Language of document : ECLI:EU:C:2019:63

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-24 ta’ Jannar 2019 (1)

Kawża C720/17

Mohammed Bilali

vs

Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2011/95/UE – Standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali – Protezzjoni sussidjarja – Artikolu 19 – Revoka tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Portata tal-motivi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi r-revoka tal-istatus minħabba żball tal-amministrazzjoni li jikkonċerna liċ-ċirkustanzi ta’ fatt – Ammissibbiltà – Annullament tal-att li jagħti l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”






I.      Introduzzjoni

1.        Awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95/UE (2) sabiex tipproċedi għar-revoka ta’ status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lil persuna mingħajr stat, u dan minħabba evalwazzjoni żbaljata tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali meta hija l-unika responsabbli għaliha?

2.        Dan huwa, essenzjalment, is-suġġett tad-domanda preliminari magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija).

3.        Din id-domanda tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Mohammed Bilali, li jippreżenta ruħu bħala persuna mingħajr stat u l-Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (l-Uffiċċju Federali għall-Immigrazzjoni u l-Ażil, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”), dwar id-deċiżjoni adottata minn dan tal-aħħar sabiex jirrevoka ex officio l-istatus li huwa kien ingħata abbażi tal-protezzjoni sussidjarja minħabba d-determinazzjoni żbaljata tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

4.        L-imsemmija domanda hija ġdida u r-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti ser tippermetti sabiex jintemm in-nuqqas ta’ ċertezza fil-prattiki nazzjonali li ġie enfasizzat partikolarment (3) fl-aħħar rapport ippubblikat mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ Ewropew fil-qasam tal-Ażil (4).

5.        L-eżami tad-domanda magħmula jeħtieġ, fl-ewwel lok, l-analiżi tas-sens u tal-portata tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95, li jelenkaw b’mod eżawrjenti l-motivi li abbażi tagħhom l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà jew l-obbligu li jirrevokaw l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. Fi tmiem dan l-eżami, ser nikkonkludi li dan l-artikolu jipprekludi r-revoka ta’ dan l-istatus f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fejn, minħabba żball imwettaq mill-awtorità nazzjonali kompetenti, il-parti interessata bbenefikat inġustament minn din il-protezzjoni.

6.        Fit-tieni lok, l-eżami ta’ din id-domanda jeħtieġ li jiġu ċċarati l-għan u n-natura tad-deċiżjoni li l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tadotta f’dawn iċ-ċirkustanzi.

7.        F’dan ir-rigward, ser nispjega li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, fejn id-deċiżjoni tal-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja ngħatat bi ksur tar-regoli tad-dritt u, b’mod partikolari, tal-kriterji ta’ eliġibbiltà rikjesti, u fejn dan il-ksur kellu impatt determinanti fuq l-eżitu tal-eżami tat-talba għal protezzjoni internazzjonali, ikollu jseħħ l-annullament tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. Din is-soluzzjoni tippreżenta effettivament il-vantaġġ doppju li ma jkunx neċessarju li jiġu interpretati b’mod estensiv id-dispożizzjonijiet stretti ħafna tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951, kif ikkompletata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati tal-31 ta’ Jannar 1967 (5), billi jiġi żgurat il-massimu tal-garanziji proċedurali u r-rispett komplet tal-ekwità dovuta lil persuna li ma hija responsabbli bl-ebda mod għall-iżball imwettaq mill-amministrazzjoni. Hija timponi wkoll li jekk il-garanzija tal-integrità tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil għandha tiġi estiża, kull rikonoxximent żbaljat għandu jiġi kkorreġut, sabiex jiġi żgurat li l-protezzjoni internazzjonali tingħata biss lil persuni li verament għandhom bżonnha.

8.        Peress li d-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda dispożizzjoni speċifika dwar ir-regoli ddettaljati proċedurali applikabbli għall-annullament tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja minħabba żball imwettaq mill-amministrazzjoni, ser nispjega li dawn ir-regoli jaqgħu, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, taħt l-ordinament ġuridiku nazzjonali, bla ħsara, madankollu, għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2011/95

9.        Id-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-Kapitolu V tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Kwalifika biex persuna tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja”, kif ukoll dawk previsti fil-Kapitolu VI ta’ din, intitolat “Status ta’ protezzjoni sussidjarja”, huma miktuba b’mod li jiżguraw li huma biss il-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sostantivi speċifikament rikjesti li jibbenefikaw mill-istatus mogħti mill-protezzjoni internazzjonali u mid-drittijiet assoċjati miegħu.

10.      Il-Kapitolu V tad-Direttiva 2011/95 fih l-Artikoli 15 sa 17. Filwaqt li l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi d-“[d]annu serju”, l-Artikolu 16 jistabbilixxi klawżola msemmija “Terminazzjoni”, li tipprovdi:

“1.      Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tieqaf milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja meta ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-għoti ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja jkunu waqfu milli jeżistu jew ikunu nbiddlu sat-tali punt li l-protezzjoni ma tkunx għadha meħtieġa.

2.      Fl-applikazzjoni ta’ paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom iqisu jekk il-bdil fiċ-ċirkostanzi huwiex ta’ natura sinifikanti u mhux temporanja li l-persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja m’għadhiex tiffaċċja riskju veru ta’ dannu serju.

[…]”

11.      L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2011/95 jistabbilixxi, min-naħa tiegħu, klawżola ta’ “[e]sklużjoni”. Dan l-artikolu huwa fformulat kif ġej:

“1.      Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja meta jkun hemm raġunijiet serji li jitqiesu li:

a)      hija tkunu ikkommettiet delitt kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti;

b)      hija tkun ikkommettiet delitt serju;

c)      hija tkun instabet ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti kif dikjarat fil-Preamblu u fl-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

d)      hija tikkostitwixxi periklu għall-komunità jew għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti.

2.      Il-paragrafu 1 japplika għall-persuni li jxewxu jew inkella jipparteċipaw fit-twettiq ta’ delitti jew atti msemmija fih.

3.      L-Istati Membri jistgħu jeskludu ċittadin nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuna mingħajr stat milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja jekk hija, qabel id-dħul tagħha fl-Istat Membru kkonċernat, tkun ikkommettiet delitt wieħed jew aktar barra mill-iskop ta’ paragrafu 1 li jwassal għal kastig ta’ ħabs kieku ġew kommessi fl-Istat Membru interessat, u jekk hija tkun telqet biss mill-pajjiż ta’ oriġini tagħha sabiex tevita sanzjonijiet li jirriżultaw minn dawk id-delitti.”

12.      Fi ħdan il-Kapitolu VI ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 18 jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. Huwa jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ protezzjoni sussidjarja lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Kapitoli II u V.”

13.      Bil-kontra, l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95, li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba hawn, jiddetermina l-kundizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri għandhom jirrevokaw l-imsemmi status, itemmuh jew jirrifjutaw li jġedduh. Huwa fformulat kif ġej:

“1.      Rigward applikazzjonijiet għal protezzjonijiet internazzjonali depożitati wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/83/KE [(6)], l-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat mogħti minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju jekk hija tkun waqfet milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Artikolu 16.

