Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Frankenthal (il-Ġermanja) fis-17 ta’ Settembru 2019 – OK vs Daimler AG

(Kawża C-685/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Frankenthal

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: OK

Konvenuta: Daimler AG

Domandi preliminari

Il-punt (a) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi 1 għandu jiġi interpretat u applikat fis-sens li jkun hemm lok għall-użu ta’ tagħmir għar-riduzzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni biss meta l-protezzjoni tal-mutur kontra dannu jew inċident u s-sigurtà tal-funzjonament tal-vettura ma setgħux jiġu ggarantiti, minkejja l-użu tal-iktar teknoloġija avvanzata disponibbli meta ngħatat l-approvazzjoni tat-tip tal-mudell tal-vettura inkwistjoni?

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:

Derogi mill-obbligu ġenerali li tintuża l-iktar teknoloġija avvanzata meta tingħata l-approvazzjoni tat-tip ta’ vettura huma ammissibbli għal raġunijiet oħra, pereżempju nuqqas ta’ esperjenza fuq żmien twil jew l-ispejjeż tal-iktar teknoloġija avvanzata li huma sproporzjonalment għoljin meta mqabbla ma’ teknoloġija oħra, u li għandhom effett kunsiderevoli fuq il-prezz tal-bejgħ?

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv:

Fil-każ ta’ użu ta’ komponenti teknoloġiċi li huma bħala prinċipju ammissibbli, ikun hemm inkwistjoni tagħmir għar-riduzzjoni pprojbit fil-forma ta’ “marġni ta’ temperaturi” meta l-parametri rreġistrati f’dan ir-rigward fis-sistema ta’ kontroll tal-magna jintgħażlu b’mod li l-purifikazzjoni tal-gass tal-egżost

minħabba t-temperaturi magħżula b’teħid inkunsiderazzjoni tal-aspettattiva tat-temperaturi abitwali matul il-parti l-kbira tas-sena

minħabba parametri oħra, bħall-altitudni effettiva tal-vettura meta mqabbla mal-livell tal-baħar, fir-reġjuni rilevanti tal-Ġermanja jew tas-suq intern Ewropew,

ma tkunx attivata jew tkun attivata sa ċertu limitu?

____________

1 ĠU 2007, L 171, p. 1.