Language of document : ECLI:EU:F:2008:163

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

9 ta’ Diċembru 2008

Kawża F-144/07

Spyridon Efstathopoulos

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Ex membri tal-persunal temporanju – Regolament (KE, Euratom, KEFA) Nru 2689/95 – Allowance ta’ tmiem tas-servizz – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ bonus għal produttività fil-kalkolu tal-ammont tad-dħul gross irċevut fil-kuntest tal-funzjonijiet ġodda”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu S. Efstathopoulos, benefiċjarju ta’ allowance taħt ir‑Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom, KEFA) Nru 2689/95, tas‑17 ta’ Novembru 1995, li jistabbilixxi, fl-okkażjoni tal-adeżjoni tal-Awstrija, tal-Finlandja u tal-Isvezja, miżuri partikolari tat‑tmiem tas-servizz tal-membri tal-persunal temporanju tal‑Komunitajiet Ewropej (ĠU L 280, p. 4) [traduzzjoni mhux uffiċjali], jitlob, essenzjalment, fl-ewwel lok, l-annullament tad‑deċiżjoni tal-Parlament, tat-18 ta’ April 2007, li permezz tagħha, minn naħa, il-bonus għal produttività li huwa kien jirċievi fil-kuntest tal-funzjonijiet ġodda tiegħu fi ħdan il-Ministeru tal‑Iżvilupp fil-Greċja ġie kkunsidrat għall-finijiet li jiġi stabbilit l‑ammont tad-dħul gross tiegħu, skont ir-regolament imsemmi iktar ’il fuq, fl-imsemmija funzjonijiet, bil-konsegwenza li tnaqqset l‑allowance li huwa kien jirċievi skont l-imsemmi regolament, min-naħa l-oħra, ġie deċiż li jsir irkupru tas-somom indebitament irċevuti, u, fit-tieni lok, annullament tad-Deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2007 li tiċħad l-ilment ippreżentat fid-data tad-9 ta’ Mejju 2007 kontra d-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq tat-18 ta’ April 2007.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Miżuri partikolari tat-tmiem tas-servizz tal-membri tal-persunal temporanju – Regolament Nru 2689/95 – Allowance ta’ tmiem tas-servizz

(Regolament tal-Kunsill Nru 2689/95, Artikolu 4(1) u (4))

2.      Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Suġġett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali – Irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament – Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 85)

1.      Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, għandhom jiġu kkunsidrati, min-naħa, il-kliem tagħha, u min-naħa l-oħra, il‑kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet imħaddna mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha. Skont interpretazzjoni litterali tal-kunċett ta’ “dħul gross”, fis-sens tal‑Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 2689/95, li jistabbilixxi, fl-okkażjoni tal‑adeżjoni tal-Awstrija, tal-Finlandja u tal-Isvezja, miżuri partikolari tat-tmiem tas-servizz tal-membri tal-persunal temporanju tal-Komunitajiet Ewropej, il‑benefiċċju finanzjarju li persuna li teżerċita funzjonijiet fi ħdan amministrazzjoni nazzjonali tirċievi kull xahar speċifikament minħabba dan l‑eżerċizzju tal-funzjonijiet jaqa’ fis-sens ta’ dan l-artikolu. Dan iseħħ iktar u iktar jekk dan il-benefiċċju jkun suġġett għal taxxa msejħa “fuq id-dħul”.

L-interpretazzjoni ta’ kunċett tad-dritt Komunitarju, bħal dak tad-“dħul gross” li l‑benefiċjarju tal-allowance ta’ tmiem tas-servizz jirċievi fil-“funzjonijiet ġodda” tiegħu, fis-sens tar-Regolament Nru 2689/95, ma jistax jiddependi fuq il‑klassifikazzjoni li s-sistemi legali nazzjonali jirriżervaw għal benefiċċju finanzjarju jew ieħor li persuna tirċievi minħabba l-eżerċizzju ta’ dawn il‑funzjonijiet. Fil-fatt, fil-każ kuntrarju, jeżisti riskju ta’ preġudizzju għall-uniformità tad-dritt Komunitarju, kif ukoll għall-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-uffiċjali.

(ara l-punti 33, 35 u 37)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 14 ta’ Diċembru 2006, André vs Il‑Kummissjoni, F‑10/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑183 u II‑A‑1‑755, punt 35, u l‑ġurisprudenza ċċitata

2.      Peress li l-ammissibbiltà tar-rikorsi tal-uffiċjali hija suġġetta għall-osservanza tal-proċedura prekontenzjuża, kull ilment li ma jkunx tqajjem fl-ilment prekontenzjuż u li bl-ebda mod ma jista’ jiġi kkunsidrat li huwa bbażat fuq l-istess punti ta’ kontestazzjoni bħal dawk imressqa fl-imsemmi lment jew li huwa att li jikkompleta l-argument żviluppat f’dan l-ilment għandu jiġi rrifjutat bħala inammissibbli minħabba li ma jsegwix ir-regola tal-konkordanza bejn l-ilment u r‑rikors.

(ara l-punt 43)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 4 ta’ Mejju 1999, Z vs Il‑Parlament, T‑242/97, ĠabraSP p. I‑A‑77 u II‑401, punt 58; 22 ta’ Frar 2001, Tirelli vs Il‑Parlament, T‑144/00, ĠabraSP p. I‑A‑45 u II‑171, punt 25; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 11 ta’ Diċembru 2007, Martin Bermejo vs Il‑Kunsill, F‑60/07, Ġabra p. I‑0000, punt 34

3.      Jekk il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament tiġi kkundizzjonata kemm mir-rekwiżit tal-għarfien, minn naħa tal-uffiċjal jew membru tal-persunal ikkonċernat, tal-irregolarità tal-ħlas, kif ukoll min-natura evidenti ta’ din l‑irregolarità, il-qorti Komunitarja madankollu tista’ tivverifika l-osservanza ta’ kundizzjoni waħda jew oħra biss jekk il-parti kkonċernata tippreżenta argument ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal jew jekk, għall‑inqas, ma tillimitax ruħha li tikkontesta n-natura indebita tal-pagamenti li l‑istituzzjoni tipprova tirkupra, iżda ssostni jew li ma kinitx taf bl-irregolarità tal‑pagamenti, jew li ma setgħetx tkun taf. Bir-riskju li tiġi injorata l-funzjoni tal‑Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal u li jinkiser l-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi li huwa jistabbilixxi bejn l-istituzzjoni u l-uffiċjali jew membri tal‑persunal tagħha, il-kontestazzjoni waħedha tal-irregolarità ta’ ħlas min-naħa tal-uffiċjal jew aġent ikkonċernat, fin-nuqqas ta’ kull riferiment speċifiku għall‑konoxxenza (reali jew preżunta) tal-irregolarità, ma tistax tiġi interpretata li tinkludi l-allegazzjoni impliċita li l-parti kkonċernata ma kinitx taf jew ma setgħetx tkun taf bl-irregolarità.

(ara l-punt 45)