2.      L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat mogħti minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju, jekk wara li hija tkun ingħatat status ta’ protezzjoni sussidjarja, hija messha kienet eskluża milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Artikolu 17(3).

3.      L-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw illi jġeddu l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, jekk:

a)      il-persuna, wara li tkun ingħatat status ta’ protezzjoni sussidjarja, messha kienet jew hija eskluża milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Artikolu 17(1) u (2);

b)      il-misinterpretazzjoni jew it-tħollija barra tagħha ta’ fatti, inkluż l-użu ta’ dokumenti foloz, kienu deċiżivi għall-għoti tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja.

4.      Mingħajr preġudizzju għad-dmir taċ-ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bi qbil mal-Artikolu 4(1) li tiżvela l-fatti rilevanti kollha u li tipprovdi d-dokumentazzjoni rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tagħha, l-Istat Membru, li jkun ta l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja għandu, fuq bażi individwali juri li l-persuna interessata tkun waqfet milli tkun jew qatt ma kienet eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil ma’ paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.”

2.      Id-Direttiva 2013/32/UE

14.      Abbażi tal-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2013/32/UE (7) tistabbilixxi regoli proċedurali komuni applikabbli għall-għoti u għall-irtirar, konformement mad-Direttiva 2011/95, tal-protezzjoni internazzjonali.

15.      L-Artikolu 2(o) tad-Direttiva 2013/32 jiddisponi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

o)      “irtirar tal-protezzjoni internazzjonali” tfisser id-deċiżjoni minn awtorità kompetenti li tirrevoka, twaqqaf jew tirrifjuta li ġġedded l-istatus ta’ rifuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja ta’ persuna taħt id-Direttiva [2011/95].”

16.      Taħt il-Kapitolu IV tagħha, intitolat “Proċeduri għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali”, l-Artikolu 44 tad-Direttiva 2013/32 huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun jista’ jinbeda eżami sabiex tiġi rtirata l-protezzjoni internazzjonali ta’ persuna partikolari meta jitfaċċaw elementi jew konklużjonijiet ġodda li jindikaw li hemm raġunijiet għar-rikonsiderazzjoni tal-validità tal-protezzjoni internazzjonali tagħha.”

17.      L-Artikolu 45 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-garanziji li tibbenefika minnhom l-persuna kkonċernata meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tipprevedi li tirtira, konformement mal-Artikoli 14 u 19 tad-Direttiva 2011/95, il-protezzjoni internazzjonali li kienet ingħatat lilha.

B.      Id-dritt Awstrijak

18.      L-Artikolu 8 tal-Bundesgesetz über die Gewährung von Asyl (il-Liġi Federali dwar l-Ażil) (8), tas-16 ta’ Awwissu 2005, jipprevedi:

“(1)      L-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja għandu jiġu rrikonoxxut għal barrani

1.      li ppreżenta fl-Awstrija applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, meta din it-talba ġiet irrifjutata f’dak li jikkonċerna l-għoti tal-istatus ta’ benefiċjarju tad-dritt għall-ażil […]

[…]

(6)      Jekk il-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant għall-ażil ma jistax jiġi ddeterminat, għandha tiġi miċħuda l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’dak li jikkonċerna l-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja. F’dan il-każ, għandha tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn, meta din ma hijiex illegali abbażi tal-Artikolu 9(1) u (2), [tal-Bundesgesetz, mit dem die allgemeinen Bestimmungen über das Verfahren vor dem Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl zur Gewährung von internationalem Schutz, Erteilung von Aufenthaltstiteln aus berücksichtigungswürdigen Gründen, Abschiebung, Duldung und zur Erlassung von aufenthaltsbeendenden Maßnahmen sowie zur Ausstellung von österreichischen Dokumenten für Fremde geregelt werden (liġi proċedurali tal-[Uffiċċju]) (9), tas-16 ta’ Awwissu 2012].

[…]”

19.      L-Artikolu 9 tal-AsylG 2005 jiddisponi:

“(1)      Għandu jiġi rrevokat ex officio permezz ta’ deċiżjoni l-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja mogħti lil barrani meta

1.      il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja (Artikolu 8(1)) ma ġewx jew ma għadhomx issodisfatti;

[…]

(2)      Jekk l-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja ma għandux, mill-ewwel, jiġi rrevokat minħabba r-raġunijiet tal-paragrafu 1, għandha xorta ssir revoka meta

1.      teżisti waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1, Taqsima F tal-[Konvenzjoni ta’ Genève];

2.      il-barrani huwa periklu għas-soċjetà jew għas-sigurtà tar-Repubblika tal-Awstrija; jew

3.      il-barrani ġie kkundannat għal sentenza finali minn qorti nazzjonali għal delitt […]

[…]”

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

20.      M. Bilali, li jippreżenta ruħu bħala persuna mingħajr stat, ippreżenta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali quddiem l-Uffiċċju fis-27 ta’ Ottubru 2009.

21.      Billi kkunsidra li l-pajjiż ta’ oriġini ta’ dan tal-aħħar kienet l-Alġerija, l-Uffiċċju ċaħad din l-applikazzjoni permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2010, fejn ordna, barra minn hekk, it-tkeċċija tal-parti interessata lejn l-imsemmi pajjiż. Permezz ta’ sentenza tat-8 ta’ April 2010, l-Asylgerichtshof (il-Qorti dwar l-Ażil, l-Awstrija) annullat id-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u rrinvijat il-kawża quddiem l-Uffiċċju għal eżami mill-ġdid.

22.      Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 2010, l-Uffiċċju ċaħad l-applikazzjoni tal-parti interessata intiża għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat iżda ta lil din tal-aħħar il-benefiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. Minn din id-deċiżjoni jirriżulta li l-identità tal-parti interessata ma ġietx stabbilita u li din kienet “probabbilment ta’ ċittadinanza Alġerina”.

23.      Il-parti interessata ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni tagħha intiża għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Id-deċiżjoni li tat l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja saret, sadanittant, definittiva.

24.      Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Lulju 2012, l-Asylgerichtshof (il-Qorti dwar l-Ażil, l-Awstrija) annullat mill-ġdid id-deċiżjoni li tiċħad it-talba intiża għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, minħabba l-fatt, partikolarment, li, fir-rigward tal-pajjiż ta’ oriġini tal-parti interessata, ġew ifformulati xi suppożizzjonijiet biss. Hija rrinvijat mill-ġdid il-kawża quddiem l-Uffiċċju għal eżami mill-ġdid.

25.      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami mill-ġdid u wara xi risposti fformulati mill-iStaatendokumentation (id-Dipartiment tal-Informazzjoni fuq il-Pajjiżi ta’ Oriġini, l-Awstrija), l-Uffiċju kkonkluda li l-parti interessata kienet f’pożizzjoni sabiex tinvoka mhux iċ-ċittadinanza Alġerina, iżda, minħabba r-rabtiet ta’ filjazzjoni tagħha, iċ-ċittadinanzi Marrokkina u Mawrizjana.

