Language of document : ECLI:EU:F:2010:77

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

7 ta’ Lulju 2010

Kawżi magħquda F‑116/07, F‑13/08 u F‑31/08

Stanislovas Tomas

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal temporanju — Artikolu 2(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg — Tkeċċija — Rabta’ ta’ fiduċja — Konsultazzjoni minn qabel tal-Kumitat tal-Persunal tal-Parlament — Assenza”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu S. Tomas essenzjalment jitlob, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ mal-Parlament, tas-26 ta’ Marzu 2007, li jitkeċċa b’effett mill-1 ta’ Lulju 2007, sussidjarjament, l-annullament tad-deċiżjoni tal-istess awtorità, tal-10 ta’ Lulju 2007, li jitkeċċa b’effett mis-16 ta’ Ottubru 2007; fi kwalunkwe każ, il-kundanna tal-Parlament sabiex iħallsu d-danni u l-imgħax bħala kumpens għad-danni materjali u morali li ġew ikkawżati mit-tkeċċija tiegħu.

Deċiżjoni: Ir-rikorsi F‑116/07 u F‑13/08 huma miċħuda. Il-Parlament huwa kkundannat iħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 1 000 bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab minnu. Il-kumplament tar-rikors F‑31/08 huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati mar-rikorsi kollha F‑116/07, F‑13/08 u F‑31/08.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Natura vinkolanti — Rikors ippreżentat qabel iċ-ċaħda tal-ilment — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(2))

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Obbligu ġenerali li d-destinatarji jiġu informati dwar ir-rimedji ġudizzjarji u t-termini — Assenza

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Membri tal-persunal temporanju li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(c) tal-Kondizzjoni tal-impjieg ta’ impjegati oħra — Membru tal-persunal temporanju assenjat lil grupp politiku tal-Parlament — Deċiżjoni ta’ tkeċċija

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 47(c)(i))

4.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Membri tal-persunal temporanju li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(c) tal-Kondizzjoni tal-impjieg ta’ impjegati oħra — Membru tal-persunal assenjat lil grupp politiku tal-Parlament — Ksur tar-rabta ta’ fiduċja — Deċiżjoni ta’ tkeċċija

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 2(c))

5.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Membri tal-persunal temporanju li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(c) tal-Kondizzjoni tal-impjieg ta’ impjegati oħra — Deċiżjoni ta’ tkeċċija — Obbligu ta’ informazzjoni minn qabel lill-Kumitat tal-Persunal

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 2(c))

6.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Membri tal-persunal temporanju li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(c) tal-Kondizzjoni tal-impjieg ta’ impjegati oħra — Deċiżjoni ta’ tkeċċija — Obbligu ta’ motivazzjoni

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 2(c))

7.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Membri tal-persunal temporanju li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(c) tal-Kondizzjoni tal-impjieg ta’ impjegati oħra — Neċessità ta’ relazzjoni ta’ fiduċja reċiproka — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ ħaddiema oħra, Artikolu 2(c))

8.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Proċedura ta’ konstatazzjoni tal-inkompetenza professjonali ta’ uffiċjali — Mhux applikabbli għal uffiċjali oħra

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 51(1))

9.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Rexissjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 47(c), u 49(1))

10.    Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Portata — Obbligu ta’ assenjazzjoni ġdida lil membru tal-persunal temporanju fil-każ ta’ inkompetenza fis-servizzi professjonali tiegħu — Assenza

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 2(c))

11.    Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Rexissjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat — Inapplikabbiltà tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem

12.    Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni — Obbligu li tindirizza lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal deċiżjoni individwali f’lingwa li huwa għandu għarfien profond tagħha

13.    Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Kundizzjonijiet — Nuqqas amministrattiv

(Artikolu 236 KE)

1.      Kull rikors kontra att li jikkawża preġudizzju li joriġina mill-Awtorità tal-Ħatra għandu, bħala regola ġenerali, imperattivament ikun ippreċedut minn ilment prekontenzjuż li jkun ġie miċħud b’deċiżjoni espliċita jew impliċita ta’ ċaħda. Rikors li jiġi ppreżentat qabel ma tintemm din il-proċedura amministrattiva huwa, minħabba n-natura prematura tiegħu, inammissibbli skont l-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 64)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ Diċembru 2008, Il‑Belġju u Il‑Kummissjoni vs Genette, T‑90/07 P u T‑99/07 P, Ġabra p. II‑3859, punt 105, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      L-ebda dispożizzjoni espressa tad-dritt Komunitarju ma timponi fuq l-istituzzjonijiet obbligu ġenerali li jinformaw lid-destinatarji tal-atti bir-rimedji ġudizzjarji disponibbli u lanqas bit-termini li fihom jistgħu jintużaw.

