Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Ottubru 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Awstrija

(Kawża C-796/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: Walter Mölls, Cécile Vrignon)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Awstrija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li r-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2007/59/KE 1 meta ħatret bħala awtorità kompetenti, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, lil awtorità differenti mill-awtorità ta’ sigurtà msemmija fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/49/KE 2 ;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2007/59 jiddefinixxi l-awtorità kompetenti fis-sens ta’ tali direttiva bħala “l-awtorità ta’ sigurtà msemmija fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/49/KE”.

Madankollu, il-leġiżlatur Awstrijak għamel għażla differenti.

Minflok l-awtorità kompetenti għall-finijiet tad-Direttiva 2004/49 (il-Bundesminister für Verkehr, Innovation und Technologie (il-Ministeru Federali tat-Trasport, tal-Innovazzjoni u tat-Teknoloġija)), il-leġiżlatur Awstrijak ħatar bħala awtorità kompetenti fir-rigward ta’ sensiela ta’ responsabbiltajiet li jidħlu fil-kuntest tad-Direttiva 2007/59, lil Schieneninfrastruktur-Dienstleistungsgesellschaft mbH. Dan ma huwiex konformi ma’ din l-aħħar direttiva.

____________

1 Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunità (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 51)

2 Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzi ta’ l-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ l-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu ta’ l-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (Id-Direttiva tas-Sigurtà Tal-Linji tal-Ferrovija) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu. 7, Vol. 8, p. 227)