26.      Konsegwentement, b’deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2012 (10), l-Uffiċċju ċaħad l-applikazzjoni tal-parti interessata intiża għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Barra minn hekk, wara li ddeċieda li “il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja qatt ma ġew issodisfatti” u billi bbaża ruħu fuq “is-suppożizzjoni żbaljata” li skontha l-Alġerija kienet il-pajjiż ta’ oriġini tal-parti interessata, l-Uffiċċju rrevoka ex officio l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja li kien tah fis-27 ta’ Ottubru 2010 u rtira l-awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien determinat li kienet ingħatat lilu abbażi tal-imsemmi status. Fl-aħħar, l-Uffiċċju ċaħad l-applikazzjoni fformulata mill-parti interessata bl-iskop li tingħata l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fir-rigward tal-Marokk bħala pajjiż ta’ oriġini u ordna t-tkeċċija ta’ din tal-aħħar lejn dan il-pajjiż.

27.      Il-parti interessata ppreżentat rikors quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), li rriżultat fis-sempliċi annullament tad-deċiżjoni li tordna t-tkeċċija tagħha.

28.      Huwa f’dan il-kuntest li l-parti interessata ppreżentat rikors straordinarju għal Reviżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija).

29.      Din esprimiet xi dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95 li jipprevedi s-sitwazzjonijiet li fihom l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja jista’ jiġi rrevokat.

30.      Għaldaqstant, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2011/95[…], jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, dwar il-possibbiltà li jiġi rrevokat l-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja, li tipprovdi li l-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja jista’ jiġi rrevokat mingħajr ma ċ-ċirkustanzi fattwali stess li mmotivaw l-għoti tal-istatus ikunu nbidlu, iżda jkun biss l-istat tal-għarfien tal-awtoritajiet fir-rigward ta’ dawn iċ-ċirkustanzi fattwali li jkun inbidel u li, f’dan ir-rigward, la alterazzjonijiet u lanqas ommissjonijiet ta’ fatti min-naħa taċ-ċittadin tal-pajjiż terz jew tal-persuna mingħajr Stat ma kellhom rwol determinanti fid-deċiżjoni li jingħata l-istatus ikkonferit mill-protezzjoni sussidjarja?”

31.      Ir-rikorrent kif ukoll il-Gvern Awstrijak, Ungeriż, Olandiż, Pollakk u dak tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw xi osservazzjonijiet bil-miktub.

IV.    Osservazzjonijiet preliminari

32.      Qabel ma nipproċedi għall-eżami tad-domanda li l-qorti tar-rinviju indirizzat lill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa essenzjali li jiġu ċċarati t-termini tagħha u, b’mod partikolari, li jiġu ppreċiżati r-regoli tad-dritt previsti u l-motiv li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kontenzjuża. Dan il-motiv għandu effettivament xi konsegwenzi fir-rigward tan-natura ta’ din id-deċiżjoni u fir-rigward tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2011/95.

33.      L-ewwel nett, fir-rigward tar-regoli tad-dritt li qiegħda tintalab l-interpretazzjoni tagħhom, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-bażi li fuqha Stat Membru jista’ jirrevoka l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fir-rigward tad-“dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni” u b’mod partikolari tal-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2011/95. B’teħid inkunsiderazzjoni tat-termini tad-deċiżjoni tar-rinviju, nifhem li l-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) tirreferi partikolarment għad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 19(3)(b) ta’ din id-direttiva, li jipprevedu r-revoka tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja minħabba l-aġir frawdolenti tal-parti interessata. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li l-ipoteżi prevista f’din id-dispożizzjoni ma tkoprix, a priori, il-każ li fih ir-revoka tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja tiġi deċiża minħabba l-kisba ta’ riżultati ta’ riċerka ġodda, iżda fin-nuqqas ta’ frodi mwettqa mill-parti interessata.

34.      Barra minn hekk, wara qari tad-deċiżjoni tar-rinviju, niddikjara li l-qorti tar-rinviju għandha l-intenzjoni wkoll, u qabel kollox, sabiex tikseb interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2011/95, li jipprevedi r-revoka tal-imsemmi status minħabba l-implimentazzjoni tal-klawżola ta’ terminazzjoni prevista fl-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva. Effettivament, hija tistaqsi jekk l-ipoteżi prevista fl-Artikolu 19(1) tistax tkopri l-każ li fih il-parti interessata ma baqgħetx persuna li tista’ tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja minħabba “bidla fl-għarfien tal-awtoritajiet fir-rigward taċ-ċirkustanzi fattwali”.

35.      It-tieni nett, fir-rigward tal-motiv li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kontenzjuża, mit-termini tad-domanda magħmula jirriżulta li l-istatus mogħti lill-parti interessata ġie rrevokat minħabba bidla li affettwat “l-istat ta’ għarfien” tal-Uffiċċju, li fir-realtà jirriżulta b’mod ċar ħafna mid-deċiżjoni tar-rinviju, kif ukoll mid-dokumenti li jidhru fil-fajl nazzjonali li tiddisponi minnu l-Qorti tal-Ġustizzja, fejn din il-bidla ma seħħitx minħabba elementi jew fatti ġodda, iżda minħabba miżuri ta’ investigazzjoni iktar fil-fond li wettaq l-Uffiċċju sabiex jiġu indirizzati l-insuffiċjenzi tal-ewwel eżami tiegħu u sabiex jikkorreġi l-“iżball” u s-“suppożizzjoni żbaljata” li kien ifformula fir-rigward tal-pajjiż ta’ oriġini tal-parti interessata (11).

36.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-Uffiċċju ma wasalx sabiex jistabbilixxi, b’mod korrett, iċ-ċittadinanza tal-parti interessata minħabba l-investigazzjonijiet insuffiċjenti jew inadattati li huwa wettaq, peress li l-fatti ma ġewx magħrufa ħlief wara li ttieħdet id-deċiżjoni. Hekk kif innotat ukoll il-qorti tar-rinviju, “il-kundizzjonijiet tal-għoti tal-protezzjoni sussidjarja qatt ma ġew sodisfatti” (12). Għaldaqstant huwa stabbilit fil-kawża preżenti li, fl-oriġini tal-proċedura, l-Uffiċċju ma kellux jagħti l-benefiċċju ta’ dan l-istatus lill-parti interessata, peress li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ma kienx eliġibbli għal din il-protezzjoni internazzjonali.

37.      Konsegwentement, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, naħseb li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja hija intiża, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dritt tal-Unjoni u, partikolarment, l-Artikolu 19(1) u (3)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru jista’ jirrevoka l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja meta l-awtorità nazzjonali twettaq żball, li hija biss hija responsabbli għalih, fir-rigward taċ-ċirkustanzi li ġġustifikaw l-għoti ta’ din il-protezzjoni.

