Language of document : ECLI:EU:F:2013:211

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

12 ta’ Diċembru 2013

Kawża F‑58/12

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Deċiżjoni ta’ rtirar mhux volontarju minħabba invalidità — Annullament mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni — Talba għall-eżekuzzjoni tas-sentenza — Talba għal reintegrazzjoni — Annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Nuqqas ta’ interess ġuridiku — Artikolu 266 TUE — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjoni — Rikors parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Marcuccio essenzjalment jitlob l-annullament tad-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni Ewropea ċaħdet it-talba tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2011 intiża sabiex jiġi reintegrat u kkumpensat għad-dannu subit.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud, parzjalment, bħala manifestament inammissibbli u, parzjalment, bħala manifestament infondat fid-dritt. L. Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.



Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Interess ġuridiku — Neċessità ta’ interess reali u attwali — Evalwazzjoni fil-mument tal-preżentata tar-rikors — Rikors li jista’ jagħti benefiċċju lir-rikorrent

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni — Portata

(Artikolu 266 TFUE)

1.      Sabiex uffiċjal jew ex uffiċjal ikun intitolat jitlob, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-annullament ta’ att li jikkawżalu preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 90(2) ta’ dawn ir-Regolamenti, dan għandu jkollu, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, interess reali u attwali, suffiċjentement ikkaratterizzat sabiex dan l-att jiġi annullat u tali interess jissupponi li r-rikors jista’, permezz tar-riżultat tiegħu, jagħtih benefiċċju.

(ara l-punt 23)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 29 ta’ Novembru 2006, Agne-Dapper et vs Il-Kummissjoni et, T‑35/05, T‑61/05, T‑107/05, T‑108/05 u T‑139/05, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 11 ta’ Settembru 2013, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑475/11 P, punti 13 sa 18

2.      Sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligu previst mill-Artikolu 266 TFUE, huwa l-obbligu tal-istituzzjoni kkonċernata li tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament billi teżerċita, taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, is-setgħa diskrezzjonali li hija għandha għal dan il-għan, fl-osservanza kemm tad-dispożittiv u tal-motivi tas-sentenza kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

Għal dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tannulla deċiżjoni ta’ rtirar mhux volontarju minħabba l-invalidità, għar-raġuni ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni, u l-adozzjoni, skont il-każ, ta’ deċiżjoni ġdida għal invalidità debitament motivata, l-istituzzjoni kkonċernata għandha l-ewwel nett tivverifika l-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata.

(ara l-punti 33 u 34)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Ottubru 2006, Pessoa e Costa vs Il‑Kummissjoni, T‑503/04, punti 69 u 70 u l-ġurisprudenza ċċitata