Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Frar 2019 – Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Parlament Ewropew

(Kawża C-106/19)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: G. Palmieri, S. Fiorentino, C. Colelli, aġenti)

Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla r-Regolament (UE) 2018/1718 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, ippubblikat fil-ĠU fis-16 ta’ Novembru 2018, L 291 1 ;

tikkundanna lill-Kunsill u lill-Parlament għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi:

Ksur tal-Artikoli 10, 13 u 14 TUE – Ksur tal-Artikolu 114, tal-Artikolu 168(4)(c) u tal-Artikoli 289 u 294 TFUE: ir-regolament ikkontestat, sa fejn jagħżel lil Amsterdam bħala sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, illimita ruħu sabiex sempliċement jilqa’ l-għażla li saret matul il-laqgħa tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2017, li l-Parlament Ewropew ma kienx ipparteċipa fiha. Minn dan isegwi li, matul l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, il-Parlament, peress li ma seta’ jinfluwenza bl-ebda mod il-kontenut tad-deċiżjoni adottata, ġie essenzjalment imċaħħad milli jeżerċita l-prerogattivi tiegħu, meta dawn kellhom jiġu osservati fl-intier tagħhom abbażi tar-regoli tat-trattati li jirregolaw il-proċedura leġiżlattiva magħżula.

Illegalità derivata mir-regolament ikkontestat, minħabba l-illegalità tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Novembru 2017-14559/17 – Użu ħażin ta’ poter minħabba nuqqas ta’ istruttorja u żnaturament tal-fatti: kieku kellu jiġi kkunsidrat li r-regolament ikkontestat seta’ biss effettivament jiżgura li tintlaqa’ d-deċiżjoni adottata fl-20 ta’ Novembru 2017 u li, għaldaqstant, il-prerogattivi tal-Parlament ma nkisrux, allura r-regolament ikkonstestat stess għandu jiġi kkunsidrat bħala milqut, b’mod derivat, mill-illegalitajiet li jivvizzjaw l-imsemmija deċiżjoni, illegalitajiet li r-Repubblika Taljana diġà qajjmet fir-rikors introduttiv tal-Kawża C-59/18.

____________

1 Regolament (UE) 2018/1718 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU 2018, L 291, p. 3).