V.      Analiżi

38.      Ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tinqasam, fl-opinjoni tiegħi, f’żewġ partijiet. Fl-ewwel lok, għandhom jiġu esposti r-raġunijiet li minħabba fihom, l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95 jopponi, fid-dawl tas-sens u tal-portata tiegħu, ir-revoka ta’ status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja minħabba żball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-awtorità nazzjonali kompetenti fir-rigward taċ-ċirkustanzi li ġġustifikaw l-għoti tal-imsemmija protezzjoni. Fit-tieni lok, għandha tiġi eżaminata n-natura tad-deċiżjoni li għandha tiġi adottata f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni kif ukoll is-sistema legali applikabbli għaliha.

A.      Il-portata tal-proċedura ta’ revokazzjoni prevista fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95

39.      Is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil hija bbażata fuq kollezzjoni sħiħa ta’ regoli armonizzati fuq il-livell tal-Unjoni. Konformement mal-Artikolu 78(1) TFUE u l-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, din is-sistema hija bbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklussiva tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li tikkostitwixxi l-“pedament” tas-sistema ġuridika internazzjonali tal-protezzjoni tar-refuġjati (13).

40.      B’hekk, id-Direttiva 2011/95 għandha bħala għan li tgħin lill-awtoritatjiet nazzjonali kompetenti sabiex japplikaw din il-konvenzjoni billi jibbażaw ruħhom fuq kunċetti u kriterji komuni għall-finijiet tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali (14).

41.      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 għandhom għaldaqstant jiġu interpretati mhux biss fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tagħha, iżda wkoll b’rispett għall-Konvenzjoni ta’ Genève (15), u l-konsultazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (16) jirrappreżentaw hawnhekk sors ta’ indikazzjonijiet utli (17).

42.      B’hekk, ir-regoli dwar l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali previsti fil-kuntest tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil huma bbażati, fl-ewwel lok, fuq il-prinċipji stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Genève fir-rigward tat-terminazzjoni u l-esklużjoni tal-benefiċċju tal-protezzjoni internazzjonali. Il-Konvenzjoni ta’ Genève ma tistabbilixxix il-mekkaniżmi proċedurali sabiex tiġi rtirata din il-protezzjoni, peress li dawn ir-regoli huma bbażati, fit-tieni lok, fuq proċeduri li n-natura tagħhom hija ppreċiżata fl-Artikoli 14 u 19 tad-Direttiva 2011/95 u li l-modalitajiet tagħhom jaqgħu taħt l-Artikoli 44 u 45 tad-Direttiva 2013/32.

1.      Il-motivi li fuqhom huwa bbażat l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali

43.      L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95 jistabbilixxi l-mekkaniżmi proċedurali li jippermettu li jiġi ggarantit, b’rispett għall-Konvenzjoni ta’ Genève, l-irtirar (18) tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. Dan l-artikolu jelenka b’hekk, b’mod eżawrjenti, ir-raġunijiet li minħabba fihom l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà jew l-obbligu li jirrevokaw dan l-istatus, li jtemmuh jew li ma jġedduhx.

44.      Dawn ir-raġunijiet jirriżultaw, minn naħa, mill-klawżoli ta’ terminazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 1, Taqsima C tal-Konvenzjoni ta’ Genève u fil-klawżoli ta’ esklużjoni previsti fl-Artikolu 1, Taqsimiet D sa F ta’ din il-konvenzjoni.

45.      Konformement mal-linji gwida tal-UNHCR, dawn il-klawżoli huma elenkati b’mod eżawrjenti, u għandhom interpretazzjoni stretta, peress li t-terminazzjoni u l-esklużjoni tal-kwalità ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali jtemmu din il-protezzjoni u d-drittijiet assoċjati magħha. B’hekk, minbarra dawk previsti espliċitament fl-Artikolu 1, Taqsimiet C sa F, tal-Konvenzjoni ta’ Genève, l-ebda klawżola oħra ma tista’ tiġi invokata sabiex jiġi ġġustifikat l-fatt li l-protezzjoni internazzjonali ma għadhiex neċessarja (19).

46.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni ttraspona l-imsemmija klawżoli fid-dritt tal-Unjoni bil-klawżoli 11 u 12 tad-Direttiva 2011/95, li jipprevedu rispettivament ir-raġunijiet għat-terminazzjoni u għall-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat.

47.      Fil-każ fejn id-dritt tal-Unjoni jipprevedi forma sussidjarja ta’ protezzjoni internazzjonali, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda wkoll, fl-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva 2011/95, ir-raġunijiet għat-terminazzjoni u għall-esklużjoni tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, ibbażati fuq ir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 11(1)(e) u (f) u (2), kif ukoll fl-Artikolu 12(2) u (3) ta’ din id-direttiva.

48.      Peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu l-intenzjoni jassigura koerenza u uniformità bejn iż-żewġ forom ta’ protezzjoni internazzjonali (20), l-interpretazzjoni tar-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat l-irtirar tal-protezzjoni sussidjarja għandha titwettaq ukoll fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Konsegwentement, ir-raġunijiet li abbażi tagħhom Stat Membru jista’ jew għandu jirtira l-istatus mogħti minn din il-protezzjoni għandhom jirċievu interpretazzjoni stretta, konformi ma’ din il-konvenzjoni.

49.      Issa, kif ser naraw, l-ebda waħda mir-raġunijiet previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95 ma jippermettu lil Stat Membru sabiex jirtira l-istatus mogħti minn protezzjoni internazzjonali għal raġuni oħra ħlief dawk previsti espliċitament u b’mod ristrett mil-leġiżlatur f’din id-dispożizzjoni, u, partikolarment, fil-każ ta’ żball fejn l-amministrazzjoni tiegħu hija l-unika responsabbli.

50.      Fl-ewwel lok, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2011/95, l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja jista’ jiġi revokat meta l-persuna interessata ma tibqax persuna li tista’ tibbenefika minn din il-protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva.

51.      Infakkar li l-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tieqaf milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja meta ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-għoti ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja jkunu waqfu milli jeżistu jew ikunu nbiddlu sat-tali punt li l-protezzjoni ma tkunx għadha meħtieġa.”

52.      Din id-dispożizzjoni ddaħħal fid-dritt tal-Unjoni l-ħames u s-sitt klawżoli ta’ terminazzjoni previsti fl-Artikolu 1, Taqsima C tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

53.      Barra minn hekk, l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2011/95 jippreċiża li, “[f]l-applikazzjoni ta’ paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom iqisu jekk il-bdil fiċ-ċirkostanzi huwiex ta’ natura sinifikanti u mhux temporanja li l-persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja m’għadhiex tiffaċċja riskju veru ta’ dannu serju”.