(ara l-punt 87)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 22 ta’ Diċembru 2005, Gorostiaga Atxalandabaso vs Il‑Parlament, T‑146/04, Ġabra p. II‑5989, punt 131; 11 ta’ Novembru 2008, Speiser vs Il‑Parlament, T‑390/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑63 u II‑B‑1‑427, punt 31

3.      Il-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ membru tal-persunal temporanju u l-proċedura li twassal għad-deċiżjoni li jiġi rexiss il-kuntratt ta’ impjieg ta’ dan il-membru tal-persunal huma żewġ proċeduri separati.

Mill-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jirriżulta li l-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju impjegat għal żmien indeterminat jintemm fi tmiem it-terminu tal-preavviż ipprovdut fil-kuntratt. Ma hemm l-ebda riferiment f’din id-dispożizzjoni għal kwalunkwe obbligu li r-rexissjoni tal-kuntratt jiġi bbażat fuq ir-rapporti ta’ evalwazzjoni tiegħu, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ għal uffiċjal, li, skont l-Artikolu 51 tar-Regolamenti tal-Persunal, jista’ jitkeċċa biss abbażi tar-rapporti ta’ evalwazzjoni konsekuttivi li juru l-inkompetenza professjonali tiegħu.

(ara l-punti 91, 92)

4.      Ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża, f’kull proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi żgurat anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura inkwistjoni.

Skont dan il-prinċipju, il-persuna kkonċernata għandha tkun tista’, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tirrigwardaha, tagħti l-fehma tagħha b’mod utli fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li abbażi tagħhom ġiet adottata din id-deċiżjoni.

Minħabba n-natura speċifika tal-funzjonijiet imwettqa fi grupp politiku u n-neċessità li jinżammu, f’tali ambjent politiku, relazzjonijiet ta’ fiduċja reċiproka bejn dan il-grupp u l-uffiċjali ssekondati miegħu, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ma jistax jiġi invokat fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra ta’ grupp politiku tal-Parlament.

Din l-eċċezzjoni għall-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża għandha tiġi applikata kull meta jkun hemm inkwistjoni n-neċessità li tinżamm l-eżistenza ta’ relazzjonijiet ta’ fiduċja.

(ara l-punti 98, 99 u 101)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 15 ta’ Lulju 1970, Buchler vs Il‑Kummissjoni, 44/69, Ġabra p. 733, punt 9; 10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 27; 3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kunsill, C‑458/98 P, Ġabra p. I‑8147, punt 99; 5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑288/96, Ġabra p. I‑8237, punt 99; 9 ta’ Novembru 2006, Il‑Kummissjoni vs De Bry, C‑344/05 P, Ġabra p. I‑10915, punt 37; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 28 ta’ Jannar 1992, Speybrouck vs Il‑Parlament, T‑45/90, Ġabra p. II‑33, punt 94; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 24 ta’ Frar 2010, P vs Il‑Parlament, F‑89/08, punt 32

5.      Skont l-Artikolu 10(1) tar-regoli interni tal-Parlament dwar ir-reklutaġġ ta’ uffiċjali u ta’ membri oħra tal-persunal, “Kull proċedura intiża sabiex jintemm il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju rreklutat fi ħdan grupp politiku teħtieġ li tiġi kkomunikata qabel lill-Kumitat tal-Persunal tal-istituzzjoni, li jista’ jisma’ lill-persuna kkonċernata u jintervjeni quddiem l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ”.

