Language of document :

Appell ippreżentat fit-23 ta Diċembru 2019 minn Carmen Liaño Reig mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fl-24 ta’ Ottubru 2019 fil-Kawża T-557/17, Liaño Reig vs SRB

(Kawża C-947/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellanti: Carmen Liaño Reig (rappreżentant: F. López Antón, abogado)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ dan l-appell u tannulla d-digriet tal-24 ta’ Ottubru 2019, Liaño Reig vs SRB (T-557/17, mhux ippubblikat, EU:T:2019:771) fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali u tal-impożizzjoni fuq ir-rikorrenti tal-ispejjeż tas-SRB fil-punti (1) u (3), rispettivament, tad-dispożittiv tad-digriet;

skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tiddeċiedi b’mod definittiv it-tilwima suġġett tar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kawża msemmija iktar ’il fuq, u tilqa’ t-talbiet kollha tagħha esposti fir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, jekk tqis li din it-tilwima qiegħda fi stat li tiġi deċiża jew, jekk le, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni, u tirriżerva d-deċiżjoni fuq l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

A)    Dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors ibbażata fuq il-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni mitlub mir-rikorrenti ma jistax jiġi sseparat mill-kumplament tal-elementi tad-dispożittiv tar-riżoluzzjoni mingħajr ma tiġi affettwata s-sustanza tad-Deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

L-argument invokat fil-punt 40 tad-digriet ikkontestat huwa vvizzjat b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

Il-konstatazzjoni invokata fil-punt 40 tad-digriet ikkontestat hija żbaljata u infondata għaliex ma tiħux inkunsiderazzjoni tad-data dwar l-ammonti tal-istrumenti finanzjarji tal-kategorija 2 li għalihom jirreferi l-Artikolu 6(1)(d) tad-Deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni u mibdula f’azzjonijiet ta’ Banco Popular.

Id-digriet ikkontestat ma jiħux inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-fatt li l-modifika tas-sustanza tal-att għandha tiġi evalwata abbażi ta’ kriterju oġġettiv.

Il-punti 30 u 35 tad-digriet ikkontestat huma vvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni dwar l-allegata neċessità ta’ konverżjoni tal-istrumenti finanzjarji kollha tal-kategorija 2 bħala prerekwiżit meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-għodda ta’ riżoluzzjoni li tikkonsisti fil-bejgħ tan-negozju.

Id-digriet ikkontestat jagħmel żball ta’ liġi meta jibbaża fuq l-offerta ta’ xiri ppreżentata minn Banco de Santander, li ma tagħmilx parti mid-dokumenti fil-proċess.

Id-digriet ikkontestat għandu żball ta’ liġi għaliex ma jiħux inkunsiderazzjoni, fil-punti 31 u 32 tiegħu, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-effiċjenza tal-valutazzjoni 2 u ma jivvalutax id-dokumenti fil-proċess li jakkreditaw dawn l-allegazzjonijiet.

Il-punt 42 tad-digriet ikkontestat għandu żball ta’ liġi għal nuqqas ta’ motivazzjoni.

Id-digriet ikkontestat jinjora l-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 21(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014 dwar l-osservanza tar-rekwiżit ta’ separabbiltà, u għalhekk il-motivazzjoni fil-punt 42 tad-digriet ikkontestat hija żbaljata.

B)    Dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors ibbażata fuq il-fatt li d-digriet ikkontestat iqis li l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni mitlub mir-rikorrenti huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn kredituri tal-istess kategorija.

Id-digriet ikkontestat fil-punti 48 u 51 għandu żball ta’ evalwazzjoni tal-allegazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti.

Il-punti 45 u 46 tad-digriet ikkontestat għandhom żball ta’ liġi għaliex japplikaw indebitament fir-rigward tal-Bonds BPEF il-prinċipju ġenerali ta’ riżoluzzjoni stabbilit fl-Artikolu 15(1)(f) tar-Regolament.

Id-digriet fil-punti 44 sa 46 u 51 għandu żball ta’ liġi għaliex japplika b’mod żbaljat fir-rigward tal-Bonds BPEF il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u għandu barra minn hekk motivazzjoni żbaljata.

C)    Dwar l-inammissibbiltà tat-talba għall-annullament tal-valutazzjonijiet 1 u 2

Id-digriet ikkontestat (fil-punt 55) jimmotiva l-inammissibbiltà tat-talba għall-annullament tal-valutazzjonijiet 1 u 2 biss fuq l-inammissibbiltà tat-talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni magħmula mir-rikorrenti.

D)    Dwar l-inammissibbiltà tat-talba għal kumpens

Id-digriet ikkontestat (fil-punt 66) jimmotiva l-inammissibbiltà tat-talba għal kumpens magħmula mir-rikorrenti biss fuq l-inammissibbiltà tat-talba għall-annullament tal-konverżjoni tal-Bonds BPEF f’azzjonijiet ta’ Banco Popular.

____________