54.      Fil-kawża preżenti, il-qorti tar-rinviju tadotta interpretazzjoni wiesgħa ħafna tal-kunċett ta’ “cirkustanzi”, peress li tqis li l-ipoteżi prevista fl-Artikolu 19(1) ta’ din id-direttiva tista’ tkopri l-każ li fih il-persuna interessata ma baqgħetx persuna li tista’ tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja minħabba “bidla fl-istat ta’ għarfien tal-awtoritajiet fir-rigward taċ-ċirkustanzi fattwali”.

55.      Din l-interpretazzjoni għandha qabel kollox tiġi miċħuda sa fejn topponi l-interpretazzjoni stretta ħafna tal-klawżoli ta’ terminazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 1, Taqsima C tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

56.      Kif innotat espressament l-UNHCR fil-linji gwida tagħha (21), “[i]l-klawżoli ta’ terminazzjoni jistabbilixxu l-kundizzjonijiet negattivi u l-elenkar fihom huwa eżawrjenti. Il-klawżoli għandhom għaldaqstant jiġu interpretati b’mod restrittiv u l-ebda raġuni oħra ma tista’ tiġi invokata, b’analoġija, sabiex jiġi ġġustifikat l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat” (22). L-UNHCR iżżid li fil-każ fejn jidher sussegwentement li persuna qatt ma kellha tiġi rrikonoxxuta bħala refuġjat, meta jidher sussegwentement li l-istatus ta’ refuġjat kien ingħata fuq interpretazzjoni ħażina tal-fatti jew li l-parti interessata kellha ċittadinanza oħra, ma jkunx hemm lok li tiġi deċiża t-terminazzjoni tal-istatus ta’ refuġjat, iżda l-annullament tiegħu (23).

57.      L-interpretazzjoni proposta mill-qorti tar-rinviju tinjora s-sens preċiż ħafna tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi” li jintuża fil-kuntest tal-klawżola ta’ terminazzjoni, kif ukoll il-formulazzjoni u l-għan tat-test li fih jidħol dan il-kunċett.

58.      Dawn iċ-“ċirkustanzi” huma dawk li, konformement mal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2011/95, iwasslu lill-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tirrikonoxxi l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja (24). Dawn huma ċirkustanzi oġġettivi eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini tal-parti interessata, li huma l-bażi li fuqhom tiġi evalwata l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ periklu serju fil-każ ta’ ritorn lejn dan il-pajjiż.

59.      Konsegwentement, dawn iċ-ċirkustanzi huma determinanti għall-finijiet tal-għoti tal-protezzjoni sussidjarja peress li juru n-nuqqas fil-kapaċità tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant sabiex jiżgura protezzjoni kontra dawn il-perikli u huma l-bażi tal-biża’ ta’ dan tal-aħħar (25). B’mod simetriku, l-evoluzzjoni ta’ dawn iċ-ċirkustanzi hija deċiżiva għall-finijiet tat-terminazzjoni tal-imsemmija protezzjoni (26).

60.      Konformement mal-Artikolu 1(5) u (6), Taqsima C tal-Konvenzjoni ta’ Genève u sabiex tiġi ppreżervata l-integrità tas-sistema ta’ protezzjoni internazzjonali, l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2011/95 jipprevedi għaldaqstant it-terminazzjoni tal-protezzjoni sussidjarja meta ċ-ċirkustanzi li ġġustifikaw l-għoti ta’ din il-protezzjoni “jkunu waqfu milli jeżistu” jew “ikunu nbiddlu” sat-tali punt li rrimedjaw dak li kien wassal għar-rikonoxximent ta’ dan l-istatus. B’hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni jeżiġi li l-bidla tkun “ta’ natura sinifikanti u mhux temporanja” sabiex jiġi evitat li l-istatus li jingħata ma jiddaħħalx dejjem inkwistjoni minħabba bidliet temporanji fis-sitwazzjoni eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini tal-benefiċjarji, li jiggarantixxi l-istabbiltà tas-sitwazzjoni tagħhom.

61.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, huwa evidenti li t-terminazzjoni tal-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja ma tistax tikkonċerna ħlief lil dawk li l-istatus ingħata lilhom leġittimament minħabba ċirkustanzi fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, iżda li, minħabba raġunijiet oġġettivi intiżi għall-bidla ta’ dawn tal-aħħar, ma għandhomx iktar bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali. It-terminazzjoni tal-protezzjoni sussidjarja ma għandhiex għaldaqstant l-għan li tikkorreġi l-iżbalji tal-amministrazzjoni u ma tistax evidentement tiddependi fuq kriterju tant suġġettiv u li jevolvi bħall-istat tal-għarfien tal-awtorità nazzjonali kompetenti fir-rigward ta’ dawn iċ-ċirkustanzi.

62.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, fl-opinjoni tiegħi, ir-raġuni għat-terminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2011/95 ma tippermettix lill-awtorità nazzjonali sabiex tirrevoka l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn din l-awtorità wettqet żball fir-rigward tad-determinazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tal-parti interessata meta hija l-unika responsabbli.

63.      Fit-tieni lok, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 19(2) u (3)(a) tad-Direttiva 2011/95, l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja jista’ jiġi rrevokat meta l-parti interessata, minkejja li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi rrikonoxxuta bħala persuna li tista’ tibbenefika minn din il-protezzjoni, tiġi madankollu eskluża minħabba l-periklu li hija tirrappreżenta għas-soċjetà jew għas-sigurtà tal-Istat Membru jew minħabba l-atti partikolarment serji li huwa kien wettaq jew li kien ipparteċipa fihom previsti fl-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva (klawżola ta’ esklużjoni).

64.      Din id-dispożizzjoni tinkorpora fid-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 1, Taqsima F tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

65.      Huwa evidenti li, fin-nuqqas ta’ aġir kriminali tal-parti interessata jew ta’ kwalunkwe periklu li dan jista’ jirrappreżenta għall-Awstrija, l-eżami ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex rilevanti.

66.      Fit-tielet u fl-aħħar lok, l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja jista’ jiġi rrevokat minħabba l-aġir frawdolenti tal-benefiċjarju tiegħu.

67.      Skont l-Artikolu 19(3)(b) tad-Direttiva 2011/95, li tagħmel riferiment espliċitu għalih il-qorti tar-rinviju, l-Istati Membri huma effettivament marbuta sabiex jirrevokaw l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja jekk, minħabba xi bidliet jew nuqqasijiet fil-fatti li huma tort tal-parti interessata, l-awtorità nazzjonali tat dan l-istatus inġustament.

68.      Peress li r-raġuni li fuqha hija bbażata r-revoka prevista f’din id-dispożizzjoni hija infondata fil-kawża preżenti, fejn M. Bilali ma biddilx u ma ħalliex barra l-fatti li jikkonċernawh, huwa evidenti li t-termini ta’ din id-dispożizzjoni ma jippermettux li ssir ir-revoka tal-istatus tiegħu.

69.      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, bħar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 1, Taqsimiet D sa F, tal-Konvenzjoni ta’ Genève, l-ebda waħda mir-raġunijiet ta’ revokazzjoni espliċitament u b’mod ristrett previsti fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95 ma jippermettu lill-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tirrevoka l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lill-parti interessata minħabba żball fir-rigward tad-determinazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tal-parti interessata, li kienet responsabbli għalih hija biss.