L-Artikolu 10(1) tar-regoli interni tal-Parlament b’hekk jistabbilixxi r-regola tal-obbligu li jiġi informat il-Kumitat tal-Persunal, waqt li jindika li din l-informazzjoni għandha tingħata “qabel” il-“proċedura intiża sabiex jintemm il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju”, u mingħajr ma jimponi kwalunkwe terminu fuq l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ sabiex tikkonforma ma’ dan l-obbligu. Issa, in-notifika lill-membru tal-persunal temporanju tad-deċiżjoni li tiddikjara t-tkeċċija tiegħu tikkostitwixxi stadju essenzjali tal-“proċedura intiża sabiex jintemm il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju”. Konsegwentement, skont it-termini tal-imsemmija dispożizzjoni, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ għandha neċessarjament tinforma lill-Kumitat tal-Persunal minn qabel bin-notifika lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni li tiddikjara t-tkeċċija tagħha.

In-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ proċedura dwar l-adozzjoni ta’ att stabbiliti mill-istituzzjoni kompetenti stess jikkostitwixxi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 230 KE, li jista’ jiġi mistħarreġ mill-qorti anki ex officio. Il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 230 KE, li huma essenzjali għaċ-ċertezza legali, iwassal għall-annullament tal-att ivvizzjat, mingħajr ma hemm il-ħtieġa li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ preġudizzju. Min-naħa l-oħra, sempliċi irregolarità ta’ proċedura ma hijiex ta’ natura li tivvizzja att ħlief jekk jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, l-imsemmi att seta’ kellu kontenut differenti. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li jiġi infurmat il-Kumitat tal-Persunal bil-proċedura intiża li ttemm il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għandux ikun ikkwalifikat bħala ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali jew bħala sempliċi irregolarità proċedurali.

Mit-termini tad-dispożizzjoni interna inkwistjoni ma jirriżultax li l-ħruġ tal-opinjoni tal-Kumitat tal-Persunal huwa kundizzjoni għal validità tad-deċiżjonijiet ta’ rexissjoni ta’ kuntratti ta’ reklutaġġ ta’ membri tal-persunal temporanju li kienu ġew irreklutati abbażi tal-Artikolu 2(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra. Jekk dan kien il-każ, tali dispożizzjoni għandha tispeċifika t-terminu li fih il-Kumitat tal-Persunal għandu jiddeċiedi. Fil-fatt, huwa eskluż li l-Kumitat tal-Persunal jista’, permezz tal-ħruġ ta’ opinjoni negattiva jew permezz tan-nuqqas ta’ azzjoni, jostakola r-rexissjoni ta’ kuntratt ta’ impjieg li jkun konformi mal-Artikolu 47(2)(a) tal-Kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ impjegati oħra.

In-nuqqas ta’ osservanza tal-formalità, li hija dik li tingħata l-informazzjoni minn qabel tal-Kumitat tal-Persunal, ipprovduta mir-regoli interni tal-Parlament, għalkemm għandha natura vinkolanti għall-istituzzjoni li volontarjament adottata, ma jistax jiġi deskritt bħala ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, peress li l-ommissjoni, għalkemm tikkostitwixxi nuqqas amministrattiv, ma jistax ikollha impatt deċiżiv fuq l-iżvolġiment tal-proċedura li tkun twassal għar-rexissjoni tal-kuntratt ta’ impjieg tal-persuna kkonċernata.

Il-ksur tal-obbligu li jiġi informat minn qabel il-Kumitat tal-Persunal ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija. Tali ksur jikkostitwixxi nuqqas amministrattiv, li jista’ jwassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjoni.

(ara l-punti 106, 107, 112, 113, 118 sa 120, 122 u 124 sa 126)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 23 ta’ Frar 1988, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill, 68/86, Ġabra p. 855, punti 48 u 49; 6 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, Ġabra p. I‑2341, punt 52; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Mejju 1994, Consorzio gruppo di azione locale “Murgia Messapica” vs Il‑Kummissjoni, T‑465/93, Ġabra p. II‑361, punt 56; 14 ta’ Lulju 1997, B vs Il‑Parlament, T‑123/95, ĠabraSP p. I‑A‑245 u II‑697, punti 34 u 39; 6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra p. II‑435, punt 143, u l-ġurisprudenza ċċitata; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 16 ta’ April 2008, Doktor vs Il-Kunsill, F‑73/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑91 u II‑A‑1‑479, punt 88

6.      Fil-preżenza ta’ miżura ta’ tkeċċija ta’ membru tal-persunal impjegat taħt kuntratt għal perijodu indefinit, huwa partikolarment importanti li l-motivi li huma l-bażi ta’ tali miżura jkunu, bħala regola ġenerali, imsemmija b’mod ċar bil-miktub, preferibbilment fit-test innifsu tad-deċiżjoni kkonċernata. Huwa, fil-fatt, dan l-att biss, li l-legalità tiegħu għandha tiġi evalwata fid-data meta ttieħed, li jimmaterjalizza d-deċiżjoni tal-istituzzjoni.

Madankollu, l-obbligu li jingħataw ir-raġunijiet tat-tkeċċija jista’ jkun ikkunsidrat ukoll bħala sodisfatt jekk il-parti kkonċernata tkun ġiet debitament infurmata, waqt laqgħat mas-superjuri tagħha, dwar dawn ir-raġunijiet u jekk id-deċiżjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ seħħet ftit wara li saru dawn il-laqgħat. L-imsemmija awtorità tista’ wkoll, jekk ikun il-każ, tikkompleta din il-motivazzjoni fl-istadju tat-tweġiba għall-ilment magħmul mill-parti kkonċernata.

(ara l-punt 133)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 26 ta’ Ottubru 2006, Landgren vs ETF, F‑1/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑123 u II‑A‑1‑459, punt 79

7.      Il-grupp politiku tal-Parlament huwa kompetenti biss sabiex jiddetermina l-kundizzjonijiet li huwa jqis meħtieġa għar-relazzjoni kontinwa ta’ fiduċja reċiproka li ddeterminat l-ingaġġ ta’ membru tal-persunal temporanju abbażi tal-Artikolu 2(c) tal-Kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ impjegati oħra.

L-eżistenza ta’ tali relazzjoni ta’ fiduċja ma hijiex ibbażata fuq elementi oġġettivi u ma tistax tkun suġġetta, min-natura tagħha, għal stħarriġ ġudizzjarju. Din l-impossibbiltà li tiġi mistħarrġa l-eżistenza jew it-telf ta’ fiduċja testendi parzjalment għall-istħarriġ tal-motivi mogħtija sabiex tiġi ġġustifikata l-ineżistenza jew it-telf ta’ din ir-rabta.

(ara l-punti 147 sa 149)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: B vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73; 17 ta’ Ottubru 2006, Bonnet vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑406/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑213 u II‑A‑2‑1097, punti 50 u 51

8.      Id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li huma applikabbli b’analoġija għall-membri l-oħra tal-persunal huma speċifikament imsemmija fil-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra. Issa, ebda dispożizzjoni tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra ma’ tipprovdi li l-Artikolu 51(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkonċerna t-trattament tal-inkompetenza professjonali tal-uffiċjali, għandu japplika b’analoġija għall-membri tal-persunal temporanju.

(ara l-punti 154, 155)


9.      Anki fil-każ ta’ nuqqas li jista’ possibbilment jiġġustifika t-tkeċċija għal raġunijiet dixxiplinari ta’ membru tal-persunal temporanju, ma hemm xejn li jobbliga lill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ li tibda proċeduri dixxiplinari kontra l-persuna kkonċernata pjuttost milli tirrikorri għad-dritt ta’ rexissjoni unilaterali tal-kuntratt ipprovdut fl-Artikolu 47(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra. Huwa biss fil-każ li l-imsemmija awtorità għandha l-intenzjoni li tkeċċi mingħajr preavviż membru tal-persunal temporanju li kien ħati ta’ nuqqas serju tal-obbligi tiegħu, kif ipprovdut fl-Artikolu 49(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, li għandhom jinbdew il-proċeduri dixxiplinarji stabbiliti fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u applikabbli b’analoġija għall-membri l-oħra tal-persunal temporanju.

(ara l-punt 158)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 24 ta’ April 2008, Longinidis vs Cedefop, F‑74/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑125 u II‑A‑1‑655, punt 116; 7 ta’ Ottubru 2009, Y vs Il‑Kummissjoni, F‑29/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑393 u II‑A‑1‑2099, punt 111

10.    L-obbligu ta’ premura tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-membri tal-persunal tagħha jirrifletti l-bilanċ tad-drittijiet u l-obbligi li r-Regolamenti tal-Persunal ħolqu fir-relazzjonijiet bejn awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku. Dan l-obbligu, kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, jimplika b’mod partikolari li, meta tagħti deċiżjoni rigward is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-awtorità tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’hekk, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak tal-uffiċjal ikkonċernat.

