Language of document : ECLI:EU:F:2016:192

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)

1 ta’ Awwissu 2016

Kawża F‑23/13

Mario Animali et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Trasferiment lejn l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba taħt skemi oħra – Deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent tal-akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz li tapplika d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni l-ġodda dwar l-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura – Rikors manifestament infondat”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu Mario Annimali, Hilke Riemer-Sullivan, Bo Skovsboell u Michael Strojwas talbu l-annullament deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea għar-rikonoxximent tal-akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz fl-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni Ewropea wara t-trasferiment tad-drittijiet tagħhom għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul tagħhom fis-servizz tal-Unjoni kif ukoll, sa fejn ikun meħtieġ, tad-deċiżjonijiet li ċaħdu l-ilmenti tagħhom.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament infondat. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Atti tal-istituzzjonijiet – Applikazzjoni ratione temporis – Applikazzjoni immedjata tar-regola l-ġdida lill-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li bdiet taħt ir-regola l-antika – Adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ġodda ta’ implementazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Applikazzjoni għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mituba qabel l-adozzjoni tar-regola l-ġdida imma mwettqa wara d-dħul tagħha fis-seħħ – Ksur tad-drittijiet miksuba – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2))

2.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni – Trasferiment lejn l-iskema tal-Unjoni – Adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ġodda ta’ implementazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Differenza fit-trattament bejn uffiċjali li raw il-kapital li jirrapprreżenta d-drittijiet tagħhom għall-pensjoni ttrasferit għall-iskema tal-Unjoni, rispettivament, qabel u wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjonijiet – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fir-trattament – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2))

1.      L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ġodda tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal f’dak li jirrigwarda trasferiment għall-iskema tal-pensjoni tal-Unjioni tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fil-kuntest ta’ skema ta’ pensjoni oħra, mitluba qabel l-adozzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet, iżda li seħħ wara d-dħul fis-seħħ tagħhom, ma hijiex kuntrarju għall-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

F’dan ir-rigward, skont prinċipju ġeneralment irrikonoxxut, u sakemm ma jkunx hemm deroga, regola ġdida tapplika immedjatament għas-sitwazzjonijiet li jkunu għad iridu jimmaterjalizzaw kif ukoll għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li diġà jkunu mmaterjalizzaw, mingħajr ma jkunu madankollu kompletament ikkostitwiti, taħt ir-regola l-qadima. Dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li nibtu u kienu definittivament imwettqa taħt il-liġi preċedenti, u li joħolqu drittijiet miksuba. Dritt jitqies li huwa miksub biss meta l-fatt li jiġġenerah ikun seħħ qabel l-emenda leġiżlattiva. Madankollu, dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ dritt fejn il-fatt li ġġenerah ma twettaqx taħt il-leġiżlazzjoni li ġiet emendata.

Issa, minn naħa, l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regoli tal-Persunal ma jipprekludix tali applikazzjoni immedjata tad-dispożizzjonijiet ġenerali ġodda ta’ implementazzjoni.

Min-naħa l-oħra, la l-komunikazzjoni, lill-uffiċjal jew membru tal-persunal li jkun ressaq talba għal trasferiment lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni ta’ drittijiet akkwistati fil-kuntest ta’ skema oħra ta’ pensjoni, ta’ proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz ta’ pensjoni u lanqas, inqas u inqas, is-sempliċi tressiq ta’ talba bħal din ma jbiddlu s-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata u ma jipproduċux effetti legali vinkolanti. Għaldaqstant, ma jeżistux, għal uffiċjal jew membru tal-persunal, drittijiet miksuba li jistgħu jinkisru bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-ġodda.

Barra minn hekk, id-dritt ta’ uffiċjal jew membru tal-persunal li jiġi rrikonoxxut lilu akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz iseħħ b’mod sħiħ biss biss ladarba jiġi ttrasferit għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni l-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet tagħha miksuba taħt skema oħra.

(ara l-punti 46 sa 49 sa 51)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Verile u Gjergji, T‑104/14 P, EU:T:2015:776, punti 151 sa 154 u l-ġurisprudenza ċċitata.

2.      Istituzzjoni, billi adottat id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ġodda tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li minnhom jirriżulta differenza fit-trattament bejn l-uffiċjali li kellhom il-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom miksub taħt skema oħra ttrasferit għall-iskema tal-Unjoni, rispettivament, qabel u wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjonijiet, ma tikisirx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li t-trattament differenti jaffettwa uffiċjali li ma jagħmlux parti minn kategorija waħda u unika.

Fil-fatt, l-uffiċjali li fir-rigward tagħhom il-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom miksuba taħt skema oħra ma ġewx ittrasferiti għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet il-ġodda ma humiex fl-istess sitwazzjoni legali tal-uffiċjali li d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom miksuba preċedentement għad-dħul tagħhom fis-servizz kienu diġà, qabel din id-data, ġew ittrasferiti, taħt il-forma ta’ kapital, għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni u li fir-rigward tagħhom ġiet adottata deċiżjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz ta’ pensjoni f’din l-aħħar skema. Tal-ewwel għad għandhom drittijiet għall-pensjoni fi skema oħra filwaqt li, għat-tieni, diġà seħħ it-trasferiment tal-kapital li għandu bħala riżultat l-estinzjoni ta’ dawn id-drittijiet u r-rikonoxximent li tikkorrispondi għal akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni.

Barra minn hekk, din id-differenza fit-trattament hija bbażata wkoll fuq element oġġettiv u indipendenti mill-volontà tal-istituzzjoni kkonċernata, jiġifieri ċ-ċelerità ta’ trattament, mill-iskema ta’ pensjoni esterna kkonċernata, tal-applikazzjoni ta’ trasferiment tal-kapital inkwistjoni.

(ara l-punt 56)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Verile u Gjergji, T‑104/14 P, EU:T:2015:776, punti 177 sa 180