2.      Il-mekkaniżmi proċedurali previsti għall-finijiet tal-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali

70.      Kif rajna, l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95, huwa intiż sabiex jistabbilixxi l-mekkaniżmi proċedurali li jippermettu li jiġi rtirat l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja b’rispett għar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Genève. B’hekk, dan l-artikolu jelenka b’mod eżawrjenti r-raġunijiet li minħabba fihom l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà jew l-obbligu li jirrevokaw l-imsemmi status, itemmuh jew ma jġedduhx, filwaqt li r-regoli ta’ proċedura applikabbli huma ppreċiżati fl-Artikoli 44 u 45 tad-Direttiva 2013/32.

71.      Mit-termini tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95 kif ukoll min-natura tad-deċiżjonijiet li għalihom jagħmel riferiment il-leġiżlatur, jirriżulta b’mod ċar li dawn jikkonċernaw it-trattament ta’ dawk li ngħataw l-istatus leġittimament, iżda li, minħabba evoluzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom (klawżola ta’ terminazzjoni), jew minħabba l-aġir tagħhom stess (klawżola ta’ esklużjoni) ma jistgħux jibqaw jippretendu l-benefiċċju ta’ din il-protezzjoni. Id-deċiżjonijiet li għalihom jagħmel riferiment il-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95 ma għandhomx għaldaqstant l-intenzjoni li jirregolaw is-sitwazzjoni ta’ dawk li ma kellhomx jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali minħabba, pereżempju, determinazzjoni żbaljata tal-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali tagħhom. A priori, sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni ma tistax għaldaqstant taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 19 tad-direttiva.

72.      Id-dispożizzjonijiet proċedurali dwar l-“irtirar tal-protezzjoni internazzjonali”, previsti fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 2013/32, lanqas ma jippermettu dan.

73.      Infakkar li, abbażi tal-Artikolu 44 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri “għandhom jiżguraw li jkun jista’ jinbeda eżami sabiex tiġi rtirata l-protezzjoni internazzjonali ta’ persuna partikolari meta jitfaċċaw elementi jew konklużjonijiet ġodda li jindikaw li hemm raġunijiet għar-rikonsiderazzjoni tal-validità tal-protezzjoni internazzjonali tagħha”.

74.      Għalkemm huwa minnu li l-leġiżlatur tal-Unjoni juża kunċett ġuridiku hawnhekk (il-kunċett ta’ “irtirar”), distint minn dawk previsti fl-Artikoli 14 u 19 tad-Direttiva 2011/95 u li jipprevedi, b’mod wiesa’ ħafna, il-preżenza ta’ “elementi jew konklużjonijiet ġodda”, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “irtirar tal-protezzjoni internazzjonali” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(o) tad-Direttiva 2013/32 bħala li jipprevedi d-“deċiżjoni minn awtorità kompetenti li tirrevoka, twaqqaf jew tirrifjuta li ġġedded l-istatus ta’ rifuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja ta’ persuna taħt id-Direttiva [2011/95]”.

75.      Dan huwa kkonfermat espliċitament mir-riferiment imwettaq mill-Artikolu 45(1) u mill-Artikolu 46(1)(ċ) tad-Direttiva 2013/32.

76.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nistgħu nikkonkludu li l-uniċi sitwazzjonijiet li fihom il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jippermetti lill-Istati Membri sabiex jirrevokaw jew jirtiraw l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja huma dawk previsti fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95.

77.      Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni topponi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tippermetti lill-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tirrevoka l-imsemmi status għal raġuni li ma hijiex waħda minn dawk espliċitament u b’mod ristrett previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-imsemmija dispożizzjoni.

78.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi għaldaqstant li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li jopponi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha Stat Membru jista’ jirrevoka l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja meta l-awtorità nazzjonali kompetenti wettqet żball, li hija responsabbli għalih hija biss, fir-rigward taċ-ċirkustanzi li ġġustifikaw l-għoti ta’ din il-protezzjoni.

B.      Ir-regoli ta’ dritt applikabbli

79.      Sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata l-elementi utli kollha li ser jippermettulha sabiex tiddeċiedi fuq il-kawża li hija adita biha, naħseb li l-eżami tad-domanda tagħha jeħtieġ li jiġu ċċarati l-għan u n-natura tad-deċiżjoni li l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tadotta meta, minħabba żball ta’ evalwazzjoni li hija responsabbli għalih, il-parti interessata bbenefikat inġustament mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. Effettivament, is-sistema ġuridika applikabbli għal din id-deċiżjoni tiddependi fuq il-klassifikazzjoni ġuridika tagħha.

80.      Fil-kawża preżenti, l-Uffiċċju rrevoka ex officio l-imsemmi status bl-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 9(1) tal-AsylG 2005.

81.      Issa, huwa stabbilit li, fl-oriġini tal-proċedimenti, l-Uffiċċju ma kellux jagħti l-benefiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lill-parti interessata. B’hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Uffiċċju ma wasalx sabiex jistabbilixxi, b’mod korrett, il-pajjiż ta’ oriġini tal-interessat peress li ma wettaqx l-investigazzjonijiet adattati u fformula “suppożizzjoni żbaljata” tat-tip li l-“kundizzjonijiet għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja qatt ma ġew issodisfatti”(27).

82.      F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni, fejn l-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja ngħata bi ksur tar-regoli tad-dritt, kif ukoll, b’mod partikolari tal-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fil-Kapitoli II u V tad-Direttiva 2011/95 u fejn dan il-ksur kellu impatt determinanti fuq ir-riżultat tal-eżami tal-applikazzjoni tal-protezzjoni internazzjonali, huwa neċessarju, fl-opinjoni tiegħi, li jiġi annullat l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

83.      Din is-soluzzjoni għandha l-vantaġġ li ma hemmx għalfejn jiġu interpretati b’mod estensiv id-dispożizzjonijiet stretti ħafna tal-Konvenzjoni ta’ Genève u, għalhekk, ma hemmx għalfejn titwettaq distorsjoni tat-termini u tal-iskop tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95 filwaqt li jiġu żgurati l-garanziji proċedurali massimi u rispett sħiħ għall-ekwità dovuta lil persuna li ma għandha l-ebda responsabbiltà għall-iżball imwettaq mill-amministrazzjoni.

84.      Din is-soluzzjoni tapplika wkoll sabiex tiġi żgurata l-integrità tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, peress li kull rikonoxximent żbaljat għandu jiġi kkorreġut sabiex jiġi żgurat li l-protezzjoni internazzjonali tingħata biss lill-persuni li verament għandhom bżonnha. F’dan ir-rigward, f’sitwazzjoni fejn l-istatus jingħata inġustament minħabba żball ta’ dritt jew ta’ fatt imwettaq mill-korp li qiegħed imexxi l-każ, l-UNHCR tirrakkomanda l-annullament jew l-invalidazzjoni tal-att li jirrikonoxxi dan l-istatus fil-kuntest ta’ proċedura li tirrispetta l-prinċipji ġenerali tad-dritt. Għalkemm l-annullament jew l-invalidazzjoni ma humiex espliċitament previsti mill-Konvenzjoni ta’ Genève, l-UNHCR tikkunsidra madankollu li dawn huma kompletament konformi mas-suġġett u mal-għan ta’ din il-konvenzjoni u li huma imposti sabiex jippreżervaw l-integrità tad-definizzjoni ta’ refuġjat (28).

