Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta’ Novembru 2020 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fid-9 ta’ Settembru 2020 fil-Kawża T-437/16, L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-623/20 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Gattinara, D. Milanowska, T. Lilamand, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Ir-Repubblika Taljana, ir-Renju ta’ Spanja

Talbiet

tannulla s-sentenza appellata;

ġaladarba l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-istat tal-kawża jippermetti dan, tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza bħala infondat;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż tal-kawża odjerna u għall-dawk tal-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji. L-ewwel aggravju huwa marbut ma’ żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal u fl-interpretazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll ma’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali. Dan huwa diviż fi tliet partijiet;

L-ewwel parti hija marbuta ma’ żball ta’ liġi u ma’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni inkonnessjoni mal-finijiet tal-operabbiltà immedjata tal-kandidati u tirrigwarda l-punt 137 tas-sentenza appellata.

It-tieni parti hija marbuta mad-definizzjoni ta’ oneru tal-prova sproporzjonat fil-konfront tal-Kummissjoni u ma’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni; dan huwa relattiv għall-punti 113, l-aħħar sentenza, 138, 144, 147, l-aħħar sentenza, 157-161, 193 u 197 tas-sentenza appellata.

It-tielet parti hija marbuta ma’ żball ta’ liġi fit-tfittxija ta’ att legalment vinkolanti fir-regoli interni prodotti fil-kawża mill-Kummissjoni; dan jirrigwarda l-punti 132-135 tas-sentenza appellata.

It-tieni aggravju huwa marbut ma’ żnaturamenti differenti mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tal-provi kif ukoll ma’ żball ta’ liġi.

L-ewwel żnaturament huwa marbut mal-evalwazzjoni tal-komunikazzjoni tal-President tal-Kummissjoni u tal-approvazzjoni tiegħu għan-nom tal-kulleġġ; dan jinsab fil-punti 112 sa 117, 138, tas-sentenza appellata.

It-tieni żnaturament huwa marbut mal-evalwazzjoni tar-regolament intern tal-Kummissjoni u tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tiegħu; dan jinsab fil-punti 119-120 tas-sentenza appellata.

It-tielet żnaturament huwa marbut mal-evalwazzjoni tat-taqsima dwar l-eżiġenzi lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni inklużi fil-Manwal tal-proċedura operattiva u jirreferi għall-punti 145-149 tas-sentenza appellata.

Ir-raba’ żnaturament huwa marbut man-nuqqas ta’ evalwazzjoni globali tad-dokumenti imsemmija fil-punti i) sa iii), iktar ’il fuq u jirreferi għall-punti 132-137, 139, tas-sentenza appellata.

Il-ħames żnaturament huwa marbut mal-evalwazzjoni tal-komunikazzjoni SEC(2006)1489 final u jikkonċerna l-punti 140-143 tas-sentenza appellata.

Is-sitt żnaturament huwa marbut mal-evalwazzjoni tal-elementi dwar il-lingwi użati mill-membri tal-persunal tal-Kummissjoni inkarigati mill-funzjonijiet tal-verifika; inkonnessjoni mal-istess punti tas-sentenza, il-Kummissjoni tinvoka wkoll żball ta’ liġi; dawn iż-żewġ difetti jirrigwardaw il-punti 152-163 tas-sentenza appellata.

Is-seba’ żnaturament huwa marbut mal-prassi interna tal-Qorti tal-Awdituri fil-qasam lingwistiku u mal-lingwi użati mill-membri tal-persunal tal-Qorti tal-Awdituri; dan jirrigwarda l-punti 172-188 tas-sentenza appellata.

It-tielet aggravju huwa marbut mal-illeġittimità tal-analiżi tal-Qorti Ġenerali dwar il-lingwi ta’ komunikazzjoni tal-kandidati; dan jagħmel riferiment għall-punti 219 sa 224 tas-sentenza appellata.

____________