L-amministrazzjoni ma tistax tkun obbligata li tipproponi assenjazzjoni ġdida lil membru tal-persunal temporanju meta s-servizzi professjonali tiegħu ġew deċiżi li huma insodisfaċenti. Jekk l-obbligu ta’ premura kellu jkollu l-effett li jbiddel d-dritt li jaffettwa l-persuna kkonċernata għal impjieg ieħor f’tali obbligu, il-bilanċ tad-drittijiet u tal-obbligi maħluqa mir-regolamenti tal-persunal fir-relazzjoni bejn awtorità pubblika u l-membru tal-persunal tas-servizz pubbliku jinbidel, fil-waqt li l-għan tar-Regolamenti tal-Persunal huwa l-għan li jirrifletti dan it-tibdil.

Din il-konstatazzjoni tapplika fil-każ tar-rexissjoni ta’ kuntratt imsemmi fl-Artikolu 2(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra għal telf ta’ fiduċja, peress li l-fiduċja reċiproka hija, skont il-ġurisprudenza, element essenzjali ta’ tali kuntratt.

Barra minn hekk, l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddetermina l-ħiliet li tikkunsidra neċessarji, fl-interess tas-servizz, għall-eżerċizzju ta’ funzjonijiet speċifiċi, u dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa anki iktar wiesa’ fil-każ ta’ kuntratti msemmija fl-Artikolu 2(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra.

(ara l-punti 165, 166 u 168)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 4 ta’ Frar 1987, Maurissen vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, 417/85, Ġabra p. 551, punt 12; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Doktor vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41

11.    Mit-termini stess tad-dispożizzjoni pprovduta fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali jirriżulta li hija tistabbilixxi l-prinċipju ta’ imparzjalità fi proċeduri ġudizzjarji, mingħajr ma tiddetermina l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva.

Istituzzjoni tal-Unjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala “tribunal” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni. Konsegwentement, l-imsemmi Artikolu 6(1) ma japplikax għad-deċiżjoni li biha l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tirrexindi l-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju.

(ara l-punti 172 sa 174)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 7; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 14 ta’ Mejju 1998, Enso Española vs Il‑Kummissjoni, T‑348/94, Ġabra p. II‑1875, punt 56

12.    Għalkemm ir-Regolamenti tal-Persunal ma jirregolawx il-kwistjoni dwar l-użu tal-lingwi mill-istituzzjonijiet fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet indirizzati lill-persunal tagħhom, huma l-istituzzjonijiet li għandhom l-obbligu ta’ premura, li għandhom jindirizzaw lil uffiċjal, jew lil membru tal-persunal temporanju, deċiżjoni individwali fformulata f’lingwa li huwa għandu għarfien profond tagħha. Dan l-obbligu jeżisti iktar u iktar fil-każ li d-deċiżjoni meħuda mill-istituzzjoni jista’ jkollu implikazzjonijiet fuq l-impjieg ta’ dan l-uffiċjal jew ta’ dan il-membru tal-persunal temporanju.

(ara l-punt 199)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ Marzu 2000, Rudolph vs Il‑Kummissjoni, T‑197/98, ĠabraSP p. I‑A‑55 u II‑241, punt 46

13.    Għall-fondatezza ta’ rikors għad-danni ppreżentat skont l-Artikolu 236 KE, iridu jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat.

Il-ksur mill-Parlament tal-obbligu tiegħu li jinforma lill-Kumitat tal-Persunal, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ membru tal-persunal temporanju, li proċedura intiża li jiġi tterminat il-kuntratt ta’ dan tal-aħħar ser tinbeda ma jiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, iżda din l-irregolarità proċedurali tikkostitwixxi nuqqas amministrattiv, tali li tinvolvi r-responsabbiltà tal-istituzzjoni.

Dan in-nuqqas amministrattiv neċessarjament ħoloq fil-membru tal-persunal is-sentiment li tilef l-opportunità li jibbenefika mill-eventwali intervent tal-Kumitat tal-Persunal favur tiegħu u b’hekk sofra dannu morali ċert.

(ara l-punti 213 sa 215)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 1 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, Ġabra p. I‑1981, punt 42; 21 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, Ġabra p. I‑833, punt 52; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: B vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39