85.      Din il-proċedura ta’ annullament hija iktar neċessarja f’din il-kawża peress li s-suppożizzjonijiet li fuqhom l-awtorità nazzjonali kompetenti bbażat ruħha affettwaw il-proċedura ta’ ezami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kollha, jiġifieri mhux biss il-legalità tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-istatus ta’ refuġjat, iżda wkoll il-legalità tad-deċiżjoni li tagħti l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2013/32 jistabbilixxi proċedura unika, li fil-kuntest tagħha l-awtorità nazzjonali kompetenti teżamina applikazzjoni fid-dawl taż-żewġ forom ta’ protezzjoni internazzjonali, taħt il-perspettiva, qabel kollox, tal-kundizzjonijiet stabbiliti sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat, u wara, fuq dawk previsti għall-finijiet tal-għoti tal-protezzjoni sussidjarja, fejn id-determinazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant tikkostwixxi, barra minn hekk, kriterju ta’ referenza komuni għaż-żewġ forom ta’ protezzjoni internazzjonali (29).

86.      Barra minn hekk, fil-kuntest tar-rikors li ġiet adita bih, l-Asylgerichtshof (il-Qorti dwar l-Ażil, l-Awstrija), iddeċidiet l-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Uffiċċju rrifjuta li jagħti l-benefiċċju tal-istatus ta’ refuġjat lill-parti interessata, minħabba wkoll is-suppożizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom hija mexxiet l-eżami tagħha.

87.      F’tali ċirkustanzi, fejn ġiet ivvizzjata l-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kollha u fejn, finalment, il-benefiċjarju ma kienx eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja, kien ikun, fl-opinjoni tiegħi, iktar ġust li jiġi deċiż l-annullament tad-deċiżjoni li tat l-imsemmi status.

88.      Id-dritt tal-Unjoni ma jipprevedi l-ebda dispożizzjoni speċifika fir-rigward tar-regoli u l-modalitajiet tal-proċedura applikabbli għall-annullament ta’ status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja minħabba żball imwettaq mill-amministrazzjoni.

89.      Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet espliċiti fid-dritt tal-Unjoni, dawn ir-regoli jaqgħu, abbażi tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, taħt l-ordinament ġuridiku nazzjonali u, b’mod partikolari, taħt ir-regoli tad-dritt amministrattiv ta’ dan tal-aħħar. Kawża bħal dik inkwistjoni taqa’, għaldaqstant, taħt il-kontenzjuż klassiku tal-annullament ta’ att li joħloq dritt minħabba żball tal-amministrazzjoni.

90.      Madankollu, dan l-att huwa partikolari, peress li jagħti, abbażi tad-dritt tal-Unjoni, protezzjoni internazzjonali li magħha huma assoċjati, b’mod partikolari, id-drittijiet ta’ residenza u ta’ riunifikazzjoni tal-familja li jaqgħu wkoll taħt id-dritt tal-Unjoni.

91.      Dan ir-riferiment għall-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri għandu għaldaqstant jiġi mmoderat mill-obbligu li jiġu rrispettati, minn naħa, id-drittijiet fundamentali u, min-naħa l-oħra, il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (30).

92.      F’dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ ekwivalenza, dan jimplika li l-persuni li jinvokaw id-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ma għandux ikollhom żvantaġġ fil-konfront ta’ dawk li jinvokaw drittijiet ta’ natura purament nazzjonali.

93.      F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, ir-rispett ta’ dan il-prinċipju jirrikjedi għaldaqstant li r-regoli u l-modalitajiet proċedurali applikabbli għall-annullament tal-att li jagħti l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw l-annullament ta’ att li jagħti status li jista’ jitqabbel abbażi tad-dritt nazzjonali.

94.      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-komparabbiltà ta’ dawn l-istatus differenti, billi tikkunsidra, partikolarment, l-għan tagħhom kif ukoll id-drittijiet u l-vantaġġi assoċjati mal-imsemmija status u, b’mod partikolari, tal-vantaġġi ekonomiċi u soċjali bħall-għoti ta’ permessi ta’ residenza, l-aċċess għall-protezzjoni soċjali, għall-kura tas-saħħa u għas-suq tax-xogħol. Peress li d-Direttiva 2011/95 twettaq armonizzazzjoni eżawrjenti tal-qasam tal-protezzjoni internazzjonali, ikun neċessarju li jsir riferiment għall-istatus mogħtija fuq bażi ta’ diskrezzjoni mill-Istati Membri, għal raġunijiet ta’ kumpassjoni jew umanitarji (31).

95.      Barra minn hekk, fir-rigward tar-regoli u modalitajiet proċedurali applikabbli, nafu li l-maġġoranza tal-Istati Membri jimponu kundizzjonijiet stretti għall-annullament ta’ att li jagħti drittijiet fuq il-bażi ta’ żball li hija responsabbli għalih l-awtorità amministrattiva. Meta l-applikant ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu bona fide u kkoopera fil-proċedura ta’ eżami, fejn kellu dritt li jkollu fiduċja li tingħata deċiżjoni ġusta u valida, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi normalment jipprevalu fuq l-interess li jista’ jkollu Stat sabiex jikkorreġi l-iżbalji mwettqa mill-korpi deċiżjonali tiegħu.

96.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura, partikolarment, li l-annullament tal-istatus mogħti mill-protezzjoni internazzjonali jseħħ b’osservanza sħiħa tal-garanziji ta’ proċedura ekwa u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Sabiex jiġi evitat li l-annullament iwassal għal konsegwenzi sproporzjonati ta’ natura serjament dannuża għall-persuna kkonċernata, fl-opinjoni tiegħi għandhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u partikolarment id-drittijiet kif ukoll il-vantaġġi li din ibbenefikat minnhom wara l-għoti ta’ dan l-istatus u, b’mod partikolari, ir-riunifikazzjoni tal-familja li hija setgħet gawdiet minnha, id-dewmien tar-residenza tagħha u d-diffikultajiet li din tirriskja li tiġi esposta għalihom fil-każ tal-annullament tal-istatus li hija bbenefikat minnu.

97.      F’dak li jikkonċerna preżentement il-prinċipju ta’ effettività, ir-rispett tiegħu jirrikjedi li r-regoli u l-modalitajiet proċedurali applikabbli għall-annullament ta’ att li jagħti l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (32).

