Language of document : ECLI:EU:F:2012:52

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

19 ta’ April 2012

Kawża F‑16/12 R

Eugène Émile Marie Kimman

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Assenjazzjoni mill-ġdid — Proċeduri għal miżuri provviżorji — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Urġenza — Assenza”

Suġġett: Talba, imressqa skont l-Artikoli 278 TFUE u 157 EA, kif ukoll skont l-Artikolu 279 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tagħha E. Kimman jitlob is-sospensjoni tad-deċiżjoni li permezz tagħha d-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), biddel l-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu mill-1 ta’ Frar 2012.

Deċiżjoni: It-talba għal-miżuri provviżorji hija miċħuda. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — “Fumus boni juris” — Urġenza — Natura kumulattiva — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Ordni ta’ eżami u metodu ta’ verifika — Setgħa diskrezzjonali tal-Imħallef għal miżuri provviżorji

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Dannu gravi u irreparabbli — Oneru tal-prova

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

3.      Uffiċjali — Trasferiment — Assenjazzjoni mill-ġdid — Kriterju ta’ distinzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 4 u 29)

4.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid — Kundizzjonijiet għall-għoti — Dannu gravi u irreparabbli — Kunċett

(Artikolu 278 TFUE)

1.      Skont tal-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, it-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza, kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw, prima facie, l-għoti tal-miżuri li mitluba.

Il-kundizzjonijiet dwar l-urġenza u dwar l-apparenza ta’ ġustifikazzjoni ta’ talba (fumus boni juris) huma kumulattivi, b’tali mod li talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tkun nieqsa. Huwa wkoll l-imħallef għal miżuri provviżorji li għandu joħloq bilanċ bejn l-interessi inkwistjoni.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami kumplessiv, l-imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u huwa liberu li jiddetermina, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-każ, il-mod li bih dawn id-diversi kundizzjonijiet għandhom jiġu vverifikati, kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, peress li ma teżisti l-ebda dispożizzjoni legali li timponilu skema ta’ analiżi prestabbilita sabiex jevalwa n-neċessità li jagħti deċiżjoni provviżorja.

(ara l-punti 14 sa 16)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 3 ta’ Lulju 2008, Plasa vs Il-Kummissjoni, F‑52/08 R, punti 21 u 22, u l-ġurisprudenza ċċitata; 15 ta’ Frar 2011, de Pretis Cagnodo u Trampuz de Pretis Cagnodo vs Il-Kummissjoni, F‑104/10 R, punt 16

2.      L-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji ma huwiex li jiġi żgurat l-ikkumpensar ta’ dannu, iżda li tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tas-sentenza fuq il-mertu. Sabiex jintlaħaq dan l-aħħar għan, jeħtieġ li l-miżuri mitluba jkunu urġenti fis-sens li jkun neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrent, li dawn jiġu deċiżi u joħolqu l-effetti tagħhom sa minn qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, hija l-parti li titlob il-ħruġ tal-miżuri provviżorji li għandha tipproduċi l-prova li hija ma tistax tistenna t-tmiem tal-proċedura fil-kawża prinċipali mingħajr ma tbati dannu ta’ dan it-tip.

(ara l-punt 18)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Diċembru 2002, Esch-Leonhardt et vs BĊE, T‑320/02 R, punt 27

3.      Mill-istruttura ġenerali tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li hemm trasferiment, fil-veru sens tal-kelma, biss fil-każ ta’ trasferiment ta’ uffiċjal għal pożizzjoni vakanti. F’dan il-każ, it-trasferiment huwa suġġett għall-formalitajiet previsti fl-Artikoli 4 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal. Min-naħa l-oħra, dawn il-formalitajiet ma humiex applikabbli f’każ ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-uffiċjal, minħabba l-fatt li dan it-trasferiment ma joħloqx pożizzjoni vakanti.

(ara l-punt 20)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 7 ta’ Frar 2007, Clotuche vs Il-Kummissjoni, T‑339/03, punt 31

4.      Fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom skont il-missjonijiet li huma fdati lilhom u fl-assenjazzjoni tal-impjegati tagħhom, deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, anki jekk tikkawża inkonvenjenti lill-uffiċjali kkonċernati, ma tikkostitwixxix avveniment mhux normali u imprevedibbli fil-karriera tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tkun iġġustifikata biss minn ċirkustanzi imperattivi u eċċezzjonali li jistgħu jikkawżaw dannu gravi u irreparabbli lill-uffiċjal ikkonċernat.

(ara l-punt 23)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Lulju 1996, Presle vs Cedefop, T‑93/96 R, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata