Language of document : ECLI:EU:F:2009:99

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

20 ta’ Lulju 2009

Kawża F-86/07

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Fastidju psikoloġiku – Talba għal investigazzjoni – Inammissibbiltà manifesta – Rikors manifestament infondat fid-dritt”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li bih L. Marcuccio jitlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal‑Kummissjoni li tiċħad it-talba tiegħu li ssir investigazzjoni dwar il-fastidju psikoloġiku li ġarrab matul il-perijodu li fih huwa kien assenjat mad-delegazzjoni tal-Kummissjoni fl-Angola, u l‑kundanna tal-Kummissjoni għall-kumpens tad-dannu li jirriżulta minn dan l-allegat fastidju psikoloġiku.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud, parzjalment, bħala manifestament inammissibbli u, parzjalment, bħala manifestament infondat fid‑dritt. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikorsi – Att li jikkawża preġudizzju – Att preparatorju – Rapport tal-Uffiċċju ta’ Investigazzjoni u ta’ Dixxiplina – Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

1.      Fil-qasam ta’ rikorsi tal-uffiċjali, l-atti preparatorji għal deċiżjoni ma jikkawżawx preġudizzju u jistgħu jiġu kkontestati biss b’mod inċidentali, f’rikors kontra l-atti annullabbli. Għalkemm xi miżuri purament preparatorji jistgħu jikkawżaw preġudizzju għal uffiċjal sa fejn jistgħu jinfluwenzaw il-kontenut ta’ att sussegwenti li jkun jista’ jiġi kkontestat, dawn il-miżuri ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors separat u għandhom jiġu kkontestati insostenn ta’ rikors li jsir kontra dan l‑att.

Peress li r-rapport tal-Uffiċċju ta’ Investigazzjoni u ta’ Dixxiplina jikkostitwixxi biss miżura preparatorja għal deċiżjoni finali li l-Awtorità tal-Ħatra għandha, f’dan il-każ, tasal li tadotta, talbiet għall-annullament tal-imsemmi rapport għandhom jiġi miċħuda bħala manifestament inammissibbli.

(ara l-punti 39, 40)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 7 ta’ April 1965, Weighardt vs Il‑Kummissjoni, 11/64, Ġabra p. 365, 383; 11 ta’ Lulju 1968, Van Eick vs Il‑Kummissjoni, 35/67, Ġabra p. 481, 500; 14 ta’ Frar 1989, Bossi vs Il-Kummissjoni, 346/87, Ġabra p. 303, punt 23

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il-Kummissjoni, T‑309/03, Ġabra p. II‑1173, punti 46 sa 58

2.      Bis-saħħa tal-obbligu ta’ assistenza li għandha, l-amministrazzjoni għandha, fil‑preżenza ta’ inċident inkompatibbli mal-ordni u mas-serenità tas-servizz, tintervjeni bl-enerġija neċessarja u tirreaġixxi bil-ħeffa u bil-premura neċessarji rikjesti miċ-ċirkustanzi tal-kawża sabiex tistabbilixxi l-fatti u tiġbed, minn dak li ssir taf fuq il-każ, il-konsegwenzi xierqa. Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li l-uffiċjal li jinvoka l-protezzjoni tal-istituzzjoni tiegħu jipproduċi evidenza prima facie tar‑realtà tal-attakki li huwa jallega li huwa suġġett għalihom. Fil-preżenza ta’ elementi bħal dawn, hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tieħu l-miżuri xierqa, b’mod partikolari billi tagħmel investigazzjoni, sabiex tistabbilixxi l-fatti li wasslu għall-ilment, bil-kollaborazzjoni ma’ min ressaq l-istess ilment.

(ara l-punt 47)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il-Kummissjoni, 224/87, Ġabra p. 99, punti 15 u 16

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 17 ta’ Ottubru 2007, Mascheroni vs Il‑Kummissjoni, F‑63/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 36