98.      Il-prinċipju ta’ effettività huwa marbut b’mod intimu mad-dritt għall-protezzjoni ġurisdizzjonali effettiva u jippreżupponi li jekk dritt huwa rrikonoxxut għal individwi abbażi tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà sabiex jiżguraw il-protezzjoni effettiva tiegħu, li jimplika bħala prinċipju l-eżistenza ta’ azzjoni ġudizzjarja.

99.      Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika r-rispett tal-imsemmi prinċipju, ninnota li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-parti interessata setgħet tressaq rikors quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), u, wara, rikors straordinarju għal Reviżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) f’dak li jikkonċerna l-proċedura tar-revoka tal-istatus li hija kienet ingħatat mill-protezzjoni sussidjarja fir-rigward tal-Alġerija bħala l-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

100. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn id-deċiżjoni tal-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja ngħatat bi ksur tar-regoli tad-dritt, kif ukoll, partikolarment, tal-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fil-Kapitoli II u V tad-Direttiva 2011/95 u fejn dan il-ksur kellu impatt determinanti fuq ir-riżultat tal-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-Istat Membru huwa marbut sabiex jipproċedi għall-annullament tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

101. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet espliċiti fid-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi ppreċiżat li r-regoli u l-modalitajiet proċedurali applikabbli għall-annullament tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja minħabba żball imwettaq mill-amministrazzjoni jaqgħu, abbażi tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, taħt l-ordinament ġuridiku nazzjonali, bla ħsara, madankollu, għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

VI.    Konklużjoni

102. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, jien nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) kif ġej:

1)      L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, jopponi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, abbażi tagħha, Stat Membru jista’ jirrevoka l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja meta l-awtorità nazzjonali kompetenti wettqet żball, li hija biss kienet responsabbli għalih, fir-rigward taċ-ċirkustanzi li ġġustifikaw l-għoti ta’ din il-protezzjoni.

2)      F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn id-deċiżjoni tal-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja ngħatat bi ksur tar-regoli tad-dritt, kif ukoll, partikolarment, tal-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fil-Kapitoli II u V tad-Direttiva 2011/95 u fejn dan il-ksur kellu impatt determinanti fuq ir-riżultat tal-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-Istat Membru huwa marbut sabiex jipproċedi għall-annullament tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet espliċiti fid-dritt tal-Unjoni, ir-regoli u l-modalitajiet proċedurali applikabbli għall-annullament tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja minħabba żball imwettaq mill-amministrazzjoni jaqgħu, abbażi tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, taħt l-ordinament ġuridiku nazzjonali, bla ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).


3      Ara r-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (ĠU 2010, L 132, p. 11).


4      Ara l-analiżi ġuridika tal-2018 intitolata “Tmiem tal-protezzjoni internazzjonali: Artikoli 11, 14, 16 u 19 tad-Direttiva tal-Kwalifika (2011/95/UE)” (b’mod partikolari l-Kapitolu 4.1.3, p. 35).


5      Iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”.


6      Direttiva tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).


7      Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).


8      BGBl. I, 100/2005, iktar ’il quddiem l-“AsylG 2005”.


9      BGBl. I, 87/2012.


10      Iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kontenzjuża”.


11      Ara, b’mod partikolari, il-punti 7, 20 u 22 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


12      Korsiv miżjud minni.


13      Ara l-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2011/95.


14      Ara l-premessi 23 u 24 tad-Direttiva 2011/95.


15      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2017, Lounani (C‑573/14, EU:C:2017:71, punti 41 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


16      Iktar ’il quddiem l-“UNHCR”.


17      Ara l-premessa 22 tad-Direttiva 2011/95.


18      Ser nuża l-kunċett ta’ “irtirar tal-protezzjoni internazzjonali” b’mod konformi mad-definizzjoni miżmuma mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 2(o) tad-Direttiva 2013/32, peress li dan il-kunċett jirreferi għall-proċeduri differenti previsti fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95, jiġifieri ir-“revoka”, it-“tmiem” jew iċ-“ċaħda għat-tiġdid” tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.


19      Linji Gwida tal-UNHCR dwar il-Proċeduri u l-Kriterji li Għandhom Jiġu Applikati Sabiex Jiġi Ddeterminat l-Istatus ta’ Refuġjat fir-rigward tal-Konvenzjoni tal-1951 u tal-Protokoll tal-1967 dwar l-Istatus tar-Refuġjati (punti 116 u 117). Ara wkoll, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-klawżola ta’ terminazzjoni, il-Linji Gwida tal-UNHCR tal-10 ta’ Frar 2003 dwar il-Protezzjoni Internazzjonali: Waqfien ta’ Eżistenza tal-Istatus ta’ Refuġjat taħt l-Artikolu 1(C)(5) u (6) tal-Konvenzjoni tal-1951 li għandha x’taqsam mal-istatus ta’ refuġjati (klawżoli dwar iċ-“ċirkustanzi li ma għadhomx jeżistu”).


20      Fil-kuntest tad-Direttiva 2011/95, il-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi proċedura unika ta’ eżami tal-ħtiġijiet tal-protezzjoni internazzjonali u għandu tendenza lejn eliminazzjoni tad-differenzi eżistenti fil-livell tad-drittijiet mogħtija lir-refuġjati u lill-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja.


21      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22      Punt 116 ta’ dawn il-linji gwida.


23      Ara wkoll il-linji gwida dwar il-protezzjoni internazzjonali tal-UNHCR iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet (punt 4).


24      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105), dwar l-interpretazzjoni tal-klawżola ta’ terminazzjoni tal-istatus ta’ refuġjat, prevista fl-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83.


25      Barra minn hekk, fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95, il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża d-“dannu serju” li jista’ jwassal għall-għoti ta’ din il-protezzjoni.


26      Ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105, punt 68).


27      Ara l-punt 7 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


28      Ara n-nota tal-UNHCR tat-22 ta’ Novembru 2004 fuq l-annullament tal-istatus ta’ refuġjat; Kapferer, S., “Cancellation of refugee Status”, UNHCR, Legal and Protection Policy Research Series, Marzu 2003, kif ukoll in-nota ta’ informazzjoni tal-UNHCR tal-4 ta’ Settembru 2003 fuq l-applikazzjoni tal-klawżoli ta’ esklużjoni: Artikolu 1F tal-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-istatus tar-refuġjati (Kapitolu I(F)).


29      L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi li, “[m]eta teżamina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, l-awtorità determinanti għandha l-ewwel tiddeċiedi jekk l-applikanti jikkwalifikawx bħala rifuġjati u, jekk le, jiddeċiedu jekk l-applikanti humiex eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja”. Infakkru wkoll li, konformement mal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2011/95, “persuna li hija eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” hija persuna li, b’mod partikolari, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala refuġjat.


30      Ara b’analoġija s-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 85 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), tat-8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), tas-26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst vs Toeslagen (effett sospensiv tal-appell) (C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev (C‑571/16, EU:C:2018:807, punti 123 et seq. kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


31      Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 15 tad-Direttiva 2011/95.


32      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2018, Diallo (C‑246/17, EU:C:2018:499, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).