Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Marzu 2007 - Bleser vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Kommunitajiet Ewropej

(Kawża F-25/07)

Lingwa tal-Kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent : Thomas Bleser (Nittel, il-Ġermanja) (rappreżentant: P. Goergen, avocat)

Konvenuta: Il-Qorti tal-Gustizzja tal-Kommunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-klassifikazzjoni tal-grad attribwit lilu bid-deċiżjoni tas-16 ta' Marzu 2006 ;

tannulla l-Artikoli 2 u 13 ta' l-Anness XIII u l-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2004;

terġa tikklassifika lir-rikorrent fil-grad avżat fl-avviż tal-konkors, jew fil-grad ekwivalenti għalih skond ir-Regolamenti tal-Persunal il-ġdid (u fl-livell korrispondenti għad-dispożizzjonijiet applikabbli qabel l-1 ta' Mejju 2004);

tordna li jitħallsu d-danni u l-interessi sa' l-ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn il-gradi kkonċernati;

tordna li jitħallsu d-danni u l-interessi sa' 10,000 EUR għad-danni morali subiti;

tikkundanna lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors essenzjalment jikkontesta d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2 u ta' l-Artikolu 13 ta' l-Anness XIII kif ukoll l-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2004.

Ir-rikorrent isostni li l-klassifikazzjoni tiegħu kellha sseħħ skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal preċedenti, li kienu aktar vantaġġjużi għalih, u li kienu fis-seħħ fid-data li fiha għadda mill-konkors. Ir-rikorrent iqis li l-klassifikazzjoni tiegħu tmur kontra l-prinċipju ta' ugwaljanza u l-prinċipju ta' non diskriminazzjoni, kif ukoll kontra l-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet abbażi ta' l-età.

Minbarra dan, ir-rikorrent jikkunsidra li dan imur kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, u b'mod partikolari ta' l-obbligu ta' premura u tal-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba, trasparenza, osservanza ta' l-aspetattiva leġittima, ta' ċertezza legali, ta' bona fede, kif ukoll tal-projbizzjoni tar-"reformatio in peius" kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża.

____________