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tipprevedi protezzjoni proċedurali suffiċjenti tal-passiġġieri fir-rigward tal-użu tad-data PNR maħżuna?

Id-Direttiva 2016/681, fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tiżgura li l-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali Ewropej ikun iggarantit b’mod suffiċjenti fil-kuntest tal-kondiviżjoni tad-data PNR ma’ awtoritajiet ta’ Stati terzi minn pajjiżi terzi?

____________

1 Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU 2016, L 119, p. 132).