Language of document : ECLI:EU:F:2010:149

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

23 ta’ Novembru 2010

Kawża F-65/09

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-mard — Marda gravi — Eċċezzjoni ta’ illegalità tal-kriterji stabbiliti mill-kunsill mediku — Ċaħda tat-talbiet għar-rimbors tal-ispejjeż mediċi”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 263 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob b’mod partikolari, l-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-5 ta’ Awwissu 2008, adottata abbażi tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-10 ta’ Ġunju 2008, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni (T‑18/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra), li tiċħad it-talba tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2002, intiża għar-rimbors għal 100 % tal-ispejjeż mediċi sostnuti sabiex jingħata kura għall-mard tiegħu li minħabba f’hekk huwa ħa l-leave tal-mard mill-4 ta’ Jannar 2002, it-tieni nett, l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tiegħu kontra din id-deċiżjoni, u t-tielet nett, il-kundanna tal-Kummissjoni li tħallsu s-somma ta’ EUR 25 000 bħala kumpens għad-danni li huwa subixxa minħabba dawn id-deċiżjonijiet.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Appell — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Att preparatorju — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

2.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-mard — Marda gravi — Determinazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 72; Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ mard, Anness I, punt IV(1))

3.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-mard — Marda gravi — Determinazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 72; Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ mard)

4.       Uffiċjali — Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Obbligu ta’ motivazzjoni — Talba għar-rikonoxximent ta’ ċerta patoloġija bħala marda gravi — Rifjut ibbażat fuq opinjoni medika (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 72)

5.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-mard — Marda gravi — Determinazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 72(1))

1.      Huma biss l-atti jew il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tiegħu, li jikkawżaw preġudizzju.

L-atti preparatorji ta’ deċiżjoni ma jikkawżawx preġudizzju u huwa biss meta jiġi ppreżentat appell kontra d-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura li l-uffiċjal jista’ jsostni li seħħet irregolarità fl-atti preċedenti li huma strettament marbuta miegħu. Għalhekk, għalkemm ċerti miżuri purament preparatorji jistgħu jikkawża preġudizzju lill-uffiċjal, peress li dawn jistgħu jinfluwenzaw il-kontenut ta’ att kontestabbli preċedenti, dawn il-miżuri ma jistgħux madankollu jkunu s-suġġett ta’ rikors indipendenti u għandhom jiġu kkontestati fil-kuntest ta’ appell ippreżentat kontra dan l-att.

Fir-rigward ta’ proċedura applikata skont l-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, intiża għar-rikonoxximent ta’ mard bħala marda gravi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa paċifiku li, skont ir-regoli dwar assigurazzjoni, id-deċiżjoni finali tittieħed mill-Awtorità tal-Ħatra jew mill-uffiċċju likwidatur kompetenti jekk ikun ġie maħtur għal dan il-għan minn din l-awtorità, wara opinjoni tal-uffiċjal mediku ta’ dan l-uffiċċju. Huwa biss fil-mument meta tittieħed din id-deċiżjoni u mhux meta jingħata l-opinjoni tal-uffiċjal mediku li l-pożizzjoni legali tal-uffiċjal tiġi affettwata.

(ara l-punti 41 sa 43)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 11 ta’ Lulju 1968, Van Eick vs Il‑Kummissjoni, 35/67, Ġabra p. 481, 500; 10 ta’ Diċembru 1969, Grasselli vs Il‑Kummissjoni, 32/68, Ġabra p. 505, punti 4 sa 7; 24 ta’ Mejju 1988, Santarelli vs Il‑Kummissjoni, 78/87 u 220/87, Ġabra p. 2699, punt 13; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 22 ta’ Marzu 1995, Kotzonis vs CES, T‑586/93, Ġabra p. II‑665, punt 28; 25 ta’ Ottubru 1996, Lopes vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑26/96, ĠabraSP p. I‑A‑487 u II‑1357, punt 19

2.      L-eżami tal-legalità tal-kriterji ġenerali stabbiliti mill-kunsill mediku sabiex jiġi stabbilit jekk patoloġija tistax tiġi rikonoxxuta bħala marda gravi, hekk kif previst fil-punt IV(1) tal-Anness I tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ mard tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, adottati abbażi tal-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jistax jitqies bħala evalwazzjoni purament medika li ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, ma huwiex każ hawnhekk li jiġi analizzat jekk evalwazzjoni medika li tirrigwarda każ ineżami, pereżempju d-dijanjosi magħmula jew it-terapija ordnata minn tabib, hijiex jew le xierqa, iżda li jiġi eżaminat jekk il-miżuri ta’ portata ġenerali meħuda skont l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal humiex xierqa sabiex iwieġbu għall-intenzjoni tal-leġiżlatur, jiġifieri li mard “ta’ serjetà komparabbli”, ma’ dak imsemmi f’dan l-artikolu jista jiġi rrikonoxxut il-karatteristika ta’ marda gravi. Tali stħarriġ ta’ legalità jippreżupponi madankollu kunsiderazzjonijiet mediċi, u l-qorti ma hijiex l-entità li hija l-iktar fil-pożizzjoni li tevalwahom, li jiġġustifika li l-istħarriġ ġudizzjarju jkun limitat għall-projbizzjoni ta’ eventwali żbalji manifesti li dawn il-miżuri ta’ portata ġenerali ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunali jkunu vvizzjati bihom.

(ara l-punt 50)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 8 ta’ Marzu 1988, Brunotti vs Il‑Kummissjoni, 339/85, Ġabra p. 1379; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Ottubru 1993, Reinarz vs Il‑Kummissjoni, T‑6/92 u T‑52/92, Ġabra p. II‑1047, punti 54 sa 57; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Lulju 2007, Wils vs Il‑Parlament, F‑105/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑207 u II‑A‑1‑1187, punti 68 sa 71, u l-ġurisprudenza ċċitata; 18 ta’ Settembru 2007, Botos vs Il‑Kummissjoni, F‑10/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑243 u II‑A‑1‑1345, punti 39 sa 41 u 62 sa 76

3.      Il-mard imsemmi fl-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal jista’ f’ċertu numru ta’ każijiet, ikollu konsegwenzi fiżiċi jew mentali ta’ gravità partikolari, li jdumu fit-tul jew li huma kroniċi, u jeħtieġu miżuri terapewtiċi kunsiderevoli li jeħtieġu li d-dijanjostika preċedenti ssir b’mod ikkontrollat, li jippreżupponi analiżi jew investigazzjonijiet partikolari. Dan il-mard jista’ wkoll jesponi lill-persuna kkonċernata għar-riskju ta’ diżabbiltà gravi.

Jirriżulta b’mod ċar kemm mill-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Perusnal kif ukoll mill-metodi ta’ rikonoxximent ta’ marda gravi, previsti mir-Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ mard tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tali rikonoxximent huwa suġġett għall-eżami tas-sitwazzjoni ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata u mill-kundizzjonijiet ta’ trattament tal-patoloġija inkwistjoni.

Fil-fatt, l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal ma huwiex limitat sabiex jiddefinixxi lista ta’ mard gravi, rikonoxxut bħala tali a priori u b’mod astratt, indipendentement mis-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata. Huwa jipprovdi li mard ieħor jista’ jiġi rikonoxxut bħala ta’ serjetà komparabbli mill-Awtorità tal-Ħatra. Ir-rikonoxximent ta’ dan il-mard gravi ieħor jiddependi minn eżami ddettaljat tas-sitwazzjoni ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata, li jsir abbażi ta’ rapport tat-tabib li jikkuraha, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-kunsill mediku, liema kriterji jimplikaw l-analiżi preċiża kollha tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata.

(ara l-punti 52, 55 u 56)

4.      Id-deċiżjoni li biha istituzzjoni tirrifjuta talba ta’ rikonoxximent ta’ ċerta patoloġija bħala marda gravi, filwaqt li tirreferi għall-opinjoni tal-uffiċjal mediku li tnejn mill-kriterji kumulattivi ta’ klassifikazzjoni ta’ kundizzjoni bħala marda gravi ma kinux sodisfatti, turi r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi li minħabba fihom din il-klassifikazzjoni ma ġietx adottata għall-patoloġija tal-persuna kkonċernata. Tali motivazzjoni b’riferiment, għalkemm suċċint, tista’ tintlaqa’, iktar u iktar meta d-deċiżjoni li l-persuna kkonċernata tikkontesta sseħħ f’kuntest leġiżlattiv li tkun diġà taf bih, b’mod partikolari minħabba l-introduzzjoni ta’ azzjonijiet preċedenti analogi. Il-qosor ta’ tali motivazzjoni ma huwiex ta’ natura li jipprekludi l-istħarriġ li l-Qorti Ġenerali għandha teżerċita fuq tali deċiżjonijiet.

(ara l-punti 61 u 62)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 19 ta’ Novembru 1998, Il‑Parlament vs Gaspari, C‑316/97 P, Ġabra p. I‑7597, punti 26 sa 29; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Settembru 2008, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑143/08, ĠabraSP p. I‑A‑2‑47 u II‑A‑2‑321; 11 ta’ Mejju 2000, Pipeaux vs Il‑Parlament, T‑34/99, ĠabraSP p. I‑A‑79 u II‑337, punt 8

5.      Jirriżulta mill-istess kliem tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal li huwa biss il-mard ta’ gravità partikolari li jista’ jagħti dritt għal rimbors għal 100 % tal-ispejjeż mediċi li huma marbuta miegħu. Il-kunċett, ġenerali u mhux preċiż, ta’ mard mentali msemmi f’dan l-artikolu għalhekk huwa intiż biss għal mard li oġġettivament jippreżenta ċerta gravità, u mhux kull problema psikoloġika jew mentali, indipendentement mill-gravità tagħha. Fil-fatt ma hemm ebda raġuni sabiex jiġi maħsub li, f’dak li jikkonċerna l-mard ta’ dan it-tip, il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jadotta definizzjoni inqas restrittiva milli għall-mard ta’ natura psikoloġika.

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe preċiżazzjoni, fl-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Perusnali, dwar il-mard li jista’ jiġi kkunsidrat bħala mard mentali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa l-amministratur li għandu jeżamina, f’kull każ, fid-dawl tal-kriterji ta’ definizzjoni ta’ marda gravi adottati mill-kunsill mediku, jekk il-mard mentali jew il-problema psikoloġika li bihom huwa milqut l-uffiċjali jistgħux ikunu ta’ natura serja partikolari li, waħedha, tagħti dritt ta’ ħlas għal 100 % tal-ispejjeż mediċi.

Il-fatt biss li huwa milqut minn tali mard ma jippermettix lill-uffiċjal li jikseb mal-ewwel ir-rikonoxximent tal-benefiċċju ta’ rimbors għal 100 % tal-ispejjeż marbuta ma’ dan il-mard.

(ara l-punti 70